Aħbarijiet | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
Miss Malta, Miss Bikini, Miss Italia nel Mondo: hemm ħafna konkorsi bħal dawn li jiċċelebraw is-sbuħija tal-mara.
Minix dilettanta tagħhom. Imma madankollu ma’ dawn il-konkorsi żdied ieħor li jiċċelebra d-diversità. Niltaqa’ ma’ Miss Pearl, ir-rebbieħa tal-konkors Miss Klozet 2008, fejn numru ta’ persuni transvestiti jikkompetu bejniethom għat-titlu.
Miss Pearl, magħrufa iktar bħala Maxine, għandha 25 sena. B’sorpriża kbira għalija meta nidħol id-dar tagħha għall-intervista nsib il-familja kollha tagħha madwar mejda.Kienu ġew apposta biex juru l-appoġġ tagħhom lil Maxine.
Nistaqsiha x’ħajjarha tidħol għal dan il-konkors.
“Għalkemm bdejt nistħi ħafna nipparteċipa kien hemm bosta mill-ħbieb qrib tiegħi li ħeġġewni. Tal-familja kienu l-ewwel nies li ħeġġewni u wrewni li se jkunu warajja,” tgħidli Maxine.
Taqbeż oħtha minn warajha waqt li qed tagħmel belgħa tè u tgħidli: “Jien mhux talli tajtha l-appoġġ, talli mort naraha. Jien ridtha tirbaħ.”
Maxine tgħidli li kellha 17-il sena meta qalet lil ommha li kienet transvestita.
“Qatt ma kellhom problemi bl-orjentazzjoni sesswali tiegħi. Anki jekk mhux xi ħaġa komuni, xorta aċċettawni kif jien,” issostni.
Maxine taf li jiġri x’jiġri familtha dejjem warajha, xi ħaġa li ma ssibhiex f’kull familja li jkollha membru tagħha li hu gay.
Il-familja ta’ Maxine hi magħquda u bla sigrieti. “Jien lil ommi kollox ngħidilha. Kwalunkwe problema li jkolli mmur ngħidilha,” tgħidli Maxine.
Omm Maxine hi mara pjuttost ta’ fommha sieket. Madankollu skond Albert Bugeja, l-organizzatur tal-konkors, mhix xi mara li għaliha kollox jgħaddi.
“Omm Maxine mhux xi waħda li għaliha kollox jgħaddi, anzi lanqas xejn. Imma lil bintha tħalliha tgħix ħajjitha mingħajr ma tagħmilhielha miżerja,” jgħidli Bugeja.
“Minn dejjem kont inħossni hekk, minn età żgħira ħafna. Madonna u Kylie Minogue kienu u għadhom l-idoli tiegħi. Dejjem nimitahom u kellhom ċerta influwenza fuqi. Bdejt nilbes ta’ mara minn xi sitt snin ilu ’l hawn, imma riċentement saret xi ħaġa ta’ kuljum,” tirrakkonta Maxine dwar il-ħajja personali tagħha.
L-ixkafef tal-kamra tagħha huma miżgħuda b’DVDs u kotba ta’ dawn iż-żewġ kantanti.
Omm Maxine m’għandiex mistħija li hi transesswali. “Dik parti mill-familja u ma narax għalfejn m’għandhiex inħobbha.”
Nistaqsi lil Maxine kif tħossha f’soċjetà fejn id-diversità ma tantx hi tollerata u aċċettata.
“Jien mhux xi waħda li tant nagħti kas x’jgħidu n-nies. Anzi, iktar ma nismagħhom jgħidu iktar nagħmillhom. Ovvjament ostakli ssib kemm trid, imma trid tipprova ma tagħtix każ għax in-nies bsaten fir-roti jistgħu jagħmlulek. Eżempju hu meta tmur tapplika għal xogħol u ma jerġgħux jibagħtulek meta jarawk,” tgħidli.
Minn kliemha tagħtini x’nifhem li l-ħajja transesswali u dik gay mhux waħda faċli. Jikkonferma Albert: “In-nies xorta jħarsu lejn il-ħajja gay bħala waħda perversa. Jagħtu kas biss l-orjentazzjoni sesswali ta’ l-individwu u ma jħarsux lejh bħala persuna li għandha l-kapaċitajiet tagħha u li għandha sentimenti kif ukoll għandha rwol fis-soċjetà bħal ħaddieħor.”
Kien dan il-ħsieb li wassal lil Albert biex flimkien ma’ Simone Sciberras, waħda mis-sidien tal-klabb Klozet f’Paceville, biex jorganizzaw l-ewwel konkors bl-isem Miss Klozet.
Simone, li kienet preżenti wkoll waqt l-intervista, spjegat: “Klozet ilu miftuħ minn Diċembru 2006. Għall-bidu ħafna nies bdew jaqtgħuli qalbi għax kulħadd ħaseb li kien se jkun falliment. Imma issa li għaddew sena u nofs iddeċidejna li nagħmlu l-ewwel kompetizzjoni. L-għan prinċipali kien li apparti li noffru a guaranteed night out tagħti xi ħaġa lura lill-komunità gay għax irridu nagħmluhom milqugħa iktar in-nies li jigu.”
Miss Klozet kien konkors organizzat għat-trasvestiti, nies li kif jikkonfermaw Simone u Albert, m’għandhomx postijiet addattati ta’ divertiment. B’hekk l-idea tal-konkors kienet li anki jekk ikunu qed jikkompetu, ikunu jistgħu jingħaqdu taħt l-istess saqaf.
Il-kontestanti kollha ngħataw isem ta’ ġebel prezzjuż, fosthom Miss Pearl, Miss Emerald, Miss Sapphire u Miss Ruby. Waqt il-konkors, li kien maqsum f’żewġ serati, il-parteċipanti kellhom jimmudellaw kif ukoll jagħmlu koreografija. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|