Pjazzetta | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Mro Karl Fiorini jitkellem dwar il-festival u l-mużika f’ħajtu
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Is-surmast Karl Fiorini qed itella’ t-tieni Festival tal-Kordi għall-Orkestra f’Malta bis-sehem tar-Rotterdam Young Ensemble. L-idea ta’ dan il-festival ħarġet meta Fiorini kien għaddej minn żmien diffiċli fl-2005 u kien ilu jgħix għal ftit aktar minn sena f’Londra.
“Kelli nerġa’ lura Malta għax mietet ommi u ħtigli nkun ma’ ħuti l-bniet, li issa għandhom 25 sena u 15. Mort lura Londra għall-provi mar-Royal College of Music għad-Dottorat tiegħi. F’dak iż-żmien kont qed noqgħod għand ħabib tiegħi. Kont qed ingorr minħabba s-sitwazzjoni kif kienet Malta u kemm kont beżgħan li ma ngħaddix mill-provi u nispiċċa ngħix f’Malta maqtugħ mid-dinja. Hu ssuġġerixxa li nibda nagħmel xi ħaġa hemm bħal xi festival. Għamilt lejl sħiħ naħseb u l-għada ġietni l-idea: festival għall-kordi!”
Minn hemm bdiet il-ħidma tiegħu biex jgħaqqad ħsibijietu. Hu jxebbah il-proċess ma’ kompożizzjoni. L-idea tiegħu kienet li jkollu studenti żgħażagħ ġejjin mid-dinja kollha, iqattgħu ġimgħa Malta jieħdu master classes minn artisti internazzjonali u jagħtu kunċerti lill-pubbliku Malti.
Ikompli jitħaddet dwar x’jixtieq minn dan il-kunċert.
“Ma tantx jinteressani li jkolli nies li jiġu għall-kunċert li sempliċiment ikunu preżenti u wara jgħidulek grazzi ħafna u prosit u daqshekk! Irrid noħloq djalogu, nibdel l-ideat u noħloq esperjenza muzikali unika.
“Il-mużiċisti Maltin jistgħu jgawdu ħafna minn dan għax dawk li qabel qatt ma kellhom l-opportunità li jitħalltu ma’ mużiċisti oħrajn, issa jkollhom indikazzjoni ċara ta’ x’hemm ’il barra minn Malta. Malta hi post ideali biex tilqa’ fiha mużiċisti barranin kull sena.”
Jitkellem ukoll minn fejn bdiet in-namra għall-mużika u għall-pjanu li minħabba fihom se jibqa’ obbligat lejn oħtu għal għomru.
“Niftakar li jien qatt ma ridt nieħu lezzjonijiet tal-mużika. Imma meta oħti ż-żgħira kellha seba’ snin bdiet iddoqq il-pjanu. Meta dan l-istrument interessatni daħal f’darna, intrigani u daqqejt nota waħda.
“F’daqqa waħda ħassejt li f’moħħi nfetaħ bieb żgħir u niftakar li bdejt nimmaġina ċar ħafna lwien u nisma’ ħsejjes differenti. Qgħadt bil-qiegħda quddiem il-pjanu u bdejt nivvinta l-melodiji.
“Oħti b’paċenzja kbira bdiet turini x’kienet qed tistudja. Għalhekk inħossni midjun lejha li bdejt fil-mużika. Ftit tal-ġimgħat wara bdejt nieħu l-ewwel lezzjonijiet formali tiegħi tal-pjanu.”
Iż-żewġ kunċerti se jsiru nhar il-Ħadd 27 ta’ April u nhar it-Tlieta 29 ta’ April, l-ewwel fil-knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat, Għawdex, li matulu se tindaqq mużika ta’ Bach, Haydn u Mozart u t-tieni wieħed fit-Teatru Manoel. Matulu jindaqqu xogħlijiet ta’ Haydn, Stravinsky, Wagner u l-kunċert tal-vjolin minn Karl Fiorini. Bħala solista se jkun hemm Emanuel Salvador.
Iż-żewġ kunċerti jibdew fis-7.30pm. Ta’ Għawdex hu bla ħlas għall-pubbliku u tat-Teatru Manoel il-biljetti jiswew €20, €15 u €10 bi skont ta’ 50 fil-mija għal studenti bi student card valida. Għall-riservazzjonijiet ċempel 99295369 jew 21242398.
Il-festival hu ffinanzjat mill-Vodafone Malta Foundation b’kollaborazzjoni ma’ l-Ambaxxata ta’ l-Olanda. Hu megħjun ukoll mill-BOV, mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, The Radisson Hotel u l-Intercontinental Hotel. |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|