Emmanuel Micallef | 20 ta’ April 2008 Nr 77
F’kuntest politiku Malta mhix differenti minn pajjizi oħrajn. Jekk iż-żewġ partiti politiċi ewlenin resqu lejn iċ-ċentru ma kienx b’kumbinazzjoni.
L-evoluzzjoni tas-sistemi politiċi, it-taqlib fis-sistema ekonomika dinjija, il-fenomenu tal-globalizzazzjoni, kollha ikkontribwew biex l-aspett soċjali jingħata libsa ġdida u differenti minn kif konna mdorrijin biha.
L-obbligu ta’ l-istat li jaħseb fl-emarginat għadu hemm iżda dan l-obbligu llum hu ikkwalifikat mill-ħsieb li l-ewwel għin lilek innifsek imbagħad jekk ma tasalx jaħseb għalik l-istat bil-limitazzjonijiet tiegħu.
Hemm il-fattur ta’ l-individwaliżmu fin-nofs u allura l-kundanna għall-intervent esaġerat ta’ l-Istat. Dan barra l-ħsieb estremista li jippromovi l-idea li l-għajnuna soċjali hi kontro-produttiva għall-iżvilupp ekonomiku.
In-naħa Leminija tal-politika għadha temmen li jekk ikun hemm titjib ekonomiku m’hemmx għalfejn taħseb fil-qasam soċjali għax prattikament kulħadd imur tajjeb. In-naħa Xellugija temmen li t-titjib ekonomiku għandu jaħseb b’mod forsi speċifiku lejn il-qasam soċjali għax il-faxex t’isfel tas-soċjetà se jibqgħu jeżistu.
Maż-żmien donnhom il-partiti, iktar minn kull ħaġa oħra għal kunsiderazzjonijiet purament politiċi, ħassew li jekk jinstab bilanċ bejn iż-żewġ ħsibijiet ikunu jistgħu jsostnu l-politika tagħhom b’mod aktar effettiv. Għalhekk resqu lejn iċ-ċentru bl-idea li l-priorità ekonomika ma teskludix l-importanza ta’ l-aspett soċjali u vice-versa.
F’Malta din il-mixja lejn politika Ċentralista hi mill-iktar evidenti.
Il-partiti ħallsu prezz għal dan. Ħafna drabi jiġu akkużati li nsew l-għeruq tagħhom u avviċinaw lill-avversarji b’detriment għall-ideologija li fuqha huma msejsa l-prinċipji tal-Partit. Ħekk fis-Snin Sebgħin il-Partit Laburista kien jingħaraf mill-Partit oppost għall-fatt li introduċa benefiċċji soċjali li qatt ma kellna bħalhom qabel.
Maż-żmien, u sa llum, l-istess partit m’għadux assoċjat purament maż-żgħir u l-batut. Pjuttost, il-Partit Nazzjonalista biddel l-aċċenn tiegħu u minflok il-Partit li l-ewwel ma jaħseb fin-negozjant issa ħa l-fama li hu partit li jaħseb f’kulħadd: bħal donnu l-ħaddiem għandu l-istess importanza daqs il-kummerċjant fit-tfassil tal-politika tiegħu.
Kemm ilu fil-Gvern nistgħu ngħidu li l-PN għadda liġijiet soċjali li “tradizzjonalment” konna nassoċjawhom mal-Partiti Soċjalisti. L-istess Gvern Laburista ta’ 10 snin ilu għadda liġijiet u daħħal miżuri li s-soltu nistennewhom minn partiti konservattivi. Mhux ta’ b’xejn li l-elettorat li ma jintrabat ma’ l-ebda naħa jew li daqqa jmur naħa u daqqa oħra, kulma jmur qed jikber fin-numru. Dan huwa sinjal ċar li mhux qed jara differenza kategorika bejn il-politika tat-tnejn. Ħafna huma dawk li jaraw li ż-żewġ Partiti qegħdin joffru l-istess menu politiku, bl-istess ingredjenti iżda d-differenza tinsab biss fil-preżentazzjoni.
Hu fatt magħruf li kemm minħabba raġunijiet demografiċi kif ukoll minħabba esigenzi ġodda u iktar persistenti li jirriżultaw mill-istil u l-kwalità ta’ ħajja li qed ngħixu, l-ispiża soċjali kulma tmur qed tkompli tagħfas fuq il-Kaxxa ta’ Malta.
Fil-miri ta’ eċċellenza li rridu nilħqu fis-snin li ġejjin ma nistgħux inwarrbu fil-ġemb il-qasam soċjali u nħarsu lejn dan il-qasam qisu mazzra li mhux se tħallina nagħmlu l-pass bir-ritmu mistenni.
Ir-realtajiet ġodda jitolbu minna li mhux innaqqsu l-għajnuna soċjali iżda li nżiduha. Inżiduha fis-sens li nagħmluha relevanti għaż-żminijiet ta’ llum. Ma jagħmilx sens li liġijiet li għaddew snin ilu f’ċirkostanzi assolutament differenti minn ta’ llum jibqgħu jkunu applikati bl-istess mod illum.
Ma jistax ikun li fejn tidħol is-sistema ta’ taxxa nibdluha biex nassiguraw id-dħul tal-Gvern imbagħad fejn jidħol it-tqassim ġust għal min verament għandu bżonn nibqgħu ma nibdlu xejn. Ma nistgħux lanqas nibqgħu ċassi quddiem l-abbużi tas-Servizzi Soċjali, daqskemm ma nistgħux nibqgħu b’għajnejna magħluqin it-tnejn biex intaffu bi kbir il-problema ta’ Housing Soċjali quddiem il-prezzijiet esagerati ta’ proprjetà li qegħdin nesperjenzaw.
Hija ironija li fejn fil-qasam ekonomiku qed noħorġu jew ħriġna mill-faxxa ta’ pajjiż sotto-żviluppat imbagħad iktar nies jew familji qegħdin imissu mal-linja tal-faqar. Żgur li ma nistgħux niffaċċaw il-problemi soċjali ta’ llum b’mentalità tal-bieraħ. Għandna bżonn nirriformaw u naġġornaw il-politika soċjali tagħna.
Il-Ministru John Dalli għandu wisq fuq spallejh iżda b’daqshekk ma jfissirx li l-bidliet li ġab fil-finanzi u taw ir-riżultati ma jistax jagħmilhom fil-qasam soċjali. Anzi dan li huwa mistenni minnu.
Iktar minn hekk, wieħed jistenna li l-Kunsill Malti għall-iżvilupp Ekonomiku u Soċjali joħroġ mil-Limbu li jinsab fih u jpoġġi fuq l-aġenda tiegħu r-riforma f’dan il-qasam. Jagħmlu tajjeb l-imsieħba soċjali li jiddiskutu ż-żieda fil-prezz tad-diesel u l-għoli tal-ħajja imma jagħmlu iktar ġid jekk jagħtu parir lill-Gvern kif jista’ jwettaq ir-riforma soċjali f’pajjiżna li taħseb għal bżonnijiet fit-tul.
Imisshom jieħdu l-eżempju tat-Think Tank immexxi minn Martin Scicluna li ressaq rapport dettaljat dwar x’għandu jkun il-pass li jmiss fil-qasam ambjentali. Possibbli jaslu fi ftehim bejniethom biex jagħmlu xi ħaġa konkreta li fuqha nistgħu nibnu s-sisien soċjali għall-ġejjieni? Din storja differenti minn tal-Patt Soċjali! |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|