MediaToday

Aħbarijiet | 13 ta’ April 2008 Nr 76

Il-balbuljata tal-boroż tar-riċiklaġġ

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Anki jekk qabel l-elezzjoni ntefqu eluf ta’ ewro f’reklami biex il-Gvern iniedi sistema ġdida ta’ riċiklaġġ bieb bieb li kellha tibda fl-1 ta’ April li għadda, jidher biċ-ċar li l-Gvern lanqas mhu se jkun qed jilħaq it-tieni mira tiegħu li s-sistema tibda taħdem minn għada f’Għawdex u minn nhar it-Tlieta f’Malta.
Din il-gazzetta fil-ġimgħat li għaddew żvelat kif il-kunsilli lokali esprimew it-tħassib tagħhom għal din is-sistema u ħafna minnhom sostnew li filwaqt li jaqblu mal-prinċipju ma ngħatawx biżżejjed ħin biex jaħdmu fuq l-aspett loġistiku ta’ dan il-kunċett.
Iżda minn eżerċizzju li għamlet din il-gazzetta nhar il-Ħamis sibna li ftit jiem biss ’il bogħod minn dan il-proġett ġdid, il-Kunsilli tħallew fil-għama. Mhux talli hekk, talli l-Kunsilli Lokali f’Malta għadhom lanqas biss irċevew il-boroż li teknikament iridu jaslu għand il-familji sa mhux aktar tard minn għada!
Ċempilna lil xi kunsilli lokali daqslikieku konna residenti interessati niġbru borża tar-riċiklaġġ u t-tweġibiet li rċevejna ma tantx nisslulna kuraġġ li din is-sistema se tibda taħdem kif suppost.

Tas-Sliema
Illum (I): Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel jekk jgħoġbok? Niġi l-Kunsill Lokali?
Il-Kunsill (K): “Issa tirċievi kupun mill-WasteServ jew mill-Ministeru biex tiġu tiġbru l-borża minn hawn.”
I: Kupun? Ma rċevejt xejn għadni. Is-sistema mhux minn nhar it-Tlieta li ġej suppost se tibda taħdem?
K: “Le se tiġi posposta għal data oħra.”

Marsaskala
I: Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel, jekk jgħoġbok?
K: “Ħa ngħidlek, sinjura t-tqassim tal-boroż għadu ma sarx. Nissuġġerilek li tħalli għal nofs il-ġimgħa d-dieħla u ċemplilna waħda, please.”
I: Imma suppost nhar it-Tlieta se tibda’ s-sistema, hux?
K: “Iva, illum għandna 10 ta’ April, u għadna ma rċevejna xejn. Ma naħsibx li se jilħqu jitqassmu l-boroż sad-data proprja. Inti tina telefonata ’l quddiem mela, jekk jgħoġbok.”

Il-Munxar
I: Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel, jekk jgħoġbok?
K: “Tista’ tiġborhom il-boroż, ta, waslu.”
I: Minn nhar it-Tnejn tibda s-sistema f’Għawdex?
K: “Le. Smajt li anki wara dik id-data. Se jitħabbru fit-televiżjoni d-dati.”

Ħ’Attard
I: Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel, jekk jgħoġbok? Niġi l-Kunsill Lokali?
K: “Għadhom ma waslux il-boroż, sinjura.”
I: Nhar it-Tlieta suppost kellha tibda taħdem din is-sistema ġdida ta’ ġbir ta’ skart…
K: “Lanqas id-data għadha mhi stabbilita imma meta nirċievu l-boroż se nqassmuhomlkom bieb bieb aħna.”

In-Naxxar
I: Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel, jekk jgħoġbok? Niġi l-Kunsill Lokali?
K: “S’issa għad m’għandniex boroż. Is-sistema qiegħda on hold for the time being. X’aktarx se tibda taħdem lejn l-aħħar tax-xahar.”
Imma suppost tibda minn nhar it-Tlieta, hux? U se tqassmuhom intom il-boroż, jekk jgħoġbok?
K: “Aħna żgur li m’għandniex mezz kif inqassmuhom bħala Kunsill Lokali. M’għandniex dettalji dwar kif se jkunu qed jitqassmu dawn il-boroż.”

Ħal Kirkop
I: Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel, jekk jgħoġbok? Niġi l-Kunsill Lokali?
K: “Le, ta, għadhom ma ġewx hawn. Kif jaslu navżaw.”
I: Fejn se tavżaw, imma, jekk jgħoġbok?
K: “Kif jaslu navżaw fuq in-notice board tal-Kunsill.”

Is-Swieqi
I: Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel, jekk jgħoġbok?
K: “Għadhom ma waslux.”
Imma suppost minn nhar it-Tlieta tibda s-sistema l-ġdida!
K: “Ma naħsibx li se tibda nhar it-Tlieta għax lanqas għadhom qassmuhom il-boroż!”

San Ġiljan
I: Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel, jekk jogħġbok?
K: “Is-sistema waqfet.”
I: Waqfet? Suppost nhar it-Tlieta jiġu jiġbru l-iskart riċiklabbli bieb bieb.
K: “Għandhom javżaw fil-media għax hemm il-problemi.”

Xewkija
I: Xtaqt niġbor borża għas-sistema ġdida ta’ riċiklaġġ. Kif nista’ nagħmel, jekk jogħġbok?
K: “Tista’ tiġi l-Kunsill Lokali, sinjura.”
I: Minn nhar it-Tnejn li ġej allura noħorġu dawn il-boroż għall-ġbir, hux?
K: “Fuq id-data ma nafu xejn. Se jkunu qed iħabbru fil-media. Imma probabbli mhux se tibda nhar it-Tnejn.”

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Għal vetrina aħjar tal-ktieb Malti

Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia


Editorijal
Divorzju la Maltija


Il Punt
Lil hinn mill-10 ta’ Mejju
Saviour Cachia


Toni u Peppi
L-abbuż f’Lourdes Home: apoloġija?



Emmanuel Micallef
Partiti mdendlin


Carmelo Mifsud Bonnici

L-istabbiltà politika hi vitali



X'kien Jgħid
Erġajna koppi!



Wenzu Mintoff

Belveder
Skond Anġelik u l-fan club tiegħu f’Borg in-Nadur qed tidher Sidtna Marija li flok tidħol għall-imsejkna u għall-imġarrbin kif nafha jien, qed toqgħod tistaqsi jekk il-kunduttur tax-Xarabank jippreferix jissejjaħ bl-isem ta’ Joe jew ta’ Peppi.



Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan