MediaToday

Aħbarijiet | 13 ta’ April 2008 Nr 76

L-abort madwar l-Ewropa

Malta hi l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn l-abort mhuwiex legali. KURT SANSONE jagħti ħarsa lejn x’jgħidu l-liġijiet tal-pajjiżi differenti

L-abort f’Malta hu att kriminali li jista’ jwassal lill-omm u lit-tabib il-ħabs anki jekk l-omm tkun tat il-kunsens tagħha biex titwaqqaf il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf tagħha.
Il-liġi kriminali ma tħalli lok għall-ebda interpretazzjoni u saħansitra ma tippermettix li jsir abort f’każ li l-ħajja ta’ l-omm tkun fil-periklu minħabba t-tqala.
Legalment tabib ma jista’ jagħmel l-ebda intervent mediku li jista’ jwassal għall-mewt tat-tarbija anki jekk l-għan ikun biex tkun salvata l-ħajja ta’ l-omm. Fil-verità l-prassi addottata hi għal kollox differenti.
Hemm żewġ każi partikolari fejn intervent mediku jwassal żgur għall-abort: meta mara tqila jkollha kanċer fl-utru jew meta l-fetu jibda jikber fit-tubu (ectopic pregnancy) u t-tobba jkollhom bżonn joperaw.
Tobba li ma xtaqux jissemmew b’isimhom sostnew ma’ din il-gazzetta li l-prassi normali f’każi bħal dawn hi li tkun salvata l-ħajja ta’ l-omm kemm-il darba din ma tirrifjutax it-trattament. Anki jekk mingħajr il-protezzjoni tal-Liġi, it-tobba li tkellmu magħna irraġunaw li f’dawn il-każi l-omm tkun qed taġixxi biex tiddefendi ħajjitha u l-Liġi tippermetti lill-persuna tiddefendi ħajjitha.
Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Harry Vassallo ftit ilu ittanta jqajjem dan l-argument f’kitba tiegħu fit-Times. Vassallo sostna li “teknikament hu reat kriminali li tamministra mediċina lil mara li għandha kanċer jew xi marda oħra li qed theddidilha ħajjitha jekk it-trattament jista’ jwassal għall-abort.”
Hu spjega wkoll li hu “teknikament reat li tagħmel abort fuq mara li qed tbati minn tqala ektopika (ectopic pregnancy) li żgur tista’ twassal għall-mewt ta’ l-omm jekk titħalla għaddejja.”
Fil-verità li jiġri, sostna Vassallo, hu li bħala pajjiż ninjoraw il-liġijiet tagħna stess u fejn ikun medikament meħtieġ l-abort xorta jsir biex tkun salvata l-ħajja ta’ l-omm.
Il-ħruxija tal-Liġi Maltija qajmet mistoqsijiet kbar fil-Kunsill ta’ l-Ewropa li riċentement f’abbozz ta’ riżoluzzjoni dwar l-aċċess għall-abort madwar l-Ewropa talbet biex l-abort ikun dikriminalizzat fil-pajjiżi kollha membri.
Il-Gvern Malti kien pront wieġeb li ma kienx beħsiebu jagħti każ din ir-riżoluzzjoni li fl-aħħar mill-aħħar m’għandha l-ebda rabta legali.
Il-mistoqsija ewlenija li tqum hi: il-liġi ta’ l-abort għandha tinbidel biex ta’ l-inqas f’ċerti ċirkostanzi fejn il-ħajja ta’ l-omm hi mhedda mit-tqala ma jkunx reat kriminali li dik it-tqala tintemm qabel iż-żmien?
Dibattitu serju u razzjonali hu diffiċli f’ħafna f’pajjiż fejn il-kelma abort hi tabù u ħafna drabi ntużat biex issawwat lil min ittanta jqajjem id-dibattitu. Iżda ħarsa lejn il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea turi li Malta hi l-uniku pajjiż fejn l-abort hu illegali u m’hemm l-ebda eċċezzjonijiet li jippermettuh f’ċerti ċirkostanzi.
Dan ma jfissirx li m’hawnx nisa li jagħżlu li jagħmlu abort b’mod klandestin f’Malta jew b’mod legali f’xi pajjiż ieħor Ewropew.
Id-differenza minn pajjiżi oħra hi li nippreferu nagħlqu għajnejna għal ċerti realtajiet daqslikieku ma jeżistux.


L-Awstrija
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa

Kundizzjonijiet: Sa 12-il ġimgħa mara tista’ titlob li jsirilha abort għal kull raġuni wara li jkollha konsultazzjoni medika. Jista’ jsir wara t-12-il ġimgħa tat-tqala biex ikun evitat periklu lis-saħħa fiżika jew mentali ta’ l-omm u jekk hemm riskju qawwi li t-tarbija titwieled b’difett fiżiku jew mentali serju. Tifla taħt l-14-il sena jista’ jkollha abort wara t-12-il ġimgħa tat-tqala.

Il-Belġju
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa

Kundizzjonijiet: Il-mara trid tgħid li tinsab fi stat ta’ dwejjaq kbar. L-abort hu permess f’kull stadju tat-tqala wara 12-il ġimgħa jekk żewġ tobba jaqblu li hemm riskju serju għas-saħħa ta’ l-omm jew jekk it-tarbija għandha marda serja ħafna li ma titfejjaqx.

Il-Bulgarija
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa

Kundizzjonijiet: Mara tista’ titlob abort sat-12-il ġimgħa tat-tqala għal kull raġuni. Bejn it-12-il ġimgħa u l-20, l-abort permess biss jekk il-mara qed tbati minn marda li tista’ tipperikola l-ħajja ta’ l-omm jew it-tarbija. Wara 20 ġimgħa, l-abort permess biss jekk il-ħajja ta’ l-omm hi fil-periklu jew hemm evidenza ta’ difetti serji fil-fetu.

Ċipru
Żmien tat-tqala: 28 ġimgħa

Kundizzjonijiet: L-abort permess biss biex tkun salvata l-ħajja tal-mara, biex jitħares l-istat ta’ saħħa mentali u fiżiku tagħha jew f’każi ta’ stupru jew inċest. L-abort permess ukoll f’każ li t-tarbija tkun se titwieled b’diżabbiltà serja. F’kull każ irid ikun hemm il-kunsens ta’ żewġ tobba ħlief f’każ ta’ stupru fejn jenħtieġ ċertifikat tal-Pulizija.

Ir-Repubblika Ċeka
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa

Kundizzjonijiet: Sa 12-il ġimgħa tat-tqala mara tista’ titlob li jsirilha abort għal kull raġuni basta tagħti l-kunsens tagħha u tkun awtorizzata mill-ginekologu . Wara t-12-il ġimgħa t-tqala tista’ titwaqqaf biss jekk is-saħħa jew il-ħajja ta’ l-omm ikunu taħt theddida jew f’każi fejn il-fetu ma jkunx f’saħħtu. Il-proċedura trid tkun awtorizzata minn kummissjoni medika u trid issir fi sptar. L-abort għal skopijiet terapewtiċi hu permess sas-26 ġimgħa tat-tqala.
Mara li jkollha abort ma tistax twettaq abort ieħor fi żmien sitt xhur sakemm ma tkunx welldet darbtejn u għandha minn ta’ l-inqas 35 sena jew jekk it-tqala hi riżultat ta’ stupru.

Id-Danimarka
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa

Kundizzjonijiet: Mara tista’ titlob li jsirilha abort għal kull raġuni. Wara t-12-il ġimgħa l-abort hu permess anki jekk it-tqala mhix ta’ thedida għall-ħajja tal-mara, madankollu jrid ikun approvat minn kumitat ta’ erbgħa minn nies.

L-Estonja
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Mara jista’ jkollha abort sat-12-il ġimgħa tat-tqala imma qabel trid tagħmel konsulta mat-tobba u r-raġunijiet għalfejn se jitwettaq l-abort iridu jitniżżlu bil-miktub. L-abort hu permess sat-22 ġimgħa fuq raġunijiet ta’ saħħa u jekk l-omm ikollha inqas minn 16-il sena jew iktar minn 45.

Il-Finlandja
Żmien tat-tqala: 24 ġimgħa
Kundizzjonijiet: L-abort sat-12-il ġimgħa tat-tqala hu permess biex tkun salvata l-ħajja jew biex tkun imħarsa s-saħħa mentali ta’ l-omm. Hu permess ukoll għal raġunijiet soċjali u ekonomiċi jew f’każi ta’ stupru u inċest.
Sa l-20 ġimgħa l-abort permess jekk hemm riskju għas-saħħa fiżika ta’ l-omm jew jekk hi iżgħar minn 17-il sena. L-abort jista’ jsir biex titwaqqaf tqala fl-24 ġimgħa jekk il-ħajja ta’ l-omm hi f’riskju jew hemm riskju qawwi li t-tarbija titwieled b’diżabbiltà severa.

Franza
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Mara jista’ jkollha abort sat-12-il ġimgħa jekk tgħid li tinsab fi stat ta’ dwejjaq kbir (state of distress) minħabba t-tqala. Wara dak il-perjodu l-abort hu permess biss jekk it-tqala hi ta’ periklu serju għas-saħħa ta’ l-omm jew jekk it-tarbija se tbati minn marda serja li m’hawnx kura għaliha. Jekk dan hu l-każ, żewġ tobba jridu jikkonfermaw ir-riskju għas-saħħa ta’ l-omm jew il-fetu.
Tifla taħt is-16-il sena tista’ titlob abort mingħajr ma tikkonsulta mal-ġenituri tagħha imma trid tkun akkumpanjata minn adult tal-għażla tagħha.

Ġermanja
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Mara tista’ titlob abort għal kull raġuni imma sa tlett ijiem qabel l-intervent trid tirċievi counselling. Fil-counselling, li hu regolat mill-Istat, jintqal lill-mara li t-trabi mhux imwielda wkoll għandhom id-dritt għall-ħajja u jsir tentattiv biex jikkonvinċuha tkompli bit-tqala.

Greċja
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Sa 12-il ġimgħa l-abort jista’ jintalab mill-mara għal kull raġuni. F’każ ta’ stupru jew inċest l-abort jista’ jsir anki sad-19-il ġimgħa tat-tqala u f’każ ta’ mankament serju fil-fetu jista’ jsir sa l-24 ġimgħa. Tfajla minuri trid il-kunses miktub tal-ġenituri tagħha.

Ungerija
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Mara tista’ titlob abort għal kull raġuni sat-12-il ġimgħa imma trid tmur għall-counselling. Konsultazzjoni ma’ infermiera hi meħtieġa bil-Liġi biex il-mara jkollha informazzjoni dwar il-kontraċezzjoni u għajnuna jekk tiddeċiedi li żżomm it-tqala. L-abort jista’ jsir f’kull stadju tat-tqala jekk il-ħajja ta’ l-omm tkun fil-periklu jew il-fetu għandu malformazzjoni li se jagħmilha impossibbli li jibqa’ jgħix wara t-twelid.

L-Irlanda
Żmien tat-tqala: Mhemmx limitu
Kundizzjonijiet: L-abort permess biss jekk il-ħajja ta’ l-omm hi fil-periklu inkluż ir-riskju li l-omm twettaq suwiċidju.

L-Italja
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Mara tista’ titlob abort għal kull raġuni imma trid tagħmel ġimgħa ta’ riflessjoni. Ċertifikat li jikkonferma t-tqala u ieħor li jitlob li titwaqqaf it-tqala jridu jinħarġu minn tabib u jkunu iffirmati mill-mara u t-tabib. L-awtorizzazzjoni tal-ġenituri hi meħtieġa jekk il-mara għandha inqas minn 18-il sena. Wara t-12-il ġimgħa l-abort hu permess biss jekk il-fetu għandu difett ġenetiku jew biex tkun imħarsa s-saħħa mentali u fiżika ta’ l-omm.

Il-Latvja
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Mara tista’ titlob li jsirilha abort sat-12-il ġimgħa tat-tqala għal kull raġuni. Wara dak iż-żmien trid tintalab awtorizzazzjoni speċjali iżda raġunijiet mhux mediċi għalfejn jista’ jintalab l-abort jinkludu l-mewt tar-raġel waqt it-tqala, sentenza ta’ ħabs lill-omm jew il-missier, divorzju li jingħata waqt it-tqala, tqala minn stupru u storja medika ta’ diżabbiltà fil-familja.

Il-Litwanja
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Il-kundizzjonijiet huma bħal tal-Latvja.

Lussemburgu
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: L-abort jista’ jsir fl-ewwel 12-il ġimgħa biex tkun salvata l-ħajja ta’ l-omm, biex titħares is-saħħa mentali jew fiżika tagħha, għal raġunijiet ekonomiċi jew soċjali f’każi ta’ stupru, inċest jew problemi ta’ saħħa fil-fetu. Ġimgħa ta’ riflessjoni hi meħtieġa u nisa tqal iridu jingħataw informazzjoni dwar metodi oħra minbarra l-abort.
Wara 12-il ġimgħa l-abort hu permess biss f’każ li hemm theddida serja għas-saħħa ta’ l-omm jew it-tarbija. Żewġ tobba jridu jikkonfermaw bil-kitba li teżisti t-theddida serja.

L-Olanda
Żmien tat-tqala: 13-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: L-abort jista’ jintalab li jsir sat-13-il ġimgħa imma l-mara trid tistenna ħamest ijiem bejn l-ewwel konsulta u l-intervent. L-abort hu permess wara t-13-il ġimgħa sa l-24 ġimgħa jekk l-omm tgħid li qegħdha fi stat ta’ dwejjaq kbir (state of distress).

Il-Polonja
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Sa 12-il ġimgħa l-abort hu permess biex tkun salvata l-ħajja tal-mara, biex titħares is-saħħa fiżika jew mentali ta’ l-omm, f’każi ta’ stupru jew inċest u jekk il-fetu ma jkunx f’saħħtu. Wara t-12-il ġimgħa, l-abort hu permess biss jekk it-tkomplija tat-tqala thedded il-ħajja jew is-saħħa ta’ l-omm.
Il-Portugall
Żmien tat-tqala: 16-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Fl-ewwel 12-il ġimgħa l-abort jista’ jsir biex tkun salvata l-ħajja tal-mara jew biex titħares is-saħħa mentali jew fiżika tagħha. Sa 16-il ġimgħa l-abort jista’ jsir f’każi ta’ stupru jew att kriminali sesswali. Sa 24 ġimgħa l-abort jista’ jsir f’każ li t-tarbija tkun ċertifikata li se titwieled b’marda li m’hawnx kura għaliha jew malformazzjoni. Il-Liġi se tkun liberalizzata biex kull mara tkun tista’ titlob li jsirilha abort sa l-ewwel 10 ġimgħat tat-tqala.

Ir-Renju Unit
Żmien tat-tqala: 24 ġimgħa
Kundizzjonijiet: L-abort jista’ jsir biex tkun salvata l-ħajja tal-mara u minħabba raġunijiet ta’ saħħa, ekonomiċi u soċjali. Żewġ tobba jridu jiċċertifikaw li l-kundizzjonijiet mediċi ntlaħqu.

Ir-Rumanija
Żmien tat-tqala: 14-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Sa l-14-il ġimgħa tat-tqala mara tista’ titlob li jsirilha abort għal kull raġuni. L-abort jista’ jsir iktar tard waqt it-tqala jekk hu assolutament neċessarju għal raġunijiet terapewtiċi.

L-Islovakja
Żmien tat-tqala: 12-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Sat-12-il ġimgħa tat-tqala mara tista’ titlob li jsirilha abort għal kull raġuni imma trid tagħmel it-talba bil-miktub. Mara ma tistax tagħmel abort jekk m’għaddewx sitt xhur mill-aħħar abort li tkun għamlet ħlief f’każ fejn il-mara diġà welldet darbtejn jew għandha ’l fuq minn 35 sena, jew f’każ li t-tqala hi riżultat ta’ stupru. Il-kunsens tal-ġenituri hu mitlub għal tfal taħt is-16.
L-abort wara t-12-il ġimgħa jista’ jsir biss għal raġunijiet mediċi u ġenetiċi jew f’każ ta’ stupru jew inċest.

L-Islovenja
Żmien tat-tqala: 10 ġimgħat
Kundizzjonijiet: Mara tista’ titlob abort għal kull raġuni. Wara l-10 ġimgħat l-abort jista’ jsir wara awtorizzazzjoni speċjali maħruġa minn kummissjoni mwaqqfa apposta li tinkludi wkoll ħaddiema soċjali u psikoloġi fost l-oħrajn.

Spanja
Żmien tat-tqala: 22 ġimgħa
Kundizzjonijiet: L-abort hu permess sat-12-il ġimgħa tat-tqala jekk ikun hemm riskju għas-saħħa mentali jew fiżika tal-mara. F’każ ta’ stupru t-tqala tista’ titwaqqaf sat-12-il ġimgħa imma l-ewwel irid isir rapport lill-Pulizija. F’każ li l-fetu ma jkunx b’saħħtu, żewġ speċjalisti jridu jiċċertifikaw li t-tarbja se tbati minn diżabbiltà mentali jew fiżika severa u l-abort ikun jista’ jsir sat-22 ġimgħa.

L-Isvezja
Żmien tat-tqala: 18-il ġimgħa
Kundizzjonijiet: Bejn it-12-il ġimgħa u t-18 mara tista’ titlob abort għal kull raġuni imma trid tiddiskuti l-proċedura ma’ ħaddiem soċjali. Wara 18-il ġimgħa, il-mara trid tieħu l-permess ta’ bord imwaqqaf apposta qabel ma tagħmel abort.

Sorsi: Nazzjonijiet Uniti, International Planned Parenthood Federation u l-BBC

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Għal vetrina aħjar tal-ktieb Malti

Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia


Editorijal
Divorzju la Maltija


Il Punt
Lil hinn mill-10 ta’ Mejju
Saviour Cachia


Toni u Peppi
L-abbuż f’Lourdes Home: apoloġija?



Emmanuel Micallef
Partiti mdendlin


Carmelo Mifsud Bonnici

L-istabbiltà politika hi vitali



X'kien Jgħid
Erġajna koppi!



Wenzu Mintoff

Belveder
Skond Anġelik u l-fan club tiegħu f’Borg in-Nadur qed tidher Sidtna Marija li flok tidħol għall-imsejkna u għall-imġarrbin kif nafha jien, qed toqgħod tistaqsi jekk il-kunduttur tax-Xarabank jippreferix jissejjaħ bl-isem ta’ Joe jew ta’ Peppi.



Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan