Carmelo Mifsud Bonnici | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Ma kontx ngħid, però rajt li anki l-elettorat Taljan, fl-aħħar elezzjoni ġenerali tiegħu tal-Ħadd li għadda, ħares li jara li jibda triq ġdida. Triq li fuqha hemm issa sisien qawwija għal Gvern sod u li hu stabbli. Hu ċar daqs il-kristall li l-elettorat Taljan irnexxielu jibdel xenarju politiku, wieħed li kien ilu wieqaf għal snin twal. F’daqqa waħda naqsu, anzi sparixxew, il-partiti ż-żgħar u fortunatament hemm maġġoranza stabbli kemm fil-Kamra tad-Deputati kif ukoll fis-Senat. Ħaġa li ma stennejtx, però ferħan li seħħet.
Dan sar mertu, jew demertu (jiddependi minn fejn tħares), ta’ numru ta’ fatturi u ipoteżi li jista’ jkun li qatt ma seħħew. Passi li fuq naħa setgħu dehru kuraġġużi, fuq oħrajn ta’ bluha. Imma fl-aħħar mill-aħħar kienu verament determinanti.
Dan għax għalkemm ir-rebħa hi żgur ta’ Silvio Berlusconi (għax l-elettorat hekk ivvota) imma wieħed ma jistax jinjora li fuq ix-Xellug Walter Veltroni ħa deċiżjonijiet f’direzzjonijiet kompletament differenti mis-soltu. Deċiżjonijiet li għenu dan ir-riżultat.
Dan għax flok reġa’ mar lura għall-koalizzjoni enormi b’persuni li ma jistgħux jaqblu bejniethom ħass li għandu jibqa’ b’dak li kellu. Ġabra ta’ persuni magħquda li jneħħu l-estremiżmi.
Dan kien pass kuraġġuż, imma b’ċertu nuqqas fil-konfront ta’ manuvri passati. Fetaħ it-triq għal futur aħjar, imma qata’ barra lix-Xellug Estrem u dan seta’ ġab sens ta’ diżorjentament fil-votant moderat u tradizzjonalment Xellugi. Kien ċar li l-aġir ta’ Veltroni ma niżilx tajjeb, iktar u iktar wara sentejn li fihom il-Gvern ta’ Romano Prodi ma rnexxilux jieħu ħafna nifs.
Għax irid jingħad li kien hemm numru fl-elettorat li esprimew protesta lejn ix-Xellug, kemm minħabba numru ta’ miżuri żbaljati, kif ukoll il-mod verament ikrah u skandaluż li bih tkisser. Kienet diġà maġġoranza skarsa fis-Senat u din ma żammitx lilha nnifisha kompatta minħabba nuqqas ta’ għaqal kbir.
Mhux dan biss, imma kien ukoll interessanti li dawk li setgħu kienu l-werrieta tad-Demokrazija Kristjana ħadu pożizzjonijiet differenti. Fuq naħa, Clemente Mastella, l-ex-Ministru tal-Ġustizzja li kien il-pern ta’ l-iskuża li permezz tagħha tkisser il-Gvern Prodi, ma daħalx għat-tiġrija. Baqa’ kompletament barra.
Fuq in-naħa l-oħra Pier Ferdinando Casini ta’ l-U.D.C, li ddeċieda li flok jerġa’ jingħaqad ma’ Berlusconi, ġera t-tiġrija għal rasu. Dan sewa wkoll sabiex ta spazju politiku verament ikbar lill-Partit tal-Poplu.
Dan għax il-votant li tradizzjonalment jivvota fuq partit ta’ valuri nsara nqasam bejn jekk għandux jibqa’ wieħed li jrid il-bidla jew le. Dan serva biex ta iktar saħħa elettorali lil Berlusconi għax bejn vot ta’ “massa” u dak ta’ “opinjoni” l-għażla kienet ovvjament ser tmur fuq ta’ l-ewwel. B’xi mod Casini rnexxielu jiġbed biżżejjed voti biex ikollu rappreżentanza żgħira, forsi wkoll simbolika, fiż-żewġ binari. Dan hu żgur interessanti għax almenu baqa’ partit Demokristjan ħaj f’leġislatura li mill-Gwerra ’l hawn hi waħda mingħajr partit Komunista. Mingħajr dak il-partit li kien irnexxielu jkun wieħed mil-liberaturi u formaturi tal-kostituzzjoni. Verament rivoluzzjoni proletarja.
F’dan il-kuntest wieħed irid jagħti mertu kbir lil Berlusconi li għalkemm ġie mmaqdar u mżeblah regolarment irnexxielu jasal. Jasal sabiex fuq il-prova li kien żamm ħames snin Gvern stabbli jikkonvinċi li kapaċi jerġa’ jagħmilha.
Jerġa’ jħares li jżomm maġġoranza stabbli li ftit gvernijiet kellhom qablu. Fuqha jista’jaħdem biex jibdel dan il-pajjiż daqshekk mimli b’potenzjal. Hemm bżonn ħafna bidliet li, jekk isiru, jibdlu drastikament ix-xenarju Mediterranju u Ewropew. Nawguraw li dan iseħħ issa li hemm stabbilità politika li kienet ilha s-snin biex narawha kif inhi llum. |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|