Aħbarijiet | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Għaddew ftit iktar minn tliet xhur mid-dħul ta’ l-ewro u SABRINA AGIUS niżlet sas-suq tal-Birgu biex tara jekk in-nies dratx tixtri bil-munita l-ġdida
Is-suq tal-Birgu nhar ta’ Tlieta hu festa ta’ kuluri, karattri u negozju. Bejn għajta u oħra tal-bejjiegħa, bejn xi ħadd ikkonfondut jipprova jifhem kemm hu prezz u bejn xi ħadd ieħor jipprova dublett f’nofs il-monti, jirnexxili nġib il-kummenti mixtieqa.
Niddeffes bejn grupp ta’ nisa li kienu qed jitkellmu bejniethom. Naħsadhom, imma sħuna sħuna taqbeż Janet, mara ġinġrija ta’ 36 sena, u turini l-portmoni.
“Portmoni flus u qisu m’għandek xejn. Mingħalik għandek ħafna u ma jkollok xejn għax mill-ewwel itiru,” tgħidli.
Il-kliem ta’ Janet hu l-kantaliena ġenerali li nisma’ mingħand bosta nies. “Brodu” u “koċċ flus għalxejn” kienu fost il-frażijiet komuni li ltqajt magħhom.
Tania, ħabiba ta’ Janet, tisħaq li “drajthom kieku imma taħseb li għandek ħafna u mbagħad ma jkollok xejn. Dak li jkun (b’referenza għal min ibigħ), jibda jiġbed linja.”
L-istess taħsibha Connie Agius, mara tad-dar ta 54 sena.
“Minn €23 qed jagħmluhom €25. Ikolli ngħid li drajtha l-ewro imma mhux billi drajtha. Il-ħajja qed naraha għoliet. Vera ftit ċenteżmi ’l hawn u ’l hemm imma meta tgħaqqad kollox f’daqqa tirrealizza li kollox qed jogħla u b’hekk tasal biex ikollok inqas flus fil-but. Anke hawnhekk is-suq, dawk l-affarijiet li kienu €2.33 issa qed jagħmluhom €2.50. Naf li ftit imma xorta jagħmlu differenza,” tispjega Connie.
Maria ta’ 42 sena għandha nostalġija għal-Lira Maltija. “L-ewro bilfors kellna ndaħħluha la sirna parti mill-Ewropa. Immorru lura ma nistgħux. Il-Lira Maltija kienet b’saħħitha imma dak kien parti mill-pakkett. Għalkemm drajtha, xorta għadni nsib diffikultà biż-żgħar. Id-dispjaċir jibqa’ mhux għax daħlet l-ewro imma li l-Lira kienet tifforma parti mill-kultura tagħna.”
Sakemm inpassi fis-suq nara oġġetti varji immarkati kemm bl-ewro kif ukoll bil-Lira Maltija. Mara ma setgħetx taqbad art ta’ kemm kienet se tiġi tiswiha xirja li kienet qed tagħmel. X’ħin tibda tikkonfondi l-bejjiegħa tmur fuqha bil-kalma u tibda tispjegalha kemm se jiġuha Maltin u kemm se tagħtiha bqija bl-ewro.
Nistaqsi wkoll lil xi bejjiegħa jekk l-ewro fixklithomx f’xogħolhom.
Glenn, żagħżugħ li lemaħni nistaqsi lin-nies, ma jaħsibhiex darbtejn biex jgħidli dak li għandu f’moħħu.
“Niżżel dan li se ngħidlek għax hekk hi l-verità. Hawn qamel kbir u m’hawnx flus fl-idejn. Anke nofs il-prezz ikunu jriduhom l-affarijiet,” jgħid b’ton ftit irrabjat. Fuq l-istand tiegħu kellu kollox immarkat b’€1.
“Billi għandi dak il-prezz lanqas dak ma jkunu jridu jħallsu għax jarawh għoli,” isostni Glenn.
Bejjiegħ tal-ħaxix b’daħqa fuq wiċċu ma jaħbix il-problemi li sab.
“Ħallini għax ilni ngħaffeġ u nħawwad,” jgħidli.
Fl-istess ilma tinsab Jane. Tqerr li anki hi xi kultant titħawwad meta tmur tixtri.
“Imma meta niġi biex nispjega lin-nies meta jkunu qed jixtru mingħandi differenti. Ikolli ngħid mhux kulħadd dara u l-bejgħ qisu naqas ftit.”
Anki jekk ħafna kalkoli fil-moħħ għadhom isiru bil-Lira Maltija u l-impressjoni hi li bl-ewro m’għandek xejn fil-but jidher li l-Malti bħal dejjem ma tantx idum biex jidra l-bidla. Ma kenitx bidla faċli u anki jekk hemm min għadu nostalġiku għal-Lira Maltija żgur li minn hawn u sena oħra l-ewro tkun daħlet ukoll fis-subkonxju tan-nies.
Madankollu, jekk il-ħajja tkomplix togħla jew le hu argument għal kollox differenti. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|