Ittri | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Minn S. Micallef,
Bormla
Nirreferi għall-ittra ta’ Joe Masini minn Għawdex ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ April. Ma naqbel kważi xejn ma’ dak li qal. Jidher li għandu taħwida f’moħħu.
Isostni li għandha ssir emenda qabel il-ħatra tal-mexxej Laburista li se ssir fi ftit ġimgħat oħra biex jivvutaw it-tesserati u fl-istess ħin jirrikonoxxi l-fatt kif dak li qed isostnu ħafna tesserati oħra serji u ġenwini li m’għandhomx interess partikulari min jieħu t-tmexxija, li emenda bħal dik issuġġerita minn George Abela fiha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha.
Bħala tesserat għal bosta snin għandi l-ideat tiegħi dwar proposta importanti bħal din iżda mhux se nagħmel bħal Masini u naqbad nispara bl-addoċċ il-ħsieb tiegħi u ngħid li jien favur l-emenda.
L-idea tiegħi se nħalliha għal meta l-istess tesserati jkunu involuti f’diskussjonijiet serji dwar din l-emenda. Bil-kitbiet fil-gazzetti kulħadd jivvinta s-suġġerimenti tiegħu u mhux se naslu.
Din x’serjetà hi li filwaqt li dawk li qed jiktbu u jgħidu kemm hi ta’ vantaġġ u demokratika emenda bħal din fl-istess ħin jinjoraw dak li għandhom xi jgħidu l-35,000 tesserat tal-partit. Min-naħa jirraġunaw li d-deċiżjoni dwar l-għażla m’għandhiex tittieħed mid-delegati biss u fl-istess nifs qed jissuġġerulhom li jiddeċiedu mingħajr ma jisimgħu l-ideat ta’ l-istess tesserati. Din x’konsistenza hi?
Nasal biex nemmen li hemm aġenda oħra wara dan kollu. Jiddispjaċini imma qed ninnota li bosta minn dawk li qed jiktbu dawn l-affarijiet jidher li qed jagħmlu hekk mhux għax verament jemmnu li din l-emenda hi fl-aħjar interess tal-partit imma għal raġunijiet oħra li jistgħu jkunu personali u li jmorru ’l bogħod mill-interessi veri tal-partit.
L-għażla tal-mexxej m’għandhiex tkun ibbażata fuq kemm nafu jew nafha, x’nista’ nieħu jien, kemm se nibbenefika minn dan u mhux mill-ieħor u affarijiet oħra bħal dawn.
L-għażla tal-mexxej trid tkun ibbażata fuq diversi fatturi, fosthom li jwasslu lill-partit għall-għaqda.
Hemm bżonn għaqda fil-moviment tal-ħaddiema, ideat friski kif niġbdu ż-żgħażagħ u lil dawk li ma vvutawx Labour. Hemm bżonn mexxej li kapaċi jbaħħar mhux biss fil-bnazzi imma anki fil-maltemp, li jkun qrib il-Laburist kemm fil-glorja kif ukoll fl-għawġ, li jagħtih dejjem l-appoġġ u li jkollu s-saħħa biżżejjed biex ħames snin oħra jwassal lill-partit għar-rebħa. |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|