Aħbarijiet | 13 ta’ April 2008 Nr 76
F’erba’ snin il-Qorti tal-Familja rnexxielha tirrikonċilja 300 koppja
Julia Farrugia
Statistika li għandha f’idejha din il-gazzetta tikkonferma li qed ikun hemm tliet persuni fix-xahar li qed jirnexxilhom iġibu divorzju minn barra minn Malta.
Sa llum Malta u l-Filippini huma l-uniċi żewġ pajjiżi fid-dinja li ma joffrux id-divorzju bħala dritt ċivili.
Ċifri li jmorru lura għal dawn l-aħħar 14-il sena juru li f’sena waħda qed ikun hemm medja ta’ 34 koppja Maltija li ġġib divorzju minn pajjiż ieħor u li jkun rikonoxxut mill-Istat Malti.
B’kollox bejn l-1994 u l-ewwel xahrejn tas-sena li għaddiet kien hemm 442 koppja li ġabet id-divorzju minkejja li l-Liġi Maltija ma tippermettix lill-qrati jamministraw huma d-divorzju.
Jirriżulta li bejn l-1994 u l-2007 l-aktar sena li matulha Maltin kisbu divorzju kienet l-2003. F’dik is-sena kien hemm 46 koppja Maltija li ddivorzjat.
Dawn il-figuri jikxfu realtà li forsi qajla wieħed jirrifletti fuqha: li min jiflaħ idaħħal idejh fil-but jew għandu għarfien ta’ kif jaħdmu l-affarijiet qed jirnexxielu jinħall darba għal dejjem minn rabta matrimonjali.
Hemm ukoll żwiġijiet li jkunu annullati jew miċ-Ċivil jew
mill-Knisja. F’dan il-każ, koppja li ż-żwieġ tagħha jkun annulat ifisser li f’għajnejn l-awtoritajiet ikun daqslikieku ż-żwieġ ma sar qatt.
B’kollox bejn l-1994 u l-ewwel xahrejn tal-2007 kien hemm 1,149 żwieġ li kien annullat.
Jekk wieħed kellu jifli sew l-annullamenti li seħħew mill-2001 sa Frar 2007 isib li ngħataw 738 annullament biċ-Ċivil. F’dan l-istess perjodu l-Knisja annullat 139 żwieġ.
Iżda jekk dawn il-figuri jistgħu jinstemgħu għoljin u negattivi hemm xaqq ta’ dawl li juri li mijiet ta’ koppji grazzji għall-medjazzjoni offruta fil-Qorti tal-Familja qed jirnexxielhom isalvaw iż-żwieġ tagħhom.
Illum tista’ tikkonferma li f’erba’ snin l-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja rnexxielha tirrikonċilja 300 koppja. Dan ifisser li l-medjazzjoni rnexxielha ssalva medja ta’ żwieġ fil-ġimgħa.
Ma’ dawn kien hemm 700 koppja li waslu għall-kuntratt ta’ separazzjoni u ffrankaw kawża legali u b’hekk iffrankaw mijiet ta’ liri fi spejjeż. L-istrument legali tal-medjazzjoni hu bla ħlas.
B’kollox f’erba’ snin kien hemm 2,123 koppja li kellhom quddiemhom il-benefiċċju tal-medjazzjoni. Kienu biss 386 koppja, jiġifieri 18 fil-mija, li m’użawx din l-għodda.
Minn 737 koppja li marru għall-medjazzjoni u ma ftiehmux kienu biss 192, jiġifieri 26 fil-mija, li ippreżentaw kawża fil-Qorti. Jidher li t-twaqqif tal-Qorti tal-Familja rnexxielu jwassal messaġġ li minnha nnifisha l-medjazzjoni qed twassal lill-partijiet sabiex jifmu li jaqblilhom jekk jifthiemu milli jiftħu kawża l-Qorti u jidħlu għal xebgħa spejjeż.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Carm Mifsud Bonnici, Ministru għall-Ġustizzja u l-Intern, iddeksriva dawn ir-riżultati bħala sodisfaċenti.
“Minn dejjem għidt li jekk ikollok anke koppja waħda li tirrikonċilja wkoll tifraħ, aħseb u ara li jkollok 300.
“Irridu nħarsu ’l quddiem. S’issa rnexxielna ndaħħlu l-kunċett ta’ medjazzjoni. Fil-ġranet li ġejjin se jkun hemm kodiċi ta’ etika dwar iċ-ċentru tal-medjazzjoni biex inkomplu ntejbu u nissudaw l-operat,” spjega l-Ministru.
Carm Mifsud Bonnici żvela ma’ Illum li din is-sena l-Gvern għandu l-ħsieb li jdaħħal kategorija ġdida ta’ ħaddiema fil-Qorti tal-Familja li jispeċjalizzaw purament fir-rikonċiljazzjoni
tal-koppji.
“Qed naħsbu biex ikun hemm madwar ħames persuni li xogħolhom ikun biss fuq rikonċiljazzjoni. Bħalissa dan ix-xogħol qed isir mill-medjatur jew inkella minn isitutuzzjonijiet bħall-Appoġġ u l-Moviment ta’ Kana wara li l-koppja tkun riferuta għandhom.”
Fuq l-aġenda hemm ukoll il-pjan li jkun irfinat il-mod kif jiġu trattati rapporti u xhieda mogħtija minn tfal fil-Qorti tal-Familja. Qed tkun kunsidrata l-idea li dawn it-tip ta’ rapporti jinżammu sigrieta biex ikunu protetti l-istess tfal.
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|