Il Punt | 20 ta’ April 2008 Nr 77
Kull darba li nkun mistieden fuq xi programm tar-radju jew tat-televixin fil-qadi ta’ dmirijieti bħala Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u nkunu qed niddiskutu l-kotba f’Malta u jekk il-Maltin jaqrawx jew le, ma tonqosx li tqum il-mistoqsija jekk it-teknoloġija għadx toqtol il-ktieb u teqirdu darba għal dejjem. Donnu hawn allarm u biżgħa kbir li għada pitgħada t-teknoloġija għad ixejjen is-sbuħija li jagħti l-ktieb.
Puntwalment dejjem inwieġeb le. Anzi għall-kuntrarju dejjem insostni li t-teknoloġija sservi biex nippromovu l-ktieb u tmexxih.
L-ewwel u qabel kollox ħadd ma jista’ jiċħad li t-teknoloġija sebbħet il-ktieb u għamlet possibbli li ftit karti jsiru ġojjel. Dan id-diskors illum jgħodd ukoll għal sempliċi paperback Malti. Għax il-pubblikaturi tagħna investew. Illum għadda ż-żmien li l-ktieb jinfetaħ malli tiftħu u jiġi karta karta. Għadda ż-żmien li l-istampi tarha biss ċpar. Dik li hi produzzjoni llum tant tjiebet li sikwit lanqas tinduna li ktieb hux prodott barrani jew Malti. Il-produzzjoni tal-ktieb illum hi artiġġanat. Sengħa.
B’sodisfazzjon wieħed irid jistqarr ukoll li qed ngħixu għall-kuntrarju fi żmien fejn il-kreattiva qed toħloq dak li sa ftit ilu kien impossibbli. Barra l-produzzjoni, irridu nirrikonoxxu li anki fil-kontenut imxejna. Ilħaqna l-grad ta’ l-eċċellenza u t-teknoloġija għandha sehem importanti.
Ħarsa malajr lejn l-internet tintebaħ bil-miljuni ta’ paġni li jitkellmu dwar il-ktieb. Jekk sempliċiment titfa’ ‘book’ fil-Google, jitilgħu 1,230,000,000 proposta x’tara. Il-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba fehmu l-logħba teknoloġika tajjeb u lkoll jaraw li jkollhom websajt li faċli jużaha min għandu livell medju edukattiv. Illum hu possibbli li minn darek tordna l-ktieb u tirċevih id-dar mingħajr biss ma tmur għand il-ħanut u jasallek fi ftit jiem, jekk mhux ukoll f’sigħat. Min ma jafx illum bl-imperu ta’ l-Amazon biex insemmu kampjun wieħed? Tant kiseb suċċess dan l-imperu li llum għandek diversifikazzjoni tal-prodotti li qed jinbiegħu.
L-internet hu mimli siti li jiddiskutu l-kotba. Bħal dejjem hemm min hu kritiku fin u hemm min tajjeb biss għar-rimi. Ħafna kittieba l-lum għandhom il-websajt personali tagħhom fejn jikkomunikaw mal-qarrejja tagħhom. Dan il-fenomenu qed nosservawh ukoll f’Malta.
Illum l-ebda librerija serja fid-dinja ma tibqa’ lura milli jkollha l-websajt tagħha u li tinkludi l-katalgu online. Magazines online dwar il-kotba hemm bir-radam. Huma bosta l-bloggers li jitkellmu dwar il-kotba. Dan hu ftit mill-minjiera li hemm fl-internet fejn jidħlu l-kotba. Jiġifieri mhux minnu li t-teknoloġija hi ta’ xkiel għall-ktieb.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex inkunu konkreti jagħmel użu sħiħ mit-teknoloġija għax hu konvint li biha l-ktieb nistgħu nippromovuh. Din is-sena l-KNK qed iniedi reġistru online mill-websajt (www.ktieb.org.mt) tal-kotba li hawn fiċ-ċirkolazzjoni. Fil-prattiku, dan ifisser li issa permezz ta’ din id-database wieħed jista’ jkun jaf x’hawn għall-bejgħ fis-suq Malti. Din hija xi ħaġa li lkoll xtaqnieha. Wieħed f’din is-sistema jista’ jfittex għall-ktieb bit-titlu, bl-awtur, bil-pubblikatur, bl-età għall-ktieb għat-tfal jew bil-ġeneru. Din id-database fiha iktar minn 1,600 titlu.
Huma bosta dawk li jistqarru bla tlaqliq li jippreferu t-test miġbur fil-ktieb milli t-test elettroniku li ħafna drabi hu kiesaħ u aridu. L-esperjenza li jagħtik il-ktieb, il-karta, id-daqs tagħha, ir-riħa tal-ktieb, il-produzzjoni, jagħmlu l-ktieb bħala esperjenza unika. Darba li tiftaħ ktieb qed tiftaħ ġenna. Il-qari jibnik.
Dan hu fil-qofol il-messaġġ li jrid iwassal il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fil-messaġġ tiegħu għal Jum il-Ktieb:
“Il-ktieb mod wieħed biss hemm kif tiċċelebrah. Billi taqrah. Iva, tassew li tista’ tgħożżu wkoll, u tapprezza s-sbuħija tax-xeħta tiegħu u tintilef fl-istampi, jekk fih, maħdumin b’sengħa mill-illustratur.
Imma qabel kollox, il-ktieb taqrah.
Tintilef fih. Togħdos fl-univers mistħajjel li jkun fassal il-kittieb. Jixbah lil tagħna, imma differenti għax jirrakkuntalek storja li żżommok. Tehdik u, waqt il-qari, tnessik ir-realtà ta’ ħajtek. Imma fl-istess ħin tagħmel dik ir-realtà aktar rikka, għax tislifha xenarji oħra, ċwievet għal bibien li d-dinjiet ta’ warajhom tista’ tibnihom biss il-fantasija.”
Min ma jaqrax din l-esperjenza ma tfisser xejn għalih u jista’ jkun li mhux faċli biex din is-sbuħija turiha u tfehimha lil min ma jaqrax. Bosta drabi l-profeta mhux milqugħ f’daru u veru wkoll li iktar faċli tippriedka lil min jaħsibha bħalek milli tikkonverti lil min għandu opinjoni totalment differenti. Għalhekk hu importanti li din l-esperjenza tibda mid-dar biex sa minn età bikrija nitilgħu nħarsu lejn il-ktieb bħala utli daqs in-nifs u s-saħħa.
Nixtieqlek ħafna ħin sabiħ taqra.
Grech hu Direttur
Eżekuttiv tal-KNK |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|