Aħbarijiet | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Iktar ma jgerrbu l-ġimgħat fit-tiġrija għall-kap tal-Partit Laburista jidher li l-eks Deputat Mexxej George Abela qed ikollu rispons tajjeb mid-delegati fl-ewwel laqgħat tiegħu fil-każini Laburisti.
Abela għadu l-uniku kandidat li ma ħareġ l-ebda stqarrija uffiċjali jew li organizza konferenza stampa biex iħabbar in-nomina tiegħu.
Madankollu Abela qed jiskandalja d-delegati u l-membri tal-partit biex jara x’appoġġ igawdi fosthom. Dalgħodu fil-każin tar-regatta ta’ Bormla Abela mistenni jindirizza laqgħa għall-attivisti Laburisti u delegati f’dik li qed jiddiskrivi bħala mass rally.
Il-laqgħa ta’ llum tista’ tkun barometru ta’ fejn qed iħabbat il-polz tal-Laburisti anki jekk jista’ jkun hemm min jattendi għall-kurżità. Din il-laqgħa kienet irreklamata fl-orizzont bis-slogan ta’ Abela jkun ‘Tmexxija li tikseb suċċess’.
Din il-ġimgħa Abela sab bħala forċina lill-ekonomista Alfred Mifsud li fil-kolonna tiegħu fil-Malta Independent ħabbar ir-riżultat ta’ stħarriġ suppost xjentifiku li għamel dwar min ikun l-aħjar mexxej tal-Partit Laburista.
Skond l-istħarriġ ta’ Mifsud Abela hu l-iktar kandidat Laburist li jgawdi appoġġ fost in-Nazzjonalisti. Min-naħa l-oħra l-eks Deputat Mexxej li kisirha mal-partit fis-sajf imqanqal ta’ l-1998 kiseb biss l-appoġġ ta’ 11 fil-mija fost il-Laburisti. Fost il-Laburisti l-iktar kandidat popolari hu Joseph Muscat b’64 fil-mija.
Għalkemm Mifsud ma tax dettalji biżżejjed dwar kif inħadem l-istħarriġ iċ-ċifri li ippubblika jindikaw li fost dawk li jqisu lilhom infushom floating voters jew li ma ridux jgħidu x’inhuma politikament, kemm Abela kif ukoll Muscat igawdu bejn wieħed u ieħor l-istess appoġġ.
Fost il-floaters Abela ġab il-kunsens ta’ 45 fil-mija filwaqt li Muscat ġab 22 fil-mija, b’Michael Falzon fit-tielet post bi 13 fil-mija. Fost dawk li ma xtaqux jgħidu kif jivvutaw Abela ġab il-kunsens ta’ 23 fil-mija, Muscat ta’ 43 fil-mija u Falzon ta’ 17 fil-mija.
Jidher li d-delegati kellhom reazzjonijiet kuntrastanti għal dan l-istħarriġ.
“Hu ovvju x’ried jagħmel Alfred Mifsud. Kien diġà qal li jappoġġa lil Gorg Abela u ħoloq stħarriġ biex juri kif George hu l-iktar popolari barra l-partit. Imma b’dawk il-figuri jidher li George imur aħjar jekk joħroġ bħala kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista,” sostna delegat li ma xtaqx ikun identifikat.
Delegat ieħor li ma qabilx mal-konklużjonijiet ta’ Mifsud li Abela jkun l-aħjar kandidat biex irebbaħ l-elezzjoni lill-MLP, sostna li “Joseph Muscat hu l-uniku wieħed li għandu potenzjal li jgħaqqad il-partit u fl-istess waqt igawdi appoġġ sostanzjali barra l-partit.”
Min se jirnexxielu jgħaqqad il-partit warajh hu kriterju importanti għal ħafna delegati li fl-aħħar snin raw wisq firdiet interni li spiċċaw imperrċa fil-media.
Iżda għalkemm il-ferita ta’ l-1998, meta Abela telaq mill-MLP għax ma qabilx ma’ elezzjoni bikrija għadha miftuħa għal ħafna Laburisti, jidher li bil-kelma t-tajba Abela qed jirnexxielu jirbaħ minn ta’ l-inqas il-widna tad-delegati.
“George daħal għal-laqgħa fil-każin b’kulħadd lest bis-skieken għalih u ħareġ b’kulħadd joffrilu l-birra,” sostna delegat ma’ din il-gazzetta dwar waħda mil-laqgħat li għamel Abela f’każin fiċ-ċentru ta’ Malta.
Għad fadal triq twila għall-5 ta’ Ġunju u kollox jista’ jiġri minn issa sa dakinhar. Li hu żgur hu li bħalissa d-delegati se jkunu ibbumbardjati mill-erba’ kandidati uffiċjali u l-ieħor semi-uffiċjali bi proposti u ideat ta’ kif se tasal ir-rebħa Laburista ħames snin oħra.
Min se jkun l-iktar konvinċenti għad irridu naraw. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|