Intervista | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Ta’ 66 sena, it-tabib George Vella, anki jekk bit-tempra qasira, mogħni b’ħila li anki fuq l-aktar argumenti ikkumplikati jaf jagħżel damma ta’ kliem sempliċi u jwassal il-messaġġ lill-massa.
Fuq kollox jibqa’ dak il-bniedem sinjur fl-irġulija. Għadda kemm għadda minn imrar politiku, anki sa ftit taż-żmien ilu, fuq is-sufan ta’ daru fiż-Żejtun, jorbotni biex ma nikteb xejn dwar rakkonti ġodda li nisma’ għax ma jridx jagħmel ħsara anki lil min skond dak li jgħidli, tah il-gambetti.
Nistaqsieh jekk hux minnu li hu wieħed mill-persuni li qed iwieżen lill-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Joseph Muscat fit-tellieqa għal ħatra ta’ mexxej ġdid.
“Ma nistax ninħeba. Qed nappoġġa lil Joseph Muscat. Jien kont li ħajjartu għal Membru Parlamentari Ewropew. Kont nara prospetti tajbin bih. U kelli sodisfazzjon li meta kont inkun Brussell, mill-Grupp Soċjalista dejjem ifaħħruh li ‘he is up and coming and one of the promising MEP’s. Dan stat ta’ fatt!”
Dwar ix-xettixiżmu ta’ xi wħud li fil-bidu qalu li Joseph Muscat jista’ jkun żgħir fl-età biex imexxi partit politiku, George Vella jargumenta mod ieħor.
“Jekk tgħidli għax żgħir, illum il-ġurnata jekk tmur tara l-kapijiet eżekuttivi ta’ l-aqwa korporazzjonijiet madwar id-dinja, illum ta’ 45 sena jgħidlek ‘int bloqt’. Ta’ 45 sena ippakkja u itlaq. Jiġifieri jekk int mhux se jkollok demm ġdid mhux se jkollok enerġija żagħżugħa… jien mhux qed ngħid li min għandu l-età mhux tajjeb, ħa nkun ċar. Il-Papa għandu 86 sena.
“Li tkun żgħir fl-età ma narahiex żvantaġġ. Sakemm int f’dik l-età li jkollok tkun ippruvajt ruħek li int għandek il-kwalitajiet li jistgħu jiġu iffurmati aktar ’l quddiem fil-maturità, li għandek il-kapaċatijet akkademiċi u anki personali u anke tkun kapaċi li tirrealizza li għandek bżonn min jgħinek biex takkwista dik l-esperjenza li sa llum għad m’għandekx. Seta’ kien Joseph, seta’ kien ħaddieħor. L-età mhix kwistjoni.”
Fl-istess ħin, Vella jargumenta li min hu avvanzat fl-età xorta jista’ jkun validu.
“Dment li individwu jipprova li hu kapaċi, li moħħu għadu tajjeb, li għandu l-kapaċìtà u l-enerġija li jagħmel ċerti affarijiet, ma jistax jiġi mwaqqaf minn xogħlu, assolutament.”
Għal Vella l-ferita tat-telfa Laburista fl-elezzjoni li għaddiet kienet kbira.
“Diżappunt. Tħoss diżappunt bla dubju. Jien ma nikkundanna lil ħadd. Kulħadd għamel l-almu tiegħu. Our best was not enough. Però tħoss dik id-disfatta, dak id-dwejjaq. Tħossok li qed tiġi mċaħħad milli jkollok iċ-ċans li tattwa dak li tixtieq tagħmel għall-ġid tal-pajjiż.”
Kif jimmaġina li se jkun il-Partit Laburista taħt mexxej ġdid?
“Jiddependi min ikun il-mexxej il-ġdid. Għax il-leader għandu l-fakultà, u dan is-sabiħ tiegħu, li jagħti timbru differenti, ġdid u jekk inhu possibbli innovattiv lill-Partit. Il-mexxej il-ġdid irid ikun kapaċi janalizza n-nuqqasijiet tal-partit sa llum u għaliex ma wasalx li bihom ikollu l-maġġoranza u jrid jieħu dawk il-miżuri li jirranġa din is-sitwazzjoni. Ovvjament jiddependi mill-personalità tal-mexxej il-ġdid jew il-mexxejja l-ġdida għax tista’ tkun mara. Dak li jkun jagħti timbru tal-karattru tiegħu fuq il-Partit.”
Quddiem għajnejh George Vella għandu iffurmat ċar x’għandhom ikunu l-kwalitajiet tal-mexxej ġdid li jwassal għal rebħa Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss: “Aktar ma tkun b’saħħitha l-personalità u l-kariżma li jkollu l-mexxej u l-kapaċatijiet tiegħu, aktar iħalli timbru fuq il-Partit. Mintoff bit-tajjeb u bil-ħażin tiegħu t-timbru tiegħu ma jistax jintesa.”
L-argument jistrieħ fuq it-telfa tal-Partit Laburista.
“Dejjem ikun hemm ħafna fatturi. La ma tkunx ġewwa u ma tarax il-makkinarju jaħdem diffiċli tgħid, imma jien sorpriż għax on the ground kien tant ċert li hemm rebħa Laburista. X’biddlitha sinċerament ma nafx. U kultant jiddispjaċini ngħid li għax tkellimna ħafna fuq tolleranza żero għall-korruzzjoni nista’ ngħid li allura n-nies iridu li jkun hemm laxkezza?”
“Kien hemm fattur ieħor li n-naħa l-oħra rnexxielhom jibqgħu ibeżżgħu lin-nies minn Alfred Sant. Nemmen li fir-radju u aktar u aktar fit-televiżjoni ONE stajna konna aktar effettivi!”
Fil-ġimgħat li għaddew diversi esponenti Laburisti fetħu n-nar fuq nies fl-amministrazzjoni tal-Partit, fosthom fuq is-Segretarju Ġenerali. Imma Vella jżomm lura minn dan.
“Din it-telfa kienet telfa minima. Rebħa Laburista kienet tiġi kieku l-Partit Laburista ħa 750 vot mill-1,500 li taw rebħa lill-PN. Mhux lest nipponta subgħajja lejn dak u l-ieħor”
Nieħdu lura għall-2003. Meta l-Partit Laburista kien tilef dik l-elezzjoni u Alfred Sant offra r-riżenja, George Vella, li dak iż-żmien kien Deputat Mexxej Laburista, kien jaqbel li Sant reġa’ dawwar dik id-deċiżjoni jew kien jemmen li f’dak il-punt l-MLP kellu bżonn mexxej ġdid?
“Meta fl-2003 ġarrabna telfa oħra għidt ‘le, jitlob li jien inwarrab. U kont qed nistenna li ħaddieħor jagħmel l-istess.
“Jien kont nemmen li kellu jkun hemm tibdil fit-tmexxija. Ma nistax nikkundanna lil min iddeċieda li jibqa’. Jekk il-leader iddeċieda hekk, ma nistax niddeċiedi jien għalih. Imma ħadd u mhux ġust lanqas li wieħed jagħmilha ta’ profeta. Ħadd ma jista’ jgħid li kieku sar differenti l-MLP ftit tal-ġimgħat ilu kien ikollu rebħa!”
Għall-mistoqsija dwar jekk jaqbilx li l-ħatra ta’ mexxej ġdid għandha titwessa’ mhux biss għad-delegati imma għal faxex akbar it-tabib Żejtuni jikkonferma li jaqbel iżda mhux ma’ dawk li qed jgħidu li l-bidla ssir issa.
“Fit-teorija hi sistema aktar demokratika li anke t-tesserat ikun jista’ jivvota imma m’hemmx dubju li jeżistu problemi loġistiċi warajha. Ma nistax nifhem kif tista’ tagħmel bidla daqshekk radikali proprju lejlet li se teleġġi mexxej.”
George Vella jgħid li wara li tgħaddi l-elezzjoni interna ta’ Ġunju għandha tkun diskussa u jekk hemm bżonn f’konferenza ġenerali biex fil-futur kemm delegati kif ukoll it-tesserati jkollhom sehem f’elezzjonijiet ta’ din ix-xorta.
Din tal-konferenza ġenerali tiftaħ il-bieb beraħ għal argument jaħraq li tqanqal din il-ġimgħa fil-gazzetta tal-MaltaToday Midweek. George Vella stqarr li George Abela f’intervista li ta bħal llum ġimgħa f’gazzetta bl-Ingliż ma qalx il-verità meta sostna li hu kien kontra li fl-1998 issir elezzjoni ġenerali bikrija.
Vella nsista: “George Abela f’laqgħa ta’ l-eżekuttiv ivvota favur mozzjoni dwar elezzjoni bikrija. Kulmin kien fil-laqgħa ta’ l-eżekuttiv ivvota favur din il-mozzjoni. Ħadd ma astjena u ħadd ma ivvota kontra.”
Wara li l-mozzjoni għaddiet kien hemm qbil li din titressaq minn Alfred Sant quddiem il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li saret f’Lulju 1998 u kienet sekondata mill-eżekuttiv nazzjonali kollu.
“Kieku xi ħadd ma kienx jaqbel kien iniżżel ismu u jgħid ‘jien ma naqbilx’,” jargumenta Vella.
Jirribatti wkoll dikjarazzjoni oħra ta’ George Abela li qal li Gvern Laburista iddeċieda biex jibda l-proċess ħalli titneħħa mill-friża l-applikazzjoni ta’ Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea.
“Din hi gidba. Din allegazzjoni serjissima. Jien dak iż-żmien bħala Deputat Mexxej tal-MLP u bħala persuna responsabbli mill-Affarijiet Barranin tal-pajjiż niddikjara li sakemm jien infurmat, u sakemm damet dik il-leġislatura, ma kien hemm l-ebda diskussjonijiet interni, la f’livell ta’ Kabinett, la f’livell ta’ leadership, jew amministrazzjoni u eżekuttiv jew fil-Grupp Parlamentari biex l-applikazzjoni ta’ Malta għal sħubija fl-UE titneħħa mill-friża.”
Matul din il-ġimgħa kien hemm imbagħad punt ieħor li ħoloq aktar xrar. George Abela iddikjara li Alfred Sant kien fassal dokument biex jibda diskussjonijiet mal-Partit Nazzjonalista biex issir “konverġenza” dwar l-Unjoni Ewropea. Qal ukoll li diskussjonijiet interni nkludew lilu nnifsu, Lino Spiteri, John Attard Montalto u lil Alfred Sant.
“George Abela jirreferi għal artiklu li kien kiteb dak iż-żmien Evarist Bartolo dwar dan is-suġġet. F’dak l-artiklu li deher fis-Sunday Times tal-31 ta’ Mejju ta’ l-1998 u f’artiklu ieħor bil-Malti li deher jumejn qabel f’l-Orizzont, qatt ma kien hemm l-idea ta’ bidla
fil-pożizzjoni tal-MLP dwar l-Unjoni Ewropea.
“Il-Partit Laburista dejjem qal li ‘isma’ int trid tmur
il-vjaġġ kollu sal-Belt u jien irrid immur sal-Floriana’. Dik mhix bidla fil-politika tagħna!
“Ma nistax nifhem kif George Abela qed jgħid dawn l-affarijiet!” ħambaq Vella issa b’vuċi aktar għolja.
Nistaqsieh jekk iħossx li għandu jivverifika ma’ Alfred Sant dwar dawn l-allegazzjonijiet.
“Le. Żgur li le. Mhux se noqgħod nindaga x’kien u ma kienx. Jekk irid min ismu ssemma li kien f’dawn il-laqgħat, jirrispondi hu. Jien żgur li mhux qed niġġennen.”
George Vella jargumenta li dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet ġustament iħawdu l-imħuħ.
“Il-partitarji jistaqsu: il-Partit Laburista kien qed jitmejjel bihom dawn is-snin kollha, kemm meta konna fil-Gvern kif ukoll wara? Kieku kien hemm dawn il-laqgħat għala nżammew sigrieta għal dawn is-snin kollha?
“Jien nista’ ngħid li anke meta wara r-referendum ġejna biex niddiskutu, ukoll ħadd ma qabel li għandna nbiddlu l-politika tagħna dwar l-Unjoni Ewropea,” qal Vella.
Nistaqsieh kemm fil-verità l-Partit Laburista kellu f’idejh stħarriġ li juru li l-maġġoranza tal-Maltin riedu li pajjiżna jissieħeb fl-UE.
“Fuq surveys mhux se nitkellem għax interni,” sostna xott xott.
“Il-Partit Laburista mar għar-referendum bil-proposta tiegħu. Anke wara r-referendum u lejlet l-elezzjoni kien hemm proposti varji imma żgur ma kien hemm l-ebda proposta oħra li ġabet appoġġ unanimu biex issir bidla fil-politika Laburista. Dan stat ta’ fatt u hemm il-minuti li jikkonfermaw dan kollu.” |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|