Toni u Peppi | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Ta’ l-inqas ħarġet il-verità. Issa drajna b’ħafna kummissjonijiet u inkjesti li jikkonkludu li ma sabu xejn dwar dak allegat. Il-Kummissjoni tal-Knisja dwar moħqrija tat-tfal fid-Dar ta’ Lourdes f’Għawdex ħarġet b’rapport li għandu jservi ta’ żiffa fi klima fejn f’dan il-pajjiż qisu kollox jinkines taħt it-trab. Fejn ma tidħolx l-id tal-politiku hemm iċ-ċans li jkollok rapporti aktar reali u oġġettivi.
Iżda li ma nistax nifhem, għaliex il-Knisja ħadet dan iż-żmien kollu biex taħtar Kummissjoni ta’ din ix-xorta. Qabel il-programm Bondi Plus fuq is-suġġett, irridu immorru lura għas-sena 2002, meta Reuben Sciberras fuq is-Super One għamel rapport dwar l-allegati abbużi li kienu qegħdin isiru f’din id-dar. Minn dakinhar sa llum għaddew sitt snin u tul dawn is-snin kollha minn jaf kemm tfal għaddew minn taħt idejn dawk l-istess sorijiet li ħaqru lil dawk ta’ qabilhom, jekk naturalment dawk l-istess sorijiet kienu għadhom hemm.
Jiena nattribwixxi din il-bidla fl-attitudini tal-Knisja, għall-bidla riċenti fl-arċiveskovat ta’ Malta u ta’ Għawdex. Prova oħra ta’ kemm huma importanti u neċessarji ċertu tibdiliet f’karigi għoljin tal-pajjiż. L-apoloġija ta’ l-Isqof Mario Grech hi bidu tajjeb għat-triq tal-fejqan tal-ġrieħi trawmatiċi li għaddew minnhom il-vittmi. Iżda l-apoloġija waħedha mhix biżżejjed. Irridu passejn aktar minn hekk.
Qabel xejn il-ħtija mhix tal-Knisja biss, iżda anke tal-Gvern. Hu minnu li l-istituzzjonijiet tal-Knisja m’humiex tal-Gvern, iżda hu minnu wkoll li x’qiegħed jiġri f’dawn id-Djar m’hix affari privata iżda wkoll pubblika. Is-soċjetà kollha għandha interess li tkun taf x’inhu għaddej wara dawk l-erba’ ħitan ta’ l-istituzzjonijiet tal-Knisja fejn hemm it-tfal. Il-Gvern naqas tul iż-żmien li juri dan l-interess soċjali. Mhux biss straħ fuq il-Knisja għal servizzi komunitarji ta’ din ix-xorta, iżda lanqas ipprovda xi xorta ta’ spettorat biex jishar u jinviġila fuq dawn id-djar.
Tista’ tgħid li għandna spettorat fuq kollox. Fuq il-lukandi, fuq postijiet tax-xogħol privati, fuq it-tipjip u fuq kollox. F’dan il-każ il-Gvern bħal donnu ma jeżistix. Nifhem ukoll għaliex. Tfal taħt it-18-il sena m’għandhomx vot. Għalhekk bħal f’kollox it-tagħlima tasal tard. Biex niċċaqalqu jrid ikun l-ewwel vittma, u issa jidher ċar li hemm intervent urġenti mill-Gvern biex sakemm dawn id-djar ikunu għandhom miftuħa, ikunu sorveljati. F’dan ir-rwol diġà qiegħed nara il-parti li għandhom jilagħbu l-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali u kif ukoll il-Kummissarju għat-Tfal.
L-apoloġija li għamel l-Isqof ta’ Għawdex trid tkun imlaħħma bil-fatti. Jekk għażel li jkun trasparenti dwar il-konkluzzjonijiet tar-rapport, issa għandu jkun trasparenti għat-triq kollha. Fil-waqt li nifhem li f’dan l-istadju dak li jkun għandu jimxi bi prudenza, dan ma jfissirx li ma għandux jingħata aktar ħjiel dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport.
Nixtieq inkun naf min kien responsabbli li sal-2002 baqa’ ma sar xejn. Nixtieq inkun naf jekk l-abbużi baqgħux isiru sa dan l-aħħar żmien u meta kien li tneħħew dawk is-sorijiet responsabbli għall-moħqrija u jekk illum humiex qegħdin x’imkien ieħor qrib it-tfal, fejn naf jiena bħal skejjel. Nixtieq inkun naf kemm kienu dawn is-sorijiet u jekk il-Madre Superjura kinitx taf u baqgħet m’għamlet xejn. Nixtieq inkun naf jekk il-Knisja, li għandi nifhem li taf bl-identità tagħhom, hix se tieqaf hawn jew tibda proċeduri oħrajn.
Dan kollu qiegħed ngħidu mhux biss għax il-pubbliku għandu jkun jaf. Mhux biss biex jiġu vindikati l-vittmi, imma għax mhux is-sorijiet kollha huma tal-istess pezza.
Anzi konvint li dawn huma f’minoranza. Jekk dawn il-mini ta’ dettalji ma joħorġux, allura kull soru Dumnikana li ser nibdew naraw fit-triq tiġi soċjalment stigmatizzata. Għalkemm jien mhux wieħed minn dawk li npoġġi fuq il-bankijiet ta’ quddiem fil-knisja, lanqas ma rrid li dan l-Ordni ta’ sorijiet, li konvint għamel aktar ġid minn deni, jitqiegħed f’dawl ikrah. Jekk jiġri hekk, filwaqt li nkunu qegħdin nagħmlu ġustizzja mal-vittmi, inkunu qegħdin inwettqu inġustizzja ma’ dawk is-sorijiet li qdew xogħolhom sew.
Għamel tajjeb l-Isqof t’Għawdex li ħabbar li mhux se jieqaf hawn u li se jaħtar tim ta’ esperti biex isegwu lill-vittmi. Iżda llum ħafna mill-vittmi kibru u l-ħsara li kellha ssir saret. It-trawma li għaddew minnha mhux faċli tħassarha. Hemm dak li jissejjaħ kumpens psikologiku li hu magħmul minn diversi mizuri.
Wieħed minn dawn huwa l-kumpens materjali għax wara kollox kienet materjali u anke fiżika l-esperjenza li jkun għadda minnha l-vittma. Fejn membri tal-Knisja żbaljaw, il-Vatikan ma ddejjaqx jerfa’ r-responsabbiltà materjalment. Minn żmien għal żmien nisimgħu b’somom kbar li jitħallsu lil dawk il-vittmi ta’ abbużi sesswali minn saċerdoti. Għalkemm f’każijiet simili għal dawk t’Għawdex, l-abbuż hu ta’ xorta oħra, jibqa’ l-fatt li l-vittma sofriet dannu morali u psikoloġiku li se tibqa’ ġġorru magħha ħajjitha kollha. Nemmen għalhekk li għandu jkun hemm dan il-kumpens.
Nemmen li min wettaq l-abbuż għandu personalment jitlob skuża lill-vittmi. Li dawn jiġu wiċċ’imbwiċċ u tintalab skuża u forsi anke tingħata l-maħfra. L-immaġini tal-Papa Pawlu Ġwanni II jgħannaq lil Ali Acga u jaħfirlu, hi waħda ta’ ispirazzjoni f’dan il-każ.
Il-vittma mhux neċessarjament tkun irrabjata għal dak li ġralha. Ir-rabja fil-vittma titnissel ukoll meta l-oppressur tiegħu jibqa’ insensittiv għal dak li jkun għamel. Għalhekk wieħed għandu wkoll jikkunsidra għandhomx jiltaqgħu il-vittma u min wettaq l-abbuż.
Fl-aħħarnett irridu naraw għandniex nibdlu l-liġi meta dawn il-ħwejjeġ idumu ma jitilgħu fil-wiċċ. Ħafna drabi dawn l-istejjer jibdew joħorġu meta l-vittma tkun kibret u tirrakkonta snin wara li jkun seħħ l-avveniment. Ħafna drabi reati ta’ din ix-xorta jistgħu jkunu preskritti. Għalhekk inħoss li għandna nipprovdu biex il-preskrizzjoni tibda tgħaddi minn meta l-vittma tagħalaq 18-il sena sa 10 snin wara. Nemmen ukoll li għandu jkollna Liġi li f’sitwazzjonijiet simili għadna nipprovdu għad-danni morali minbarra dawk materjali. Sa llum il-liġi f’dan is-sens hi għal kollox defiċjenti.
Nawgura biss li dawn il-vittmi jsibu l-paċi tagħhom u ma nivvittimizzawx lil dawk is-sorijiet huma fejn huma, li dejjem qdew xogħolhom sewwa. L-aħħar li rridu f’din l-istorja kollha huma, aktar vittmi.
1. Meta sentejn ilu sar l-ewwel program ta’ Bondiplus dwar Lourdes Homes kien hemm diversi li qalu u kitbu li dan kien ġurnaliżmu sensazzjonali. Ir-rapport li għadu kif kien ippubblikat wera kemm kien importanti il-programm li qajjem kuxjenza u serva ta’ vuċi għal dawn it-tfal abbużati.
2. F’din l-istorja kollha l-iktar importanti huma l-persuni li bħala tfal kienu vittmi. L-ebda skuża jew raġuni m’għandha tiġġustifika minn xiex kellhom jgħaddu dawn it-tfal. Mhux biżżejjed li wħud minnhom spiċċaw bla familja iżda spiċċaw wkoll abbużati fiżikament u mentalalment bla ħadd jipproteġihom.
Nista’ nimmaġina lil dawn it-tfal li jaqilgħu s-swat u jibżgħu jitkellmu. Nista’ nimmaġinhom jippruvaw jorqdu imwerwrin li jekk jitkellmu il-konsegwenzi se jkunu iżjed tal-biża’.
Nista’ nimmaġina lil dik it t-tifla li tipprova tgħid x’kienu qed jagħmlulha iżda taf ġo qalbha li ħadd mhu se jemminha. Nista’ nimmaġina iżda ma nistax inħoss li ħassew huma. Uħud minn dawn il-persuni għadhom iġorru magħhom sa llum it-trawma li għaddew minnha meta kienu tfal. Żgur li affettwalhom il-mod kif iħarsu lejhom infushom. L-istima tagħhom infushom tkun ’l isfel. Dawn it-tfal, illum persuni adulti, għaddew minn tbatija li ħadd minnha ma jista’ jifhem jew jispjega. Ma’ dawn il-persuni nuri solidarjetà bla ebda kundizzjoni.
3. L-isqof Mario Grech joħroġ bħala mexxej kuraġġuż li mhux jomgħod il-kruha ta’ dawn l-abbużi waqqaf Kummissjoni indipendenti biex tinvestiga. Mar-riżultat ta’ l-inkjesta li ikkonfermat b’mod ċar l-abbużi li twettqu talab skuża bla kundizzjoni. Bir-raġun il-vittmi stennew skuża minn dawk li abbużaw bihom. Sakemm qed nikteb skiet. Ħasra.
4. Ikun żball kbir jekk dan l-episodju ikrah idgħajjef ix-xogħol li jagħmlu s-sorijiet f’pajjiżna u barra minn xtutna. Il-maġġoranza tas-sorijiet jagħmlu xogħol impekkabbli. Fis-skiet, kuljum, jieħdu ħsieb trabi u tfal b’imħabba u għożża kbira. Iħobbuhom bħala uliedhom. Ibatu magħhom u jbatu l-firda ta’ meta jrabbuhom u f’ċirkustanzi partikulari jinfirdu minnhom.
Minħabba l-Istrina dort diversi postijiet fejn is-sorijiet jieħdu ħsieb lit-tfal u lill-anzjani. Biex inkun onest qatt ma fhimt għala jagħżlu li jidħlu sorijiet u jiċċaħdu minn relazzjoni intima jew li jkollhom l-ulied. Qatt ma fhimt kif jagħmluha u jagħżlu li jrabbu u jħobbu t-tfal ta’ ħaddieħor qishom tagħhom. Imma l-maġġoranza tas-sorijiet li jaħdmu mat-tfal u anzjani u fl-istituzzjonijiet oħra hekk jagħmlu.
5. Il-Knisja f’Malta u f’Għawdex tagħmel ħafna ġid f’kull qasam. Iżda jonqos li jkun komplut il-pass li s-servizzi li toffri jkunu minn nies professjonali. Hekk qed jiġri f’ħafna każi iżda mhux dejjem. Għax issir qassis, ma jfissirx li sirt counsellor. Għalhekk qassis jew patri jew soru mhumiex awtomatikament terapisti tal-familja. L-istess għal dawk li jaħdmu mat-tfal u ma’ l-anzjani. Għandu jkollhom it-taħriġ għax mingħajr taħriġ, anke bl-iktar intenzjonijiet tajba, tista’ ssir il-ħsara. Nitlob kemm nitlob il-grazzja ta’ Alla jien ma nistax insir tabib jew avukat. It-taħriġ jagħmlek tabib u jekk tkun temmen, it-talb jaf jagħmlek tabib aħjar.
6. Hemm soru ta’ 80 sena li taħdem fost l-immigranti. Kulmeta niltaqa’ magħha timlini b’enerġija li ma nistax nispjega. Inħares iċassat lejha taħdem fosthom u tħobbhom bla kundizzjoni. Darba infexxejt ngħannaqha biex ngħidilha grazzi u ma stajtx nieqaf nibki. Nixtieqkom tiltaqgħu magħha u ma’ ħafna sorijiet oħra li fis-skiet, bħalissa, qed jagħmlu ħafna ġid. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|