Aħbarijiet | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Illum qed toffri spazju lill-kandidati għat-tmexxija tal-MLP biex sa l-1 ta’ Ġunju, kull nhar ta’ Ħadd, jesprimu l-ħsibijiet u jfissru l-viżjoni tagħhom. Is-suġġett hu f’idejn il-kandidati rispettivi.
Evarist Bartolo
www.evaristbartolo.com
Wara t-telfa elettorali żgur li tiġina t-tentazzjoni li naraw kollox ħażin fina u nibdew infittxu f’min inwaħħlu.
Żgur li għandna nuqqasijiet x’nirranġaw. Imma għandna partit kbir li għalih għadhom kemm ivvutaw ftit inqas min-nofs il-votanti ta’ l-elettorat.
Mhux qed ngħid li konsolazzjoni li tlifna bi ftit. Imma juri li m’għandniex nintremew u lanqas għandna naħsbu li għandna kollox ħażin.
Żgur li nistgħu naħdmu ħafna aħjar bejnietna. Żgur li nistgħu nersqu lejn iżjed nies biex iżjed nies jersqu lejna.
Żgur li jekk nixtiequ l-ġid lill-partit biex nagħmluh gvern alternattiv irridu noqogħdu attenti x’ngħidu u x’nagħmlu.
Għax jekk noqgħodu nisparaw fuq xulxin nagħmlu ħafna ħsara lilna nfusna.
Dan ma jfissirx li għandna nagħlqu ħalqna u nidħku bina nfusna u ma niflux sew x’wassal biex tlifna t-tielet elezzjoni in fila.
Irridu naħdmu biex jerġgħu jħossuhom parti minna dawk li fl-elezzjoni li għadha kemm għaddiet baqgħu ma ivvutawlniex anki jekk kienu jivvutawlna qabel.
Irridu nifhmu x’għadu jżommhom ’il bogħod minnha u naħdmu biex inressquhom lejna.
Waqt li nżommu l-appoġġ li għandna fin-naħa t’isfel ta’ Malta rridu nkabbru l-appoġġ fin-naħa ta’ fuq tal-gżejjer tagħna.
Irridu niftħu l-bieb għall-kumitati u membri tagħna fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Irridu nisimgħu xi jgħidu l-membri u d-delegati tagħna u naħdmu id f’id magħhom.
Irridu naraw li l-istazzjon u l-ġurnali tal-partit jaslu aħjar u għand iżjed nies, anki dawk li ma jaħsbuhiex bħalna.
Il-partit għandu jkollu magna elettorali iżjed effettiva biex tiżgura li niġru wara kull vot u naraw li jivvutaw biss dawk li tassew għandhom dritt jivvutaw.
Naraw li nħajru iżjed nies jersqu lejna biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-partit.
Naraw li nużaw ħafna aħjar l-internet biex nagħmlu kuntatt ma’ numru dejjem ikbar ta’ nies.
Irridu nkunu l-partit ta’ dawk li jaqgħu lura iżda wkoll ta’ dawk li jirnexxu u jimxu ’l quddiem.
Joseph Muscat
www.josephmuscat.com
Jekk wieħed iwarrab għal ftit l-elezzjoni ta’ l-1996, wieħed jinduna li l-Partit Laburista ilu ma jikseb il-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu mill-1976.
Hu mill-analiżi ta’ x’għamilna differenti fl-1971 (il-leġislatura ta’ l-1976 kienet kontinwazzjoni naturali ta’ dik l-elezzjoni) u l-1996 li għandha tibda t-tfittxija tagħna għal dak li rridu li l-Partit Laburista jkun fis-snin li ġejjin.
Fl-1971 Duminku Mintoff kien qal lill-poplu li jekk ikun elett kien se jneħħi l-bażijiet militari, jissikka ċ-ċintorin u jibni ekonomija fuq investimenti ġodda. Kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Lill-eluf ta’ ħaddiema tas-Servizzi Ingliżi kien qed jgħidilhom li jekk ikun elett l-impjieg tagħhom kien inċert.
Lill-kumplament tal-poplu qallu li se jdaħħal dixxiplina fiskali. Iżda xorta ivvutawlu u l-MLP rebaħ l-elezzjoni.
X’kien il-fattur ewlieni li wassal għal dan kollu? Il-viżjoni.
Il-Partit Laburista kellu ħolma li l-poplu għamilha tiegħu.
Hi din il-ħolma, din il-viżjoni, li rridu noffru mill-ġdid.
Nemmen li l-Partit Laburista jrid ikun il-bażi ta’ moviment wiesgħa li jrid jinbena f’pajjiżna. Moviment li jrid jiġbor fi ħdanu lill-progressivi u l-moderati.
Bi progressivi nifhem dawk kollha li għandhom ideali Laburisti, Soċjalisti, Soċjal-Demokratiċi u Xellugin. Fi kliem ieħor, dawk li kienu jew għadhom jidentifikaw ruħhom mal-MLP.
Il-moderati huma dawk li jridu li pajjiżna jimxi ’l quddiem u jsir verament pajjiż Ewropew b’aġenda ċara.
Nemmen li l-elezzjoni għal ħatra ta’ Mexxej tal-Partit Laburista m’għandhiex tkun kwistjoni ta’ ismijiet jew uċuh. Minflok għandha tkun għażla ibbażata fuq viżjoni u ideat għall-ġejjieni. Irridu nħarsu mhux biss lejn il-ġejjieni tal-partit iżda rridu naraw x’pajjiż nixtiequ.
Jekk il-Partit Laburista ma jagħżilx lili bħala mexxej se nkun lest li nkompli nservi taħt min ikun magħżul mexxej.
Bl-istess mod, jekk niġi magħżul jien, se nara li l-kandidati l-oħra jingħataw rwol ċentrali fil-ħidma biex jitwettaq il-Moviment tal-Progressivi u l-Moderati. Nemmen li l-ħbieb tiegħi George, Evarist, Marie-Louise u Michael huma essenzjali biex il-ġejjieni tal-Partit Laburista jkun ukoll il-ġejjieni ta’ Malta u Għawdex.
Marie-Louise Coleiro-Preca
www.marielouise.info
L-għażla ta’ mexxej għall-Partit Laburista mhix sempliċiment xi għażla ta’ persuna iżda għażla tad-direzzjoni li l-MLP għandu jieħu fiż-żmien li ġej u l-istil li bih din id-direzzjoni se tkun qed tinbena f’politika li tindirizza l-aspirazzjonijiet tan-nies.
Id-deċiżjoni tiegħi li nqiegħed ismi ’l quddiem għal din l-għażla hi ibbażata proprju fuq din id-direzzjoni u l-istil li nemmen li l-Partit Laburista għandu jieħu. Ir-riżultat elettorali wera li hemm għadd sostanzjali ta’ nies li mhux jidentifikaw irwieħhom ma’ partit politiku.
Madwar tlieta fil-mija inqas mis-soltu iddeċidew li ma jafdaw lill-ebda partit. Dawn l-eletturi qed jistqarru bl-astensjoni tagħhom li tilfu l-fiduċja fil-partiti politiċi.
Qed jistqarru li m’huma jiddistingwu lil ħadd mill-partiti bħala l-partit denju tal-vot tagħhom.
Hu għalhekk li nemmen bis-sħiħ li l-Partit Laburista jinħtieġ li jerġa’ jkun identifikat mill-valuri soċjal-demokratiċi tiegħu.
Il-valuri ewlenin tal-ġustizzja soċjali u tal-ġustizzja ekonomika. Valuri li kif jistqarru anki analisti politiċi internazzjonali ma jiqdiemu qatt u jibqgħu relevanti dejjem sakemm il-politika li tkun msejsa fuqhom tibqa’ tiġi aġġornata u evalwata f’kull ħin, bil-għan li tilħaq il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies.
Il-qofol tal-valuri soċjal demokratiċi llum għandu jkun ippernjat fuq il-ħtieġa li għal pajjiżna noħolqu stat li jinvesti fin-nies u li jmur lil hinn mill-miżuri soċjali kurattivi tal-bieraħ.
Il-valuri soċjal-demokratiċi jridu jkunu minsuġa f’politika li tibni stat soċjali preventiv fejn l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, l-ambjent, l-opportunità u l-infrastruttura soċjali jkunu effiċenti, iżda aktar ġusti ma’ kulħadd.
Il-Partit Laburista jrid jaħdem fuq politika msejsa fuq il-valuri soċjal-demokratiċi u li tinseġ flimkien f’qafas integrat il-politika edukattiva u tat-taħriġ, il-politika ekonomika, il-politika tax-xogħol, il-politika tal-familja, il-politika tas-saħħa u ta’ l-ambjent.
B’hekk inkunu qed nassiguraw li b’din il-politika n-nies tassew jistgħu jgawdu mill-benna tal-valuri tal-ġustizzja soċjali u tal-ġustizzja ekonomika f’kull sitwazzjoni f’ħajjithom.
B’hekk ukoll il-Partit Laburista jkun jista’ jkun identifikat minn aktar u aktar nies, ġejjin minn kwalunkwe strata tal-ħajja.
Michael Falzon
www.falzonmichael.com
Kull istituzzjoni trid tkun komda magħha nnifisha biex ħaddieħor iħossu komdu magħha.
L-esperjenza tal-ħajja tgħallmek dan u din se tkun waħda mill-prijoritajiet tiegħi għall-Partit Laburista kemm-il darba d-delegati tal-Partit jagħżluni bħala Mexxej.
It-triq lejn Gvern Laburista fl-elezzjoni li jmiss nemmen li trid tibda minn hemm. Li l-partit tagħna jħossu komdu bl-identità tiegħu, komdu bi twemminu u komdu b’dak li jagħmel. Kumdità li tiġi primarjament billi l-partit ikun ċar dwar x’inhu r-rwol storiku tiegħu, dwar il-viżjoni tiegħu dwar x’jagħżlu u jagħmlu aħjar mill-Partit Nazzjonalista.
Dan għandu jsir permezz ta’ proċess fejn, flimkien, nagħmlu eżami bir-reqqa tal-kuxjenza politika tal-partit, u flimkien ninsġu viżjoni pożittiva għall-ġejjieni. Dan għandu jsir b’għarfien sħiħ tal-valuri li jsawru r-ruħ tal-partit u b’impenn sħiħ biex dawn il-valuri jkunu mħaddma bl-aħjar mod biex jirrispekkjaw l-aspirazzjonijiet nazzjonali. Poplu u partit b’vokazzjoni Ewropea u rieda soċjali.
Dan mhux se jkun proċess faċli. Jitlob li l-partit jkompli jinfetaħ għal dawk kollha li jħossu li għandhom x’jikkontribwixxu fih. Huwa meħtieġ li niġġeneraw ideat ġodda li jilqgħu għall-isfidi taż-żminijiet filwaqt li noħolqu ambjent li jkattar ir-rispett lejn id-diversità tal-ħsibijiet.
Dan jista’ jsir billi noħolqu niċeċ speċifiċi għal diskussjoni u analiżi ta’ politika u niċeċ li jkollhom l-irwol li jippreżentaw veduti diversi, jiġġeneraw ideat ġodda u innovattivi, waqt li jqanqlu diskussjoni dwar il-ħidma prattika tal-partit u dwar kwistjonijiet li jinqalgħu minn żmien għall-ieħor.
B’dan il-mod, bħalma l-kumpaniji kummerċjali jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp hekk ukoll jagħmel il-Partit Laburista, mil-lat politiku.
Ma’ dan irridu nkattru l-ħidma u l-professjonalità tal-kumitati lokali tagħna biex iservu aħjar ta’ widna kostanti għall-fehma tal-poplu u jwassluha b’aktar effiċenza lejn il-mekkaniżmu ċentrali tal-Partit u biex iwasslu f’firxa aktar wiesgħa l-messaġġ Laburista.
B’dan il-mod inkunu qed insaħħu r-rabta bejn il-poplu u l-Partit Laburista fejn mhux biss inżommu kont tax-xewqat u l-aspirazzjonijiet tal-poplu, izda anki nfasslu b’mod aktar sħiħ il-politika tagħna biex niggarantixxu li mill-Gvern inkunu nistgħu nwettqu dawk ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet. B’dan il-mod ikunu dejjem aktar dawk fost il-poplu li jaraw fl-MLP t-tama għal ġejjieni aħjar.
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|