Wenzu Mintoff | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Skond Anġelik u l-fan club tiegħu f’Borg in-Nadur qed tidher Sidtna Marija li flok tidħol għall-imsejkna u għall-imġarrbin kif nafha jien, qed toqgħod tistaqsi jekk il-kunduttur tax-Xarabank jippreferix jissejjaħ bl-isem ta’ Joe jew ta’ Peppi.
Mela la d-diskors illum ġie fuq id-dehriet reali jew immaġinarji f’moħħ min jitkellem f’isem Ommna Marija, se nirrakkonta ftit xi ġrali hekk kif f’April 1999 minn Raħal Ġdid tlajt noqgħod ir-Rabat fid-dar li kien bena bħala l-vileġġatura tiegħu l-famuż fotografu Richard Ellis.
Mhux żgur ġimgħa wara li ġarrejna, ħriġt barra u naqsam it-triq għal fejn kien hemm jistrieħ mal-balavostri taz-zuntier tal-Knisja John Agius li dak iż-żmien kien jaħdem reporter ma’ l-orizzont. Staqsejtu ‘X’inqala’ dalgħodu, John?’
Qalli ‘Mela ma smajtx kif xegħlet il-knisja lbieraħ filgħaxija u x’għagħa kien hawn fil-pjazza meta raw l-istatwa tal-Madonna tal-Għar tikbi dmugħ tad-demm?!’ Qalbi għamlet tikk.
L-ilsna ħżiena ta’ l-hekk imsejħa ħbieb tiegħi bdew jinsinwaw li l-Madonna bdiet tibki għax mort noqgħod ħdejha jiena. Imma kont ikkonfondut għax bdejt nimmaġina li l-pjazza fejn mort noqgħod għall-kwiet kienet se tispiċċa mimlija kowċijiet bil-pellegrini u ħwienet tas-souvenirs tar-reżin u tal-plastik. Kelli idea ċara ta’ x’seta’ jiġri għax mort kemm Lourdes u anki Cestokova fejn hemm il-Madonna s-Sewda.
Għalkemm kont impressjonat bid-devozzjoni tan-nies, speċjalment il-Polonja fejn il-pellegrini kienu mitlufin fit-talb tagħhom, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-postijiet tqabbdek id-dardir, u fihom ma ssibx l-ispiritwalità ta’ veru li ssib f’xi kappella għerija minn kollox ġo nofs il-kampanja.
Imn’Alla kien il-mibki Patri Martin li solvielna l-problema għax ta’ bniedem prattiku li kien, qabad u tela’ bl-iskalapiża u mesaħ bil-maktur id-demm minn mal-bas-relief tal-Madonna.
Malli rawh jagħmel hekk dawk li kienu preżenti baqgħu diżappuntati, imma l-pirjol, illum l-Arċisqof ta’ Malta, Patri Pawl Cremona, qalilhom, “Jekk hu miraklu, terġà tibki” u skond ma jgħidu reġgħet bkiet. Imma fil-pront l-istatwa fil-pront kienet ġiet maqfulha.
Mal-faċċati ta’ ħafna djar fl-inħawi tal-kunvent ta’ San Duminku r-Rabat hemm imwaħħlin repliki ta’ dan il-bas-relief li kienu saru b’mod raffinat ħafna minn wieħed mill-patrijiet Dumnikani, Patri Fsadni, l-espert tal-ġiren.
Anki mal-faċċata tad-dar tiegħi kien hemm imwaħħla waħda minn dawn ir-repliki b’iskrizzjoni biż-żebgħa lewn id-deheb, kemm kemm tidher ‘Our Lady of the Grotto’.
Meta xi sentejn ilu l-Korp tal-Pulizija nieda eżerċizzju ta’ ri-enumerazzjoni tal-bibien u tal-kodiċijiet postali, min ġie jispezzjona d-dar tiegħi, apparti n-numru tad-dar, fettillu jniżżel ukoll din l-iskrizzjoni ‘Our Lady of the Grotto’. U avolja qatt ma ridt nagħti isem lid-dar tiegħi, għax insibha użanza assurda li dar ikollha isem, illum il-ġurnata fejn noqgħod, għandu l-isem uffiċjali li ma tajtulhiex jien: ‘Our Lady of the Grotto’, biex żgur nibqa’ niftakar fil-ġrajja meta ‘bkiet’ erbat ijiem wara li mort noqgħod ħdejha!
Imma n-Nadur, li proprju proprju kelli f’moħħi jien llum, mhuwiex dak ta’ Angelik ta’ fejn Għar Dalam, imma tar-raħal pittoresk tan-Nadur ta’ Għawdex jew li għad fadal minnu bl-iżvilupp addoċċ tal-bini li sar mal-milja tas-snin. In-Nadur nassoċjah l-aktar mal-ferħ, bluha, spontanjetà, sejħilha li trid, ta’ Karnival tal-poplu. Sfortunatament dan il-Karnival beda jitlef ħafna mill-awtentiċità tiegħu minn meta beda jisfa patroċinat mill-Maltin bl-eluf minn tagħhom.
‘Nadur’ bil-Malti safi, tfisser viġilanti, għassa mill-periklu u ta’ bilfors kellu jkun hekk għax minn dan ir-raħal pożizzjonat fil-għoli kif inhu setgħet issir l-għassa kontra l-kursari u l-furbani. Għalhekk eventwalment inbnew it-torrijiet tal-għassa bħal Ta’ Kenuna.
Minn ftit taż-żmien ilu ’l hawn, apparti l-Karnival, in-Nadur se jibqa’ magħruf ukoll għar-rekord uniku għad-dinja, probabbilment ħa nkun qed nesaġera ftit, li minn ġo ħdanu, għal Ministru wieħed, issa ħareġ anki t-tieni wieħed. Ulied denji tan-Nadur li mhux żgur jgħodd iktar minn 4,000 ruħ, l-aktar waħda illustri, is-Sinjura Giovanna Debono li issa bdiet il-11-sena tagħha bħala Ministru għall-Għawdex u l-kollega tagħha ta’ l-istess partit, Chris Said.
Dan bilfors jipprometti ħafna għax appena ġie elett l-ewwel darba fil-Parlament, ingħata wkoll il-kariga ta’ Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u se jkun inkarigat mid-djalogu u mill-informazzjoni. Evidentement Gonzi qed jidher li ħadu sew il-messaġġ li tah il-poplu fl-aħħar elezzjoni biex jibqa’ kontinwament viċin tan-nies, ma jeħodhomx for granted u jiftakar fihom biss lejlet xi elezzjoni.
Fil-ġranet li għaddew Said, fil-vesti tiegħu ta’ meta kien sindku tan-Nadur, kien fl-aħbarijiet għax ċittadina komuni, Caroline Debono, rebħet kawża għad-danni kontra l-Kunsill Lokali tan-Nadur minħabba traskuraġni f’xogħlijiet li kienu qed isiru fi ġnien pubbliku/belveder viċin tat-Triq il-Madonna ta’ Lourdes, in-Nadur.
Caroline Debono spiċċat kisret saqajha ġo ħofra mikxufa f’dal-ġnien fejn kienu qed isiru xogħlijiet estensivi ikkummissjonati mill-Kunsill. Waqt li kienu qed isiru dawn ix-xogħlijiet ma kienu twaħħlu l-ebda avviżi mill-Kunsill jew mill-kuntrattur li kienu jgħidu li d-dħul fil-ġnien kien ipprojbit għall-pubbliku jew li kien jeżisti xi periklu għal min jidħol.
Minn twila sa qasira, l-Kunsill beda jwaħħal f’kulħadd, fil-kuntrattur u anki fil-persuna li sofriet id-danni, biex jipprova jiskolpa lilu nnifsu. Il-Qorti ta’ Għawdex f’sentenza studjata ħafna tal-Maġistrat Anthony Ellul iddeċidiet li f’ċirkostanzi bħal dawn ‘il-kunsill kellu obbligu li jipproteġi lill-pubbliku (hu ta’ liema età hu) minn kwalsiasi periklu’.
Iċ-ċittadini komuni ta’ dan il-pajjiż għandhom bżonn ta’ iktar u iktar sentenzi bħal dawn fejn il-qrati tassew iservu ta’ tarka ħalli min għandu responsabbiltajiet pubbliċi fdati lilu jkun kemm jista’ jkun diliġenti u mhux traskurat.
U la llum ġiet għall-Karnival, Ministru, Segretarju Parlamentari u torrijiet u belvederi Nadurin, ma nistax ma nsemmix ukoll il-barumbata li ġrat ftit tal-jiem ilu f’belveder ieħor fin-Nadur magħruf bħala tat-Truppu.
Ftit tas-snin ilu, mill-ġdid il-Kunsill Lokali tan-Nadur, iddeċieda jibni belveder fuq biċċa art privata fabbrikabbli proprjetà ta’ seba’ familji.
Dan il-belveder li nbena fuq propjetà privata jiġi eżatt faċċata ta’ fejn joqogħdu qraba u x-xufier tal-ministru Giovanna Debono.
F’sentenza li ngħatat mill-Qorti ta’ Għawdex ġie iddikjarat li l-bini tal-belveder in kwistjoni kien illegali għax inbena fuq propjetà privata. Wara ħafna taqtigħ il-qalb u posponimenti, fil-5 ta’ April, is-Sibt li għadda kellha tiġi esegwita din is-sentenza billi titneħħa l-‘għamara’ kollha li tpoġġiet f’dan il-ġnien, balavostri, ħadid u fanali biex l-art tkun tista’ tingħata lura lis-sidien privati.
Imma dan ma kellux ikun u s-seba’ familji msemmija baqgħu b’xiber imnieħer u l-qraba u x-xufier tal-Ministru Debono baqgħu jgawdu l-veduta sabiħa tal-belveder. Minkejja s-sentenza u l-ordnijiet tal-Qorti, l-art in kwistjoni tiġi esproprjata għas-somma miżera ta’ Lm10,000 meta kumbinazzjoni tal-kumbinazzjonijiet Giovanna Debono kienet qed taġixxi ta’ Agent Prim Ministru.
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|