MediaToday

Aħbarijiet | 13 ta’ April 2008 Nr 76

Arrestati erba’ fuq messaġġi biex il-kaċċaturi jagħmlu l-pajjiż “trab”

Charlot Zahra u
David Darmanin

Erbgħa min-nies huma miżmuma taħt arrest mill-Pulizija wara li xerrdu messaġġ sovversiv bl-SMS fost il-kaċċaturi fejn ħeġġuhom biex dalgħodu jagħmlu carcade u protesta f’Ta’ Qali fl-10am biex “dal-pajjiż nagħmluh trab.”
Il-messaġġ sovversiv kien ippubblikat mill-Pulizija waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li ssejħet ħabta u sabta lbieraħ f’nofsinhar biex tingħata twissija lil kulmin kien beħsiebu jmur għal din il-protesta.
“Kulmin jinġabar f’Ta’ Qali għada (illum) fl-10am ikun ħati li ħa sehem f’ġemgħa mhux skond il-Liġi,” wissa l-Assistent Kummissarju Josie Brincat.
Meta kien qed jindirizza lill-mezzi tax-xandir, Brincat qal li l-erba’ persuni kienu arrestati mill-Pulizija nhar il-Ħamis u huma mistennija li jistressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin mixlija b’inċitament.
“Dawn l-SMSs huma illegali u l-Pulizija hi obbligata legalment li tinvestigahom. M’aħna se nittolleraw l-ebda tip ta’ messaġġi bħal dawn,” sostna Brincat.
Jekk jinstabu ħatja, l-erba’ persuni, li dwarhom il-Pulizija ma tat l-ebda dettalji aktar waqt il-konferenza stampa, jistgħu jeħlu l-ħabs kif ukoll multa.
Brincat stqarr li ħadd ma applika għal permess f’Ta’ Qali dalgħodu fl-10am.
Hu qal li l-Pulizija kienet investigat messaġġi fuq “websajt partikulari” għal messaġġi sovversivi imma t-tfittxija irriżultat fin-negattiv.
Mistoqsi minn din il-gazzetta biex isemmi l-isem tal-websajt partikolari li kienet investigata mill-Puliziija Brincat qal: “Mhuwiex etiku li niżvelaw l-isem tas-sit.”
Iżda matul dawn l-aħħar jiem il-websajt tal-FKNK kienet miżgħuda b’kummenti anzjużi min-naħa tad-dilettanti tal-kaċċa kif id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar miżuri temporanji biex titwaqqaf minnufih il-kaċċa fir-rebbiegħa għadha ma waslitx minkejja li l-passa tal-għasafar fir-rebbiegħa issa bdiet.
Brincat qal ukoll li s’issa l-Pulizija ma kellha l-ebda indikazzjoni ta’ aktar attivitajiet sovversivi mid-dilettanti tal-kaċċa u l-insib f’Malta u f’Għawdex.
Id-direttur eżekuttiv tal-għaqda Birdlife Malta, Tolge Temuge, min-naħa tiegħu qal: “L-FKNK esprimiet ruħha b’mod simili fil-passat, kemm permezz tas-sit ta’ l-internet tagħha, kif ukoll b’mod uffiċjali. Minix sorpriż li issa ċerti individwi qed jirrikorru għall-istess stil ta’ komunikazzjoni. Madanakollu xorta nistenna li l-FKNK tara x’tagħmel biex issolvi din is-sitwazzjoni.”
Mistoqsi jekk il-Birdlife irċevietx xi theddid dan l-aħħar, Temuge qal: “Le, ma ngħidx. Iżda li rċevejna kienu numru ta’ telefonati aggressivi dan l-aħħar. Aħna xorta qed inkellmuhom lill-kaċċaturi li jċemplu għax jidher ċar li l-informazzjoni li għandhom mhix minnha. L-FKNK qed tgħidilhom li aħna rridu neqirdu l-kaċċa s-sena kollha u dan mhux il-każ.”
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta s-Segretarju Ġenerali tal-FKNK, Lino Farrugia, qata’ d-diskursata fil-qasir billi qal: “Ma nagħtix kummenti lill-gazzetta tagħkom.”
Filwaqt li ikkundanna kategorikament dawn l-azzjonijiet, kelliem għall-Prim Ministru qal: “Dan l-aġir hu inaċċettabli. Mhemm xejn li jista’ jiġġustifika din is-sitwazzjoni.”
Mistoqsi jekk il-Prim Ministru setax aġixxa b’mod sabiex it-tensjoni ma tikbirx daqstant fost il-kaċċaturi, il-kelliem qal: “Ma seta’ jsir xejn biex jipprevjeni din is-sitwazzjoni għar-raġuni li din is-sitwazzjoni hija minnha nnifisha inaċċettabli.”

Il-messaġġ moqżież bl-SMS

Illum qed tippubblika l-messaġġ li beda jdur fost il-kaċċaturi kelma b’kelma bl-iżbalji kollha li kien fih:
“Carcade kbir u protesta spetakolari nhar il-Hadd fl-10.00, waslet il-passa u ma nistawx nohorgu, ic-cineg dalwaqt ser jaqbzu u dal pajjiz naghmluh trab. Gibu maghkhom hadid, injam gebel, skieken u petrol u sufarini.
“Ibat dal-mesag lid-delatanti li taf toqoghodx tibki 5c messag. Kulhad niltaqaw ta qalli f’10.”

 

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Għal vetrina aħjar tal-ktieb Malti

Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia


Editorijal
Divorzju la Maltija


Il Punt
Lil hinn mill-10 ta’ Mejju
Saviour Cachia


Toni u Peppi
L-abbuż f’Lourdes Home: apoloġija?



Emmanuel Micallef
Partiti mdendlin


Carmelo Mifsud Bonnici

L-istabbiltà politika hi vitali



X'kien Jgħid
Erġajna koppi!



Wenzu Mintoff

Belveder
Skond Anġelik u l-fan club tiegħu f’Borg in-Nadur qed tidher Sidtna Marija li flok tidħol għall-imsejkna u għall-imġarrbin kif nafha jien, qed toqgħod tistaqsi jekk il-kunduttur tax-Xarabank jippreferix jissejjaħ bl-isem ta’ Joe jew ta’ Peppi.



Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan