Ittri | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Minn Saviour Cachia,
Marsaskala
Nammetti li l-intervista li l-eks kollega Julia Farrugia kellha ma’ Alfred Grixti, ħabib ieħor tiegħi li b’impenn qawwi jagħti s-sehem tiegħu fil-gazzetta elettronika tal-Partit Laburista maltastar.com, wasslitli tagħrif li jien ma kontx konxju tiegħu.
Grixti, li hu mħajjar jikkontesta lil Jason Micallef għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, fost affarijiet oħra tkellem dwar jekk fil-ħatra tal-Mexxej ġdid tal-MLP għandux jitwessa’ ċ-ċirku ta’ dawk li jipparteċipaw fil-votazzjoni.
Grixti qal li sa minn 21 sena ilu wara l-elezzjoni ta’ l-1987 kien stqarr li t-tesserati kollha kellhom jivvutaw.
Waqt li nagħti prosit lil Grixti għall-mod progressiv kif diġà 21 sena ilu kien qed iħares lejn kif għandha tkun il-ħatra tal-mexxej Laburista, allura hu kien dik il-ġebla li bdiet titgerbeb minn fuq għolja li bil-mod il-mod tkaxkar magħha materjal ieħor sakemm tinbidel f’valanga.
Grixti kompla jgħarrafna li madwar sentejn ilu l-kumitat lokali ta’ Wied il-Ghajn ġab il-kunsens fuqha u fit-Tielet Distrett qed jitħabtu biex iġibu aktar appoġġ.
Grixti fl-intervent tiegħu ried jippreċiża li din mhix xi ħaġa li ħareġ biha l-Avukat George Abela li wkoll se jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista.
Wara li għarrafna bil-fatti madankollu sostna li “din il-bidla m’għandhiex tidħol minn din id-darba iżda minn ta’ wara.”
Bla ma rrid ikolli nistaqsi: għala?
Jekk xi ħaġa li hu kien diġà ipprova jċaqlaq moviment favurha 21 sena ilu maż-żmien bdiet tiġbor iktar appoġġ u llum jidher li hemm element sostanzjali favur tagħha, għala m’għandhiex issir illum qabel għada?
Il-Partit Laburista li naf jien minn dejjem nafu minn ta’ l-ewwel biex fil-pajjiż idaħħal dawk l-inizjattivi progressivi li bihom il-poplu Malti jistgħana fil-paċi u l-progress. Inizjattiva bħal din inqisha li tkompli tistgħana qabel xejn lill-Partit Laburista fil-bażi demokratika tiegħu u tixpruna lill-oħrajn biex isegwu l-passi tagħna.
Iktar milli nfettqu dwar min kien l-ewwel li ħareġ b’din l-idea, aħjar fl-interess tal-Partit naraw li titwettaq billi ilha ddur fil-garigori tal-kwartieri Laburista.
Nifhem li armejna l-elezzjoni ġenerali tat-8 ta’ Marzu minn ħalqna. Il-Laburisti jawguraw li l-mexxej ġdid tal-MLP ikollu l-potenzjal u d-dehen li fl-2013 iwassalna ma’ dak li issa għalina l-Laburisti sar l-appuntament mad-destin u fl-aħħar nirbħu l-fiduċja ta’ l-elettorat Malti u Għawdxi.
Ċertament li nkun wisq pessimist u moħħi magħluq li nasal biex nemmen li l-konferenza ġenerali li titlaqqa’ wara l-elezzjoni ġenerali ta’ l-2013, jivvota min jivvota fiha, se tasal biex taħseb biex tibdel il-mexxej. Min hu dak l-iblah li jibdel tim rebbieħ?
Fiduċjuż, anki jekk forsi sa dakinhar il-Mulej ikun għoġbu jsejjaħli, ladarba l-Partit Laburista jerġa’ jirbaħ il-mandat ta’ l-elettorat li jmexxi għal mill-inqas 10 snin oħra.
Allura għalfejn għandna nipposponu l-opportunità li t-tesserati jkollhom sehem dirett fl-għażla tal-mexxej ġdid nhar il-5 ta’ Ġunju li ġej?
Mhux kollha skop wieħed għandna? Irridu jkollna mexxej li jwassalna biex il-Partit Laburista jerġa’ jirbaħ il-fiduċja ta’ l-elettorat? Allura għalfejn noqogħdu nfettqu għaliex l-idea ħareġ biha dak jew l-ieħor?
Ma ninsewx li l-aqwa għajta li dejjem dwiet fil-Partit Laburista, partikolarment tul dawn l-aħħar tliet leġislaturi, kienet li ħadd mhu għar-rimi. Allura kif nistgħu idea tajba nwarrbuha jew nipposponuha?
L-Istorja tgħallem li xi kultant l-ikbar ċuċ jaf juża moħħu iktar mill-ikbar għaref. Mela ejjew f’ġieh is-sewwa mmexxu proċess għal ħatra ta’ mexxej ġdid b’determinazzjoni li bl-ebda mod ma jtappan il-kredibbiltà tal-Partit Laburista.
Anzi jkabbarlu l-istima tiegħu ma’ l-elettorat li tul il-ħames snin li ġejjin, daqskemm ikun għarriexi għal kif se jmexxi l-Gvern Nazzjonalista, ikun daqstant b’għajn ta’ seqer dwar kif tkun qed taġixxi l-Oppożizzjoni u x’alternattivi fattibbli tkun qed toffri biex tingħata l-muftieħ ta’ Kastilja.
Aħna t-tesserati rridu mexxej ġdid, ikun min ikun, li joħrog minn proċess li fuqu ma jkun hemm l-ebda dellijiet. Jekk dan il-proċess ma joħloqx il-fiduċja li kollox tmexxa b’responsabbiltà se nibdew din il-leġislatura ġdida zopop. U jekk kellna min stqarr li l-aħħar elezzjoni ġenerali ħalliet 141,888 imweġġgħa, telfa oħra elettorali mhux midruba biss tħalli imma l-mewt ta’ dejjem għall-Partit Laburista.
Id-delegati stess għandhom iħossu d-dmir li din ir-responsabbiltà tal-għażla tal-mexxej ġdid din id-darba ma jġorruhiex weħidhom imma jagħtu wkoll vuċi lill-imsieħba.
B’hekk il-fiduċja li tintwera fil-mexxej ġdid, b’awgurju għal rebħa elettorali, tkun mertu ta’ kulħadd. Jekk sfortuntament inkunu għamilna vroma, ir-responsabbiltà wkoll tinqasam bejn l-istess tmexxija, id-delegati u t-tesserati u ma jkun hemm ħadd li jkollu d-dritt li jipponta s-swaba’.
Sfortuntament l-elezzjoni tat-8 ta’ Marzu, 2008, hi sinonima ħafna mat-tagħlima tal-fenek u l-fekruna. Il-Laburisti konna l-fenek, kunfidenti għall-aħħar li r-rebħa kienet ġewwa u l-fekruna kienu n-Nazzjonalisti, li anki meta dehru għajjiena u mgħaxxa għamlu sforz qawwi u sabu l-mezz kif jgħadduna b’1,580 vot biex ikkonfermaw il-maġġoranza.
Kien hemm fostna li xeħtu dubji kbar dwar il-mezzi illeċti li allegaw li uża l-PN. S’issa għalija huma innoċenti ladarba għadhom ma ġewx ippruvati ħatja. Jekk jaħsel ikun hemm provi ta’ dawn il-mezzi illeċti mbagħad probabbli l-Partit Laburista jkollu jitkellem mod ieħor u ma jkunx jaffordja li jibqa’ passiv quddiem dan kollu.
Ma rrid nixħet dubji fuq ħadd. Biss nittama li min ħareġ għonqu u wassal ċerti rapporti lill-Kummissarju tal-Pulizija għandu f’idu provi konkreti għax il-konsegwenzi ta’ għemilu ma jġorrhomx hu biss imma jirrifletti fuq il-partit kollu, anki sfortunatament fuq il-mexxej ġdid.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|