Editorjal | 20 ta’ April 2008 Nr 77
L-awtoritajiet edukattivi jridu juru tolleranza zero għall-vjolenza fuq l-għalliema minn studenti u ġenituri. Dak għandu jkun prinċipju sagrosant biex l-għalliema jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom b’serħan il-moħħ.
Jeħtieġ li jkun hemm grupp apposta fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni li jgħarbel il-każijiet ta’ bullying fuq l-għalliema u jasal għar-raġunijiet għalfejn qed jitwettqu u l-profil tal-persuni li jwettqu din il-vjolenza.
Fil-każ ta’ ġenituri li jużaw il-vjolenza u t-theddid fil-konfront tal-għalliema għandha taqa’ l-id iebsa tal-Liġi għax apparti t-tbatija li jikkaġunaw lill-għalliem, dawn il-ġenituri jkunu qed jagħtu eżempju ħażin ħafna lit-tfal.
Madankollu politika ta’ tolleranza zero għandha tkun akkumpanjata wkoll minn sistema effiċjenti li tilqa’ l-ilmenti ta’ l-istudenti u l-ġenituri.
L-istudenti u l-ġenituri qatt m’għandhom jaslu fi stat li jkollhom bżonn li jieħdu l-Liġi f’idejhom meta jsibu li l-ilmenti tagħhom qed jaqgħu fuq widnejn torox.
Għandu jkollhom is-serħan tal-moħħ li fl-iskola hemm xi ħadd li qed jagħti kas l-ilment, kemm jekk hu dwar bullying minn studenti oħra kif ukoll jekk hu dwar imġiba ħażina ta’ xi għalliem, u qed jaħdem fuqu biex isib soluzzjoni ġusta.
Filwaqt li nikkundannaw il-vjolenza fuq l-għalliema nixtiequ naraw strutturi li jħarsu b’mod sħiħ lejn il-problemi li jinqalgħu bejn l-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri.
Hemm bżonn ħafna iktar komunikazzjoni bejn il-familji u l-iskola. Il-ġenituri jridu jifhmu l-għan tat-tagħlim u x’tixtieq twassal l-iskola lit-tfal tagħhom imma fl-istess waqt l-iskola ma tistax topera f’bozza maqtugħa mir-realtà soċjali li ssawwar it-tfal.
Fuq kollox jeħtieġ li l-istudenti jaraw l-iskola bħala post ta’ gost u biex dan iseħħ jeħtieġ naqtgħu darba għal dejjem il-ġirja sfrenata għall-eżami tal-Junior Lyceum.
Dan l-eżami qed jikkundizzjona lit-tfal, lill-ġenituri u lill-għalliema fl-iktar sentejn kruċjali tal-Primarja meta t-tfal ikunu fuq l-għatba tat-transizzjoni għaż-żgħożija.
Imbagħad hemm l-effett fuq min ma jgħaddix mill-eżami u t-timbru ikrah li jieħdu.
Din it-tensjoni inutli tinħass saħansitra fuq livell ta’ Kindergarten fejn xi ġenituri diġà jkunu qed jgħoddu l-ammont ta’ tfal ġodda li jkunu bdew l-iskola biex ikunu jafu jekk uliedhom fis-snin ta’ wara, meta jidħol l-imbierek streaming, hux se jkunu verament ‘mal-krema’.
M’aħniex ngħidu li l-eżami tal-Junior hu l-għerq tal-problema kollha. Inkunu simplistiċi wisq jekk nagħmlu hekk.
Hemm diffikultajiet oħra, fosthom l-attitudni ta’ ċerti għalliema li jippretendu li t-tfal huma sponoż maħluqa biex ipoġġu bilqegħda u ma jitniffsux.
Din hi riflessjoni ta’ attitudni li ma tqisx il-bidla li seħħet fit-tfal li qed jgħixu f’dinja mgħaġġla fejn naqas il-ħin li persuna ddum ikkonċentrata.
It-tfal ma jifhmux l-esiġenzi ta’ sillabu li jrid jitwettaq f’sena u għalhekk irid ikun hemm flessibbiltà fit-tagħlim li tippermetti wkoll ħin lil hinn mill-bankijiet ta’ l-iskola.
Hemm imbagħad problemi oħra soċjali li t-tfal iġorru magħhom mid-dar. Hawnhekk l-għalliema għandhom ix-xogħol iebes li jservu bħala l-ewwel bozza ħamra f’każi li jkunu jeħtieġu attenzjoni professjonali. Imma biex jagħmlu hekk l-għalliema jridu jkunu jafu lit-tfal b’mod individwali. Iżommu profil tagħhom u janalizzaw l-imġiba. Irid ikollhom linja ta’ komunikazzjoni miftuħa mat-tfal u allura jridu jifhmu l-affarijiet li qed jinfluwenzawhom fuq it-televiżjoni, fil-logħob tal-Playstation u l-magażins.
Biex dan iseħħ il-klassijiet iridu jkunu iżgħar fid-daqs u għalhekk l-awtoritajiet edukattivi għandhom jimpenjaw ruħhom biex ikun hemm tqassim tajjeb tar-riżorsi umani.
Dan iwassalna wkoll għal problema oħra li se nkunu nħabbtu wiċċna magħha fis-snin li ġej. Mhux biżżejjed nies qed jidħlu l-Università biex jaqbdu l-karriera ta’ għalliema.
Għal darb’oħra l-impenn jaqa’ fuq l-awtoritajiet.
Bħalma sar f’oqsma oħra bżonjużi għall-ekonomija hemm bżonn li jkun hemm iktar inċentivi biex jitħajru iktar studenti jidħlu għall-kors ta’ l-Edukazzjoni fl-Università. Imma mhux hekk biss. Il-professjoni għandha tgawdi l-istatus li jixirqilha anki permezz ta’ pagi tajbin u inċentivi fiskali.
Fl-aħħar mill-aħħar l-għalliema huma ħaddiema wkoll li jirċievu l-paga fl-aħħar tax-xahar u jekk dak li jirċievu ma jirrispettax il-valur tax-xogħol tagħhom allura ma nissorprendux irwieħna ruħna li ħafna jippreferu toroq oħra li jdaħħlulhom iktar flus u rispett.
L-għalliema, bħat-tobba u l-infermiera, m’għandhomx jibqgħu marbutin ma’ l-iskali antikwati taċ-ċivil.
Nifhmu li din hi riforma kbira. Imma jekk irridu bidla fil-kwalità tas-servizz li qed jieħdu uliedna mill-iskejjel jeħtieġ li l-professjoni tgawdi iktar rispett, anki f’termini finanzjarji. |
|

Julia Farrugia tintervista lil George Vella
Editorijal

Il Punt
Sergio Grech

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|