Aħbarijiet | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Julia Farrugia
Tfajla ta’ 23 sena minn Ħaż-Żebbuġ tinsab f’ħabs fi Spanja wara li kienet imressqa quddiem Qorti Spanjola fuq każ ta’ frodi ta’ travellers cheques.
Il-każ jaf il-bidu tiegħu f’Jannar li għadda meta t-tfajla flimkien ma’ ħabiba tagħha Maltija siefret biex suppost tmur taħdem għal xahrejn f’ħanut tal-catering fi Spanja. Iżda l-każ ħa żvolta differenti fejn għal numru ta’ ġimgħat it-tfajla kienet dikjarata mill-Pulizija Maltija bħala nieqsa.
Minn meta siefret it-tfajla minn Ħaż-Żebbuġ kienet qed iżżomm kuntatt mal-familja tagħha jew bl-MSN, jew b’email jew inkella bit-telefon ċellulari. L-aħħar darba li t-tfajla ċemplet lill-ġenituri kien fit-8 ta’ Marzu, dakinhar ta’ l-elezzjoni.
Iżda f’daqqa waħda l-kuntatt inqata’ ħesrem u kien hawn li l-familja minn Ħaż-Żebbuġ bdiet tinkwieta. Il-ġenituri ippruvaw jagħmlu kuntatt ma’ binthom b’kull mezz. Kuldarba li jċemplu t-telefon ċellulari kienu jsibuh mitfi u l-sms’s li bagħtulha baqgħu ma għaddew qatt.
Ġimagħtejn wara l-familja Maltija rat xaqq ta’ dawl f’dan il-każ misterjuż.
Il-ġenituri rnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ oħt it-tfajla Maltija li kienet imsiefra mat-tifla tagħhom. Din tathom aħbar kerha: iż-żewġ tfajliet Maltin kienu nfirdu.
Minn hawn beda stħarriġ ieħor. Qraba tat-tfajla irrappurtata nieqsa marru fil-lukanda Suncrest fejn sa llum iż-żagħżugħa għadha tidher fuq ir-reġistru tax-xogħol tal-kumpanija. It-tfajla kienet qalet lil tal-familja li l-kumpanija bagħtitha taħdem Spanja u qaltilhom ukoll li kienet qed tistenna li mil-lukanda jibagħtulha biljett ta’ l-ajru biex tkun tista’ tinżel lura Malta. Iżda l-kumpanija ċaħdet dan u sostniet li huma qatt ma bagħtuha fuq xogħol barra. Tant hu hekk li t-tfajla siefret minn rajha.
Kok f’din il-lukanda sa sostna li kien qed jistenna li minn ħin għall-ieħor it-tfajla tirrapporta mill-ġdid għax-xogħol għax ftit qabel siefret kienet qaltlu li se ssiefer biss għal xahrejn.
Tul il-korsa ta’ l-investigazzjoni l-Pulizija Maltija ngħataw dettal ieħor. Iż-żgħażugħa darba minnhom kienet qalet lill-ġenituri li f’Malta ltaqgħet ma’ ġuvni Spanjol u li kien hu li taha biljett one-way lejn Spanja u li terġa’ lura Malta wara xahrejn.
Żvolta ġdida f’dan il-każ seħħet tlett ġimgħat ilu. Tard filgħaxija tat-30 ta’ Marzu, il-familja minn Ħaż-Żebbuġ irċeviet telefonata li qatt ma kienu jistennew. It-tfajla li kienet qed takkumpanja lil binthom wasslitilhom l-aħbar li binthom kienet qed tinżamm arrestata f’għassa tal-Pulizija f’Malaga fi Spanja wara li allegatament ippruvat issarraf ċekk falz.
Il-Pulizija Spanjola ikkonfermaw ma’ l-awtoritajiet Maltin li x-xebba minn Ħaż-Żebbuġ kienet arrestata fis-17 ta’ Marzu u aktar tard tressqet il-Qorti fuq każ ta’ frodi. Jidher li ż-żagħżugħa ippruvat issarraf travellers’ cheques foloz. It-tfajla għadha qed tinżamm f’ħabs f’Alhaurin de La Torre f’Malaga u b’hekk il-każ tagħha ma jistax jibqa’ dikjarat bħala rappurtata nieqsa.
Din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-ħabs f’Malaga. Madankollu l-awtoritajiet sostnew li ma setgħux jgħadduna mat-tfajla Maltija. L-uniku aċċess bit-telefon li jista’ jsir hu jekk it-tfajla arrestata ċċempel hi stess.
It-tieni tfajla stqarret li anke hi kienet qed issib il-problemi biex toħroġ minn Spanja u li kienet qed tipprova tmur il-Portugall biex tiġi lura Malta minn hemm.
Eżatt 19-il ġurnata ilu l-familja Żebbuġija għamlu kuntatt mal-ħabiba ta’ binthom. Din sostniet li waslet il-Portugall fejn kienet se tipprova ssib xogħol biex taqla’ ftit flus li bihom tkun tista’ tiġi Malta.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|