MediaToday

Sport | 20 ta’ April 2008 Nr 77

Il-memorji u n-nostalġija tat-tim tal-ħolm

Peress li twelidt fl-1979 ma niftakarx logħba waħda lokali fl-istadium tal-Gżira. Għalhekk intervisti bħal dawn nieħu gost nagħmilhom għax jirnexxili nammira l-plejers tal-passat filwaqt li nitgħallem aktar fuq l-istorja.
Mistoqsija waħda fil-bidu kienet tkun biżżejjed biex l-eks difensur tat-tim nazzjonali Malti jitkellem fuq il-karriera tiegħu u fuq dak kollu li mess ma’ dak li ħafna jqisuh l-aqwa tim ta’ kull żmien fl-istorja tal-futbol Malta... Floriana Ajax.
F’Anton Camilleri sibt bniedem b’memorja tal-għaġeb li jitkellem fit-tul fuq kollox. Kelli nkun jien li ninterrompi b’mistoqsijiet bażiċi biex nurih li għadni neżisti u li din kienet intervista għall-gazzetta u mhux xi qari ta’ rumanz fuq radju. Meta jirrakuntali ċerti fatti kurjużi tal-passat bħal donnu jintilef fil-memorji li se jibqgħu f’moħħu u f’qalbu tul ħajtu.
Iltqajt miegħu t-Tnejn fir-Rokna Hotel, San Ġiljan, il-lukanda proprjetà tiegħu u l-post li fi kliemu stess jgħidli li qed iqatta’ l-aktar mill-ħin ta’ ħajtu fih. Anton joħrog bagalja minn wara r-reception desk u jgħidli biex insegwieh lejn waħda mill-imwejjed tar-ristorant ta’ l-istess lukanda. Kif jiftaħa r-ritratti u l-biċċiet tal-gazzetti ta’ żminijietu kienu se jixpakkaw. Fuq kull wieħed għandu storja. Impressjonanti…
“Il-karriera tiegħi kienet qasira ħafna. Waqaft ta’ 29 sena. Kieku ż-żmien tagħna ġie fuqi llum nibqa’ għaddej sa 35 jew 37 sena żgur fil-pożizzjoni ta’ libero. Kont bdejt immur ta’ sikwit Ta’ Qali għax lill-Floriana bqajt inħobbhom. Riċentament qtajt ftit imma bqajt insegwihom minn fuq it-televizjoni.
“Fiż-żmien tiegħi konna kollha plejers mill-Furjana prodotti tal-klabb. Ma niftakarx plejer wieħed ħażin. Fiż-żminijiet ta’ meta jien u sħabi tat-tim konna għadna tfal żgħar niftakru t-tim ta’ Lolly Borg, Tony Cauchi, Lolly Debattista u Pullu Demanuele. Dawn il-plejers kienu kollha l-kowċis tagħna t-tfal iż-żgħar. Kollha kellhom it-tim tagħhom u r-rivalità ta’ bejnietna kienet waħda kbira. Minn hemmhekk ħarġu l-aqwa plejers. Il-kompetizzjoni ta’ bejnietna kienet kbira mmens. Fil-bidu tas-Snin Sittin għamilna l-qabża fl-età u bdejna nilagħbu mat-tim tal-minors. Meta ssemmi l-Floriana Ajax dak iż-żmien tkun qed issemmi xi ħaġa kbira. Sakemm irtiraw ta’ qabilna u dħalna aħna ħadna erba’ snin. Aħna kellna disa’ plejers man-nazzjonal.
“Jien bdejt fl-1966 u kont l-ikbar wieħed. L-ewwel kampjonat irbaħtu fl-1968. Kienu daħlu fit-tim Frankie Micallef, Tony Micallef, Louis Arpa u Willie Vassallo. L-aħjar edizzjoni li qatt kellna kienet meta daħlu Raymond u ħuh George Xuereb il-‘Weber’, Edwin Farrugia, George Ciantar u John Holland. Kien żmien Tony Formosa meta lħaqna l-quċċata tagħna bejn l-1973 u l-1977. L-aħħar staġuni konna għamilna 39 logħba konsekuttiva ma nitilfux logħba fil-kampjonat.”
Anton Camilleri twieled fis-17 ta’ April 1947. Mizzewweġ Skoċċiża, lil Catherine Davies u għandhom tlett itfal, Fiona ta’ 32 sena, Sheavon ta’ 28 sena u Analise ta’ 21 sena. Joqgħod Tal-Pietà iżda jsostni li Furjaniż kien, għadu u jibqa’. Konxju li kien diġà qalli li għadu sa llum isegwi l-futbol lokali nistaqsih x’differenza jara bejn il-plejers u l-futbol ta’ dak iż-żmien ma’ ta’ llum.
“Huma paraguni odjuzi u l-plejers ma tistax tqabbilhom għax il-logħba nbidlet ħafna. Il-logħba m’għadhiex tintlagħab l-istess. Illum hawn ħafna nuqqas f’dik li hi passjoni għal-logħba. Il-partitarji m’għadhomx l-istess. Fi żmieni l-logħba Floriana kontra Sliema Wanderers lgħabtha quddiem 17,000 ruħ fl-istadium tal-Gżira.
“Il-plejers ta’ llum jaraw biss il-flus. Ma jirrealizzawx li n-nies u l-istorja tibqa’ tiftakarhom għal kemm ħadu unuri u mhux flus. Dak iz-zmien rari biex plejer ibiddel klabb. Meta qed tara l-logħba Sliema kontra Floriana kienet tkun ta’ vera għax il-biċċa l-kbira tal-plejers ikunu twieldu, għexu u telgħu veru fit-toroq ta’ Ta’ Sliema jew tal-Furjana. Il-vantaġġ ta’ dak iż-żmien kien li ż-żgħażagħ kienu jaraw futbol biss. Illum id-differenza f’din l-għażla nfirxet fuq ħafna sports u affarijiet differenti.”
Ngħidlu li dan id-diskors nisimgħu ta’ spiss minn plejers u nies veterani fil-logħba tal-futbol. Iżda nfakkru li t-tim nazzjonali tal-preżenti hu t-tim nazzjonali tar-rekords. U allura d-diskors tiegħu fuq il-plejers Maltin ma rajtux daqshekk preċiż.
“Dusan Fitzel għamel setup tajjeb. Għamel titjib kbir u ġab kunfidenza kbira fil-plejers Maltin. Nemmen li għandu komunikazzjoni mill-aqwa mal-plejers kollha u l-konċentrazzjoni qed tiżdied logħba wara oħra. Qabel il-konċentrazzjoni kienet tintilef 10 minuti ’l hawn u 10 minuti ’l hemm. Illum il-plejers jidhru kkonċentrati tul id-90 minuta.
“Iżda fi żmieni l-plejers individwali kienu jispikkaw izjed. Fil-kalibru ta’ Raymond Vella u Carmel Busuttil kont titfa’ ħafna aktar plejers fosthom Willie Vassallo, Eddie Theobold, Joe Cini u Louis Arpa. Kull tim kellu sitt plejers ta’ dan il-kalibru. Id-differenza hi li l-plejers ta’ llum għandhom fiżiku aħjar. U dan minħabba l-faċilitajiet kbar li hawn. Kieku plejers bħal Willie Vassallo, Louis Arpa, Joe Cini u Eddie Theobold ġew illum kien ikollhom ta’ l-inqas il-livell ta’ Raymond Vella, Carmel Busuttil u John Buttigieg. Bil-livell tagħhom setgħu faċilment jilagħbu f’kampjonat ta’ l-ogħla livell fl-Ewropa. Jien hekk nemmen.
“Kieku dawk il-plejers li konna aħna dak iż-żmien qegħdin
fit-tim illum il-kampjonat nirbħuh hands down. Il-kwalità tal-plejers li kien hemm kienet wisq. Konna nilagħbu fuq art iebsa u rari ħafna biex tara ballun jogħla. Issa jekk aħna konna kapaċi fuq art hekk aħseb wara x’nagħmlu llum fuq il-ħaxix. Meta kien jiġi plejer ġdid li jixxuttja l-ballun bl-addoċċ ma kienx idum wisq magħna.”
Niftakar f’dak li kien qalli Charles Mock f’intervista simili fil-ħarġa ta’ l-Illum tad-9 ta’ Marzu meta qalli li l-ebda plejer mit-tim Furjaniż preżenti m’għandu livell biex jilgħab fit-tim nazzjonali ta’ dak iż-żmien.
“Għandu raġun. Hi diffiċli ħafna għax aħna kellna plejers ħafna aktar tajbin minn dawk ta’ llum li kellhom imorru ma’ klabbs oħra għax ma sabux posthom magħna. Ir-riservi tagħna kienu tajbin bizzejjed biex jilagħbu llum u jkunu fost l-aqwa plejers tal-pajjiz.”
Lil Vella, Busuttil u Buttigieg niftakarhom sew. U m’għandi l-ebda problema biex nikteb li huma l-aħħar tliet plejers ta’ klassi li kellu l-pajjiż. L-era’ preżenti tqarreb lejhom biss lil Michael Mifsud, Gilbert Agius u Andrè Schembri. Nistaqi lil Anton jekk minn dawn il-plejers kollha li jiftakar u għex magħhom liema jara l-aqwa wieħed ta’ kull żmien.
“Willie Vassallo kien l-aqwa plejer ta’ kull żmien. Jien bħala difensur dejjem rajt il-fus tat-tim. Viċin tiegħu rajt biss lil Raymond Vella fiż-żmien Gencho Dobrev. Kien leader tat-tim. Louis Arpa kien fost l-ikbar ukoll iżda kien aktar showman. F’tim tal-futbol trid plejer li jlaħħaq ma’ kollox u Willie kellu dan id-don.
“Aħna l-plejers l-antiki għadna sa llum niltaqgħu darba fis-sena noħorġu nieklu u tgħidx kemm nidħku. Noqogħdu nirrankutaw dak li konna ngħaddu minnu. Ma kienx hemm għalfejn tkun plejer kbir għax karattru tajjeb għal magħna kien ikun bizzejjed. Konna niċċajtaw goff bejnietna imma ħadd ma kien jieħu għalih. Wieħed mis-sigriet ta’ għaqda f’tim hu s-sens umoristiku tal-plejers.”
Fatt li personalment nibqa’ ddispjaċut bih hu li l-Empire Stadium għadni ma rajtu qatt. L-ewwel u l-uniku darba li rajtu minn ġewwa kien waqt servizz fil-programm Replay xi snin ilu. Dak iż-żmien kien fil-veru sens tal-kelma foresta. Nitkellem fuq dan ma’ Anton.
“Il-memorji ta’ l-Empire Stadium jibqgħu sbieħ għax ta’ tifel kont inkun dejjem spettatur fih u wara spiċċajt anki plejer. Il-ħolma tiegħi dejjem kienet li t-tim favorit tiegħi li kont insegwi regolari ta’ tifel żgħir nispiċċa nilgħab miegħu. F’10 snin irbaħt ħafna ma’ Floriana. Jiddispjaċini ħafna li dak l-istadium qiegħed fl-istat li qiegħed. Jien Ta’ Qali kont naraħ biered ħafna. It-track hi kbira wisq li tbiegħed wisq il-plejers mill-partitarji. Anki l-Italja qed iħossuha xi ħaġa bħal din. Ara Spanja u l-Ingilterra rranġawha din il-problema.”
Anton ma jaħbix il-fatt li l-isbaħ esperjenza ta’ ħajtu kienet il-logħba kontra l-Ingilterra f’Wembley. Jgħidli li kien hemm plejers Ingliżi li qatt ma rnexxilhom jilagħbu f’dan l-istadium iżda hu rnexxielu.
“F’dik il-logħba kien hemm fatt kurjuż fuq Joe Cini. Kien jilgħab ma’ Leyton Orient u QPR u kien ukoll il-captain ta’ Malta. Konna tlifna 1-0 hawn Malta u kull plejer ried jilgħabha dik il-logħba ta’ Wembley. Kien l-aħħar tal-karriera tiegħu u nqala’ xi ħaġa u ħallewh barra. Għadni sa llum iddispjaċut għalih għax logħba bħal dik anki b’sieq waħda tilgħabha.
“Joe Cini kien l-aktar attakkant li jagħtini x’nagħmel. Kien centre forward ta’ kwalità kbira u kellu saħħa enormi b’daqqa ta’ ras tremenda. Kien komplut.”
Anton jgħidli li l-ikbar ħabib fuq skala internazzjonali kien Brian Clough. Kienu ltaqgħu Malta u baqgħu ħbieb kbar sa mewtu.
“Brian Clough kien ħabib kbir tiegħi. Iltqajt miegħu meta kienu ġew jilagħbu Malta. Kien manager kontroversjali ħafna. Qatt ma sar manager tat-tim nazzjonali Ingliż għax kien bniedem li jgħid dak li jħoss. Tgħallimt ħafna mingħandu u għandu rispett kbir lejn kull plejer. Hu l-bniedem li tella’ lil Roy Keane. Kellu dixxiplina kbira. Kont iltaqjt miegħu fl-1982 meta Nottingham Forest ġew Malta. Magħhom għamel affarijiet kbar. Tellagħhom mit-Tieni Diviżjoni għall-Ewwel Diviżjoni dejjem b’champions u spiċċa rebaħ ukoll it-Tazza taċ-Champions.”
Nistaqsih li la għadu daqshekk intiż u midħla tal-logħba lokali għalfejn ma jitħajjarx jidħol fil-karriera tal-coaching.
“Kulħadd jistaqsini din il-mistoqsija. Jekk ma nkunx miftuħ fuq il-ħaġa mija fil-mija ma nħossnix komdu. Dejjem kont impenjat b’affarijiet oħra f’ħajti minbarra l-futbol. L-ewwel bix-xogħol ta’ l-airline, imbagħad bil-familja u l-lukanda. Illum inqatta’ l-ħin tiegħi l-lukanda u nsegwi l-futbol minn fuq it-televiżjoni. Inħobb l-aktar lil Milan. Iżda nħobb ħafna l-Arsenal u l-Manchester United għal mod kif jilagħbu l-futbol.
“Jiddispjaċini li mhux qed nikkowċja imma llum drajt. Għadu jinteressani dak li jkun għaddej minnu t-tim Furjaniz. Iżda ddispjaċut għas-sitwazzjoni preżenti tal-futbol mondjali inkluża Malta. Jekk tara dawn l-aħħar 10 snin l-aqwa plejers dejjem marru mat-timijiet fejn hemm presidenti li għandhom il-flus. Il-motivazzjoni llum qed aktar fil-president milli fil-flokk. Il-Furjana qatt ma kellhom president ta’ dan it-tip ħlief lil Anthony Grech Sant.
“Iżda ma’ Floriana kelli kwistjoni wkoll. Kienu tawni Lm500 għal ħames snin li għal dak iż-żmien kienu flus kbar. Lgħabt erba’ snin u l-aħħar sena ridt immur naħdem barra u ma ħallewnix. Għamluli impediment biex ma nsifirx. Illum ħfirtielhom għax qalbi marbuta wisq mal-flokk aħdar.”
Imma mit-tim preżenti ta’ Floriana għandu xi plejer favorit?
“Jogħġobni ħafna Mano Micallef. Naħseb li hu wieħed mill-aħħar talenti ta’ kwalità li telgħu mill-Furjana. Gilbert Agius hu wieħed mill-aħħar talent li pproduċa l-futbol Malti u għadu jilgħab sa llum. Izda jekk nara l-aħħar ġenerazzjoni tal-futbol ma nistax ma nsemmiex lil Ray Vella, Carmel Busuttil u John Buttigieg. Dak iż-żmien kont ngħid, ‘meta jispiċċaw dawn it-tlieta għandna min jieħu posthom?’
“Lili ssemmilix barranin għax għalija kważi kollha ħela ta’ flus. Però kien hawn barranin tajbin ukoll. Fil-bidu kont naqbel magħhom li jġibuhom imma l-problema hi li qed jiġu barranin ta’ livell inqas mill-Maltin. Intom il-ġurnalisti għandkom tagħmlu kampanja sħiħa kontra dawn il-barranin li jiġu Malta u m’għandhomx livell. B’hekk tkunu qed tagħmlu ġid kbir lill-futbol Malti. Tridu tagħmlu pressjoni kbira.”
Ifakkarni li dalwaqt ried jiltaqa’ ma’ sħabu. Kien it-Tnejn u għalhekk hi l-ġurnata fejn imur jilgħab logħba futbol 7-a-side. Ikellimni fuq żewġ memorji oħra…
“L-ewwel kampjonat li ħadna jibqa’ l-ikbar wieħed għalija. Konna lgħabna l-aħħar logħba bil-flokkijiet tas-Celtic. Fuq skala internazzjonali nibqa’ niftakar id-debutt tiegħi kontra l-Lussemburgu. Konna ġejna 1-1 u kien tkeċċa Edward Aquilina, bniedem li qatt ma kien jiftaħ ħalqu! Kien plejer nadif ħafna.
“Imbagħad ma nistax ma niftakarx fi Freddie Mizzi, il-Pampalun, li għadni nqisu bħala l-aqwa goalkeeper li qatt ħareġ minn Malta. Kien sod u kellu persuna sabiħa. Ħafif ħafna u jirbaħ is-centres. Dawk il-blalen li jiġu lejn in-nofs tal-kaxxa l-kbira kien jixrobhom. Kien awtorità. Il-kaxxa l-kbira kienet tiegħu. Jien bħala difensur kont inserraħ rasi bih warajja.
“Iżda ma nistax ma nirringrazzjax bniedem bħal Tony Cauchi li kien importanti ħafna f’ħajti. Kien hu li ta’ età zgħira tefagħni centre half. Irrid nirringrazzjah għax tani d-dawl u l-ħajja fil-logħba
tal-futbol.”

Intervista
Il-kelma ta’ George

Julia Farrugia tintervista lil George Vella


Editorijal
Tolleranza zero


Il Punt
Għad it-teknoloġija toqtol il-Ktieb?
Sergio Grech


Toni u Peppi
Il-bullying fuq l-għalliema



Emmanuel Micallef
Riforma soċjali


Carmelo Mifsud Bonnici

Staġun politiku ġdid



X'kien Jgħid
Konkors ta’ sbuħija



Wenzu Mintoff

Qamar il-għasel
Fix-xhur u l-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali għaddejna litteralment minn blitz medjatiku, bumbardament kontinwu ta’ politikanti li għamlu tabirruħhom li xtaqu sinċerament jikkomunikaw mal-poplu b’kull mezz possibbli, speċjalment dawk li għalihom kollox hu possibbli.


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan