Aħbarijiet | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Kurt Sansone
Il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista Joseph Muscat ilbieraħ ċaħad għal kollox ix-xniegħa li xterdet ġurnata qabel, bl-għajnuna tat-TVM, li hu kien se jirtira mit-tiġrija biex jappoġġa lil George Abela.
Nhar il-Ġimgħa l-istazzjon nazzjonali fl-aħbarijiet tat-tmienja xandar l-aħbar li Muscat kien avviċinat min-nies ta’ George Abela biex jirtira n-nomina tiegħu u jagħti l-appoġġ lill-eks Deputat Mexxej.
F’kumment li ta lil TVM Muscat ċaħad ix-xniegħa u sostna li hu kien interessat fil-kariga ta’ mexxej. Madankollu l-mod kif kien miktub is-servizz ingħatat l-impressjoni li l-Ewro Parlamentari kien se jirtira l-kandidatura. Tant li Muscat kellu joħroġ stqarrija oħra wara l-aħbarijiet biex ixejjen l-aħbar ta’ TVM.
L-aħbar fuq l-istazzjon nazzjonali ġiet ġurnata qabel Muscat vara l-programm ta’ ħidma tiegħu għal tibdil fil-Partit Laburista.
Intant waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet il-bieraħ li fiha Muscat ħabbar il-proposti tiegħu reġa’ tenna li hu kien se jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej u sostna li kien jistenna aħjar mill-istazzjon nazzjonali.
Meta ikkuntattjat minn din il-gazzetta, l-editur ta’ TVM Natalino Fenech ma xtaqx jikkummenta fuq ir-rappurtaġġ ta’ l-aħbar.
Mistoqsi jekk il-Bord Editorjali kienx se jinvestiga l-mod kif ixxandret l-aħbar, il-membru tal-bord Domnic Fenech sostna li bħalissa l-Bord ma kienx qed jiffunzjona kif suppost għax ippreżenta r-riżenja tiegħu lill-Ministru l-ġdid kif inhi l-prassi kull darba li jkun hemm bidla fl-amministrazzjoni.
“Imma lanqas jekk konna qed niffunzjonaw to the full ma nasalx biex ninvolvi ruħi fil-mod ta’ kif il-kamra ta’ l-aħbarijiet tal-PBS tiġbor l-aħbarijiet tagħha. Jekk hi kwistjoni ta’ jekk il-kamra ta’ l-aħbarijiet imxietx fair jew le, safejn naf jien operaw fuq informazzjoni li ġiet minn sors attendibbli u m’għandhom jagħtu sodisfazzjon lil ħadd. “Noqgħod fuq il-kelma tan-news editor li hu kien konvint mill-informazzjoni li rċieva qabel ma xandar l-aħbar,” sostna Fenech għalkemm il-mistoqsija ta’ din il-gazzetta ma kenitx dwar is-sors ta’ l-aħbar.
Meta mistoqsi dwar il-mod kif ġiet irrappurtata ċ-ċaħda ta’ Muscat, deskritta wkoll fis-servizz bħala “stqarrija kawta”, Fenech qal lil din il-gazzetta li hu ma segwiex l-aħbarijiet tat-tmienja tal-Ġimgħa.
“Segwejt l-aħbarijiet ta’ filgħodu u saret riferenza għall-istqarrija ta’ Joseph Muscat li se jkompli jikkontesta għal kap tal-partit,” tenna Fenech li fil-jiem li għaddew tkellem b’mod pubbliku favur il-kandidatura ta’ George Abela.
Jidher li fil-ġimgħat li għaddew kien hemm moviment minn uħud li jappoġġaw lil George Abela biex iwittulu t-triq u jikkonvinċu lill-kandidati l-oħra biex ma jikkontestawx.
L-eks ministru Laburista Lino Spiteri kien l-ewwel wieħed li pubblikament kiteb dwar il-possibbiltà li jkun hemm George Abela bħala kap u Joseph Muscat bħala d-deputat tiegħu.
Madankollu dawn l-isforzi ma wasslu għal imkien u x-xewqa li Muscat jirtira mit-tiġrija hi biss xewqa li għandhom xi wħud fil-kamp ta’ Abela.
Intant ikkuntattjat minn din il-gazzetta Muscat ċaħad b’mod kategoriku li persuni li qed jimpenjaw ruħhom fil-kampanja elettorali tiegħu ivvintaw xi storja u taw l-informazzjoni lil TVM.
Iċ-ċaħda ta’ Muscat ixxejjen spekulazzjoni li bdiet issir fost uħud fil-Partit Laburista li l-informazzjoni lil TVM dwar laqgħat biex Muscat jirtira n-nomina tiegħu ngħatat minn persuni fil-kamp ta’ l-Ewro Deputat biex tindifen darba għal dejjem il-possibbiltà li Muscat ikun id-deputat ta’ Abela.
Fl-ewwel stqarrija tiegħu meta ħabbar li se jikkontesta għal kap tal-partit, Muscat kien għamilha ċara li hu kien qed itellaq waħdu u “mingħajr l-ebda kundizzjoni” u li jekk ikun elett ikun lest jaħdem “ma’ kull persuna magħżula mill-Partit Laburista bħala Deputati Mexxejja u fil-karigi kollha l-oħra.”
|
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|