Xkien jgħid? | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Jekk kien hemm xi ħaġa li l-amministrazzjoni ta’ Lorenzo batiet minnha minn meta sar Prim Ministru sa l-elezzjoni li għaddiet kienet il-makna tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Gvern u ta’ l-uffiċċju tiegħu: magna tassew batuta u l-ħin kollu tagħti riżultati ħżiena.
Meta nħatar Prim Ministru Lorenzo beda b’Alan, iżda – kif jgħidu - dan kellu xi jgħid ma’ Edgar u dabbar rasu. Għamel xi żmien prattikament mingħajr xi ħadd responsabbli għar-relazzjonijiet pubbliċi biss u mbagħad nibtet id-delikata Josephine li minkejja l-isforzi tagħha kemm-il darba wriet li fil-politika tifhem akka!
Nhar it-Tnejn fil-ġurnal tal-PN dehret ittra ta’ waħda tilmenta li tliet ġimgħat wara l-elezzjoni ma rnexxilhiex issir taf x’inhu l-indirizz u n-numri tat-telefon tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni! Ċemplet 1182 u tawha n-numru ta’ Ministeru ieħor. Reġgħet ċemplet 1182 u qalulha li dak kien in-numru li kellhom. Ċemplet 153 u qalulha li ma jafux in-numru l-ġdid tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni. Ċemplet lid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni u anki dawn qalulha li kien għadhom ma kellhomx in-numri tat-telefon tal-Ministeri l-ġodda. Lanqas ma kienu jafu jekk il-Ministru Cristina marritx il-Floriana fejn qabel kien hemm Louis Galea jew marritx xi mkien ieħor!
L-awtriċi ta’ l-ittra staqsiet jekk dan ifissirx li l-Gvern beda bil-bsaten fir-roti!
Ma nagħtihiex tort. Iżda l-verità mhix dik. Il-verità hi li dawk li jieħdu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi tal-Prim Minsitru u ta’ l-amministrazzjoni huma nies bla motivazzjoni u b’kompjaċenza liema bħala.
Possibbli li Lorenzo għadu ma ħax il-lezzjoni li dawn l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk għax nuqqas żgħir f’dan is-settur ikun jeħtieġ ħafna xogħol għat-telgħa biex jittaffa u jitpatta u l-aħjar triq hi dik li tevita l-iżbalji u n-nuqqasijiet?
Il-mod kif il-Gvern ħabbar li l-Kabinett kien iddeċieda li Malta terġa’ ssir membru tal-Partnership for Peace (PfP) juri li l-marda li kienet daħlet ’il ġewwa fl-erba’ snin li għaddew, hemm għadha. Qed ngħid għall-marda serja li ma tħallihomx jintebħu li ċ-ċittadini għandhom ikunu rispettati aktar u aħjar u deċiżjoni importanti qatt m’għandha titħabbar mill-Gvern qisha xi impożizzjoni arroganti tiegħu.
Kien hemm raġunijiet serji u validi għaliex Malta kellha terġa’ tibda tieħu sehem f’din l-inizjattiva: billi kienet barra l-PfP, Malta ma kinitx qed tingħata informazzjoni dwar is-sigurtà fl-Ewropa, informazzjoni li hi importanti għal pajjiżna.
Tal-biki l-fatt li minkejja li Malta hi membru fl-UE, kienet sajma anki minn informazzjoni li n-NATO kienet qed tagħti lill-pajjiżi bħall-Każakstan, it-Taġikistan u l-Użbekistan! Imma din kienet is-sitwazzjoni li fiha konna ninsabu.
Kien hemm raġuni serja għaliex id-deċiżjoni ma setgħetx tistenna aktar: fil-bidu ta’ April kellu jsir summit tan-NATO f’Bucharest u d-deċiżjoni dwar it-talba ta’ Malta kellha ssir f’laqgħa tal-Kunsill Ewro-Atalantiku li kellu jiltaqa’ fl-istess żmien f’Bucharest ukoll.
U l-Gvern ta’ Lorenzo, imbierka s-sapjenza t’Alla, joħroġ stqarrija xotta xotta li permezz tagħha ta l-impressjoni li qed jimponi deċiżjoni kontroversjali l-għada li reġa’ tela’ fil-poter bi żbrixx. Tant li rnexxielu jipprovoka l-kritika anki ta’ dawk li kienu qalu”għall-erwieħ” kbira meta d-dottor Sant tilef l-elezzjoni.
Donnu għadu ma ndunax li fil-poltika l-perċezzjoni kollox!
Jista’ jkun li Lorenzo imħabbat u m’għandux ħin joqgħod jidħol f’ċerti dettalji. Iżda din li madwaru, jew aħjar ħdejh, m’għandu lil ħadd b’niskata melħ fil-politika u fir-relazzjonijiet pubbliċi, hi tassew lakuna kbira.
Nuqqas dan li minħabba fih Lorenzo bata u se jibqa’ jbati ħafna. Il-media Laburista diġà bdiet taġixxi bħalikieku ma ntilfet l-ebda elezzjoni, b’rapporti dwar ‘abbużi’ li ma jeżistux u ħmerijiet oħra. U l-Gvern aktar sieket milli jgħid tiegħu... u anqas biss imqarr reazzjoni dagħjfa għal kull spropożitu li jingħad.
Fl-istess ħin, fil-Partit Laburista hemm kurrent favur ‘gwerra totali’ kontra l-Gvern: ma jridu l-ebda pairing, u m’huma favur l-ebda tip ta’ koperazzjoni.
Araw kif tkellem Anġlu Farrugia fl-intervista li kellu nhar il-Ħadd fil-Maltatoday u kif kiteb Charles Flores
f’It-Torċa!
U l-Gvern ċiċċi bi kwietu!
Fil-qasam tar-relazzjonijiet pubbliċi, il-Gvern ta’ Lorenzo jeħtieġ ikun pro-attiv, iżda qed juri li lanqas m’għandu ħila jkun daqsxejn reattiv!
Tassew li erġajna koppi! Kemm-il fjask fir-relazzjonijiet pubbliċi jrid li jkollu Lorenzo biex jieħu t-tagħlima li għandu jieħu u jagħmel xi ħaġa? |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|