Sport | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Nistqarr il-verità, l-aħbar li Robert Arrigo mhux se jkompli fil-kariga ta’ President ta’ Sliema Wanderers ħasditni. Mhux għax jien xi bniedem li miegħu naqbel f’kollox, u anqas għax jien xi fanatiku tal-klabb Slimiż. Xejn minn dan. Imma jiddispjaċini l-iktar għall-plejers Maltin u għall-futbol Malti li se jkun qed jitlef pilastru li ħadem bla heda għall-klabb tiegħu u irrispetta kull kuntratt li dejjem kellu mal-plejers li kienu jaqgħu taħt kuntratt ma’ Sliema Wanderers kemm hu ilu fil-kariga.
Anki jekk ma naqbilx miegħu f’kollox, li hu tiegħu trid tagħtihulu. Sliema Wanderers taħt it-tmexxija tiegħu saru l-aktar klabb li rebaħ unuri fl-istorja tal-futbol Malti. Wieħed jista’ jgħid u jiċħad kollox fuq Robert Arrigo imma dan il-fatt ħadd ma jista’ jmerih għax se jibqa’ mnaqqax għal dejjem fl-istorja ta’ dan il-klabb.
Iltqajt ma’ Robert it-Tnejn li għadda wara nofsinhar. L-uffiċċju tiegħu jibqa’ l-istess wieħed ta’ dejjem. Garigor dejjaq li jekk ikollok ftit aktar piż minn normal m’għandekx ċans li titilgħu. Imbagħad ikun imiss il-kuridur u kif iddur l-iskrivanija tiegħu li tagħti dahar ix-xatt ta’ Tas-Sliema. Sakemm inpoġġi bilqiegħda quddiemu nipprova niġbidlu siequ u nsaqsih jekk għandix insejjaħlu Onorevoli doppju jew le!
“Naħseb li taf biżżejjed li jien bniedem normali u saqajja ma’ l-art. Veru, nammetti li daqsxejn rasi iebsa imma normalment ħa nasal fejn irrid nasal mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Dak li għandi ħdimt għalih u qatt ma għirt għal ħadd.
“Sa llum il-ġurnata tipika tiegħi hi mimlija bejn futbol, xogħol personali u anki politika. Ma niddejjaqx kif jien. Stramba, imma emminni, jekk ngħidlek li nkun qed inħares b’ferħ għall-ġurnata tat-Tnejn għax fiha nibdew ġimgħa ġdida ta’ xogħol, sport u politika.”
Robert Arrigo twieled fl-4 ta’ Diċembru 1954. Miżżewweġ lil Marina, is-Sindku preżenti
tal-lokalità ta’ Tas-Sliema u missier ta’ żewġt itfal, Alan u Andrew. Imwieled u jgħix
f’Tas- Sliema. Lura għal 12-il sena ilu. Kif kienet bdiet ħajtu fil-futbol Malti?
“L-ewwel pass tiegħi fil-futbol Malti kien meta kont President ta’ Gżira Utd. Jien kont sirt President ta’ Sliema Wanderers f’Jannar ta’ l-1996 wara li kien irreżenja n-nutar Joe Bonello Dupuis. Qabel kont għamilt xi żmien fil-kumitat ta’ Sliema Wanderers. Iżda meta fl-1994 kont sirt Sindku tal-lokal kienu ħeġġewni nagħti l-kontribut akbar fil-kumitat . Ħeġġewni noħroġ għall-kariga ta’ President u iddeċidejt li għandi nidħol għal din l-avventura. Kien żmien xi ftit diffiċli għall-klabb. Kelli pjan għal 10 snin u l-ħolma kienet li minn Sliema Wanderers nagħmel l-iktar klabb ta’ suċċess fil-futbol Malti. Il-miri lħaqthom u għalhekk issa nħoss li għandi nagħmel il-wisa’ għal ħaddieħor.”
Lura fl-1996 Robert kien jgħid li jrid iservi f’din il-kariga għal 10 snin. Nistaqsih x’kienet ir-raġuni l-għala se jkun estenda din il-wegħda b’sentejn.
“Ili xi snin naħsibha meta se jkun il-mument opportun li nitlaq u għal xi raġuni jew oħra dejjem tawwalt id-deċizjoni. Din is-sena erġajna ippruvajna nibnu tim u fis-sajf li għadda investejna ħafna flus. Illum ġejt fis-sitwazzjoni li ma nħossx li għandi aktar x’noffri lill-klabb. Minix nieħu aktar gost u f’ħajti dejjem għamilt biss dawk l-affarijiet li jagħtuni pjaċir. B’hekk għamiltha ċara minn issa biex min ikun se jieħu interess fis-siġġu tiegħi jilħaq jippjana minn issa.”
Robert ikompli jgħidli li d-deċiżjoni li ħa hi waħda irrevokabbli u ħadd u xejn mhu se jdawru minnha. F’dan ir-rigward hi ovvja d-diqa fost is-Slimizi. L-ikbar biża’ tibqa’ jekk min se jidħol għal dan il-piż ikunx bniedem denju u kapaċi jżomm lill-Blues tim li jikkompeti għal kull unur staġun wara ieħor.
“Nispera li jkun hekk. Jinstab u ma jinstabx il-persuna jien id-deċiżjoni ħadtha u l-iżjed li nista’ nagħmel hu li noffri sponsor kif diġà għamilt minn issa għal min jiġi warajja. M’għandi l-ebda ħsieb li niġġieled mal-klabb li nħobb. Nispera li min jiġi warajja jagħmel aħjar minni. Id-deċiżjoni ħadtha waħdi u ma tinkludi lil ħadd miegħi. Ma jien se nimbotta lil ħadd u mhu se ngħin lil ħadd biex jieħu l-Presidenza. Anzi jien nemmen li jekk ikun hemm iktar minn wieħed li jikkontesta jkun aktar aħjar. Il-persuna li se tkun interessata lest nuriha l-piż li se tkun qed tidħol għalih u allura b’xi ħaġa hekk qiegħed diġà nawgura suċċess ikbar milli għamilt jien lil min ġej warajja.”
Instema’ wkoll zekzik minn xi nies li wara dan kollu hemm biss id-dispjaċir ta’ bniedem li t-tim li ta ħafna minn ħajtu għalih sejjer tant ħażin dan l-istaġun. Oħrajn jgħidu li kellu jagħżel bejn sport u politika u li ma setax ilaħħaq man-negozju tiegħu u l-futbol. Insaqsih fuq dan kollu.
“Xejn mhu minnu. Li kieku Sliema Wanderers nirbħu l-kampjonat nitlaq xorta. Veru li xtaqt ħafna li nispiċċa rebbieħ tal-kampjonat imma ma kellux ikun hekk. Żdiedu xi ftit aktar affarijiet interni fil-klabb biex komplew ikkonviċewni li t-triq li nibqax President kienet l-aħjar waħda għalija.
“M’għandhom x’jaqsmu xejn lanqas il-politika u x-xogħol man-negozju tiegħi. Id-deċiżjoni kienet waħda sportiva u personali biss. Ix-xogħol jibqa’ għaddej u l-karriera tal-politika tibqa’ għaddejja wkoll. Mhemm l-ebda rbit, ħaġa ma’ l-oħra, u ħasra jekk ikun hawn min jinsinwa dawn l-affarijiet għax allura jkunu bnedmin ta’ lsienhom ħażin.”
Nipprova ninkih u ngħidlu jekk allura remiex ix-xugaman fil-konfront ta’ Victor Sciriha u ikkonvinċa ruħu li ma jista’ jirbaħlu qatt.
“Naħseb li jien kont President meta Birkirkara u Valletta kienu kbar u rnexxieli nirbaħ. Victor Sciriha qabel Valletta kien President ta’ Marsaxlokk u rbaħtlu wkoll. Fil-futbol ir-rota ddur u issa jmiss li jirbaħ hu. Għandu kollox komplut, inkluża l-fortuna li hi miegħu wkoll. Wara kollox kif konna aħna fl-aqwa tagħna, għax tajbin kemm konna tajbin, mingħajr fortuna ma konna nagħmlu xejn.”
Mhux xi sigriet li r-relazzjoni bejn it-tnejn f’dawn l-aħħar snin ma setgħetx tkun agħar. Nistaqsih li la allura l-futur tiegħu mhux fil-futbol Malti hux lest juri l-id tal-ħbiberija fil-konfront ta’ Victor Sciriha biex bejniethom jispiċċa l-ġlied u t-tgħajjir personali. Stennejt kwalunke tip ta’ risposta imma mhux din.
“Illum il-ġurnata m’għandix aktar differenzi ma’ Victor Sciriha. Kien hemm il-problemi u ġew irranġati ftit tal-ġimgħat ilu. Irnexxielna nitkellmu u nirranġaw l-affarijiet mingħajr ma l-ġurnalisti jkunu jafu. Jien bniedem li kemm jista’ jkun ma nħobb niġġieled ma’ ħadd. Iżda mbagħad jien uman bħal kulħadd u bilfors li jkolli nirrispondi għal min jattakkani personalment.”
Mhux l-istess jista’ jingħad fil-konfront tal-President tal-Malta Football Association, Joe Mifsud. Kif appena nsemmihulu jkollu kliem xi ftit iebes kontrieh.
“Ir-relazzjoni ta’ bejnietna baqgħet ħażina ħafna. Jiddispjaċini li qed ngħidlek hekk. Imma ma jistax ikun li jkollok President ta’ assoċjazzjoni daqshekk kbira, li int stess tkun tagħmel parti minnha fejn biex jagħlaqlek ħalqek jiħdok il-qorti. Xi ħaġa li mhux aċċettabbli. Fl-istess ħin int ma tistax tieħu l-qorti lilu għax inkella tkun qed tissogra li jsofri l-konsegwenzi l-klabb. Dawn huma affarijiet li m’għandhomx jeżistu f’dan il-pajjiż. Kulħadd għandu jkun liberu li jesprimi opinjoni.
“Fuq il-plejers li ġejjin mill-Unjoni Ewropea għandi opinjoni. Dawn għandhom dritt daqs kull ċittadin Malti u l-istess għandna aħna f’pajjiżhom. Illum hi aċċettata minn kulħadd li pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea minbarra mill-Malta Football Association.”
Inkellmu fuq l-iktar inċident kurjuż li nqala’ bejn it-tnejn. Dak ta’ sentejn ilu meta Arrigo tela’ biex jirċievi t-tazza tar-rebħ tal-kampjonat hu minflok il-captain Noel Turner.
“Kellna dak il-battibekk magħruf meta tlajt għat-trophy jien. U nibqa’ ngħid li kelli raġun jien għaliex wara 15-il ġurnata minn dak l-inċident biddel ir-regolamenti ta’ kif jingħataw it-tazzi. Illum hemm pieni ħorox jekk xi uffiċjal jazzarda jitla’ għal xi tazza hu. Allura by elimination ngħid li kelli raġun jien. Kien hemm prassi imma ma kienx hemm regola. F’dak l-istaġun stess kien hemm klabb Malti ta’ l-Ewwel Divizjoni li t-tazza ma ngħatatx lill-captain. Fl-istess staġun, is-Celtic ta’ Skozja rebħu l-kampjonat u t-tazza ma ngħatatx lill-captain lanqas.
“Fil-famuż inċident kien qalli f’wiċċi li kemm idum hu President ta’ l-MFA jien ma nirbaħx tazza oħra. Minn dak iż-żmien lil hawn Sliema Wanderers ma rebħux tazza. M’għandix provi li ngħid li hemm xi ħaġa orkestrata kontra t-tim tiegħi iżda l-id iebsa li qed naraw mill-MFA fuq il-karti sofor hi esaġerata. “Fuq il-proġetti finanzjarji fejn jidħlu Sliema Wanderers aħna stmati daqs klabb finanzjarjament Manchester United u Barcellona. Ma niddejqux għax hekk għandu jkun. Imma għandna l-ikbar ingredjent nieqes, id-dħul. M’għandniex id-dħul ta’ Manchester United u Barcellona.”
Instemgħet kemm-il darba li bejn it-tnejn hemm biss kwistjoni politika. L-istess jingħad għaż-żewġ elezzjonijiet fl-aħħar żewġ Laqgħat Generali Annwali ta’ l-MFA li fihom kienet miftuħa għan-nomini l-kariga ta’ President u l-Avukat Mifsud sab lil min jikkontestah darbtejn. Is-sigriet jibqa’ li jekk dan hu kollu minnu minn liema naħa verament ġej. Meta nitkellem fuq dan ma’ Robert, jeħodha b’ċertezza li l-mistoqsija staqsejtielu għax kollox ġej minn naħa ta’ Mifsud.
“Jien naħseb li hi vera. Jiddispjaċini għax jien f’Tas-Sliema qatt ma daħħalt blu jew aħmar. Kemm jekk f’diriġenza u anki fi plejers. Hawnhekk dejjem iġġudikajt il-kapaċità tal-bniedem. Bil-mod kif Joe Mifsud kien jindirizzani fil-laqgħat ta’ l-MFA jidher ċar li ma tantx jieħu gost li jien Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
“Jien ukoll issorprendejt ruħi kif dan l-aħħar l-MFA stiednet lill-Kap ta’ l-Oppozizzjoni u tagħtu flokk tat-tim nazzjonali b’kunjomu fuq wara. M’għandi xejn kontra dan. Imma kien xieraq ukoll li jkun mistieden il-Prim Ministru u jingħata l-istess trattament. Din hi distinzjoni antipatika ħafna. Bħala poplu diġà huwa wieħed maqsum. Aħseb u ara jekk se niżirgħu firda bħal din ukoll. Il-futbol hu mezz kif jgħaqqad u mhux biex jifred.”
Ninsisti. Imma allura possibbli, għalik kemm ilu Dr. Mifsud President m’għamel xejn tajjeb? L-MFA ma mxiet xejn ’il quddiem?
“Jien nara li kemm ilu hu President tal-MFA il-futbol Malti ma mexa xejn ’il quddiem, taqta’ xi ftit ir-riżultati tat-tim nazzjonali. Il-klabbs Maltin baqgħu fejn huma u ma mxewx kif imxew fil-Greċja, f’Ċipru u fit-Turkija. Jien kont nippretendi li bis-saħħa li għandu fil-UEFA l-klabbs Maltin kellhom ta’ lanqas jagħmlu l-avvanz li għamlu klabbs oħra minn dawn il-pajjiżi li llum jidħlu faċilment fl-aħħar fażijiet tal-kompetizzjonijiet Ewropej. Ħmistax-il sena ilu konna nilagħbulhom u nirbħulhom.”
Allura jekk mhux Victor Sciriha, jekk mhux in-negozju u jekk mhux il-karriera politika jista’ jkun li huwa Joe Mifsud ir-raġuni li se jieqaf mill-futbol Malti u jerġax jaħsibha li jidħol jekk fil-futur Mifsud ma jibqax President ta’ l-MFA.
“Parti mill-jigsaw puzzle, jekk trid issejħilha hekk, kienet il-wegħda li lill-klabbs kien se jgħinhom u minflok tefa’ aktar piż fuqhom. Imma ma rridx nidher li hu Joe Mifsud li se jġegħilni nirtira. Ir-raġuni primarja hu ż-żmien.
“Il-President ma jiddeterminax nerġax xi darba nidħol fil-futbol Malti jew le. Bħalissa qed nieħu pjaċir li m’għandix aktar pressjoni fuqi. Bdejt ngħix. Il-futur ma nitkellimx fuqu. Imbagħad wieħed jimxi skond iċ-ċirkostanza ta’ dakinhar.”
Wara 12-il sena b’mod dirett fil-futbol Malti tiġini l-kurżità nsaqsih jekk għamilx aktar ħbieb milli għedewwa.
“Fil-klabb Slimiż iltqajt ma’ ħafna nies u għamilt ħafna ħbieb. Naturalment l-iktar li kienu viċin tiegħi f’dawn is-snin kollha kienu dawk kollha li servew ta’ Segretarji. Iżda mhux dawk biss li kienu fl-amministrazzjoni kienu ħbieb tiegħi kbar. Min jieħu ħsieb il-kits hu wkoll bniedem bis-sens ħafna. Kulħadd kellu r-responsabbiltajiet u kien jieħu d-deċiżjonijiet għall-ġid tal-klabb.
“Jien kont rivali ta’ kull President. Qatt ma għidt good luck lil xi president qabel xi logħba. Imma qatt ma kelli diffikultà naħdem ma’ ebda president ta’ klabb ieħor. Issa li se nispiċċa mill-futbol Malti qed nirrealizza li Robert Arrigo hu persuna b’aktar ħbieb minn 12-il sena ilu.
“Veru li jkollok ftit għedewwa wkoll li għamilthom f’dawn is-snin. Jiddispjaċini li wħud minnhom ġejjin minn ġewwa wkoll. Għal xi raġuni jew oħra, nagħmel x’nagħmel, jikkritikawni. Naf min huma u nassigurak li huma nies li qatt ma kienu minn ta’ l-ewwel biex jgħinu lill-klabb.”
Nistaqsih hux possibbli jgħidli l-ikbar ferħa u l-ikbar dispjaċir li ħa f’dawn is-snin u liema jaħseb li kien l-aqwa transfer li għamel u l-iktar transfer kanna li bela’.
“L-ikbar emozzjoni fuq bażi lokali kien meta rnexxieli nirbaħ it-tielet kampjonat wara l-ieħor. U barra minn Malta wkoll kien hemm oħra meta rnexxielna ngħaddu darbtejn mill-ewwel fażi taċ-Champions League.
“Dilużjoni kbira mhemmx xi waħda partikolari imma hemm ħafna żgħar bħal dawk it-telfiet f’xi finali għal xi tazza. Dejjem kienu xi ftit morra. U jien karattru li ndum xi ftit ma jgħaddili u allura nagħmel ġimgħa bin-nervi. Imma dak hu l-futbol.
“L-aqwa transfer li jiġini f’moħħi jibqa’ dak ta’ Murphy Akanji. Murphy kien qed jilgħab il-logħba bejn Niġeria u South Korea. Xtaqna goalkeeper ta’ livell. Tħabatna għalih u rnexxielna nġibuh Malta.
“Bħala kanen kien hemm ukoll. U kull staġun blajt xi waħda jew oħra. U tant kemm blajt li diffiċli nsemmi kanna partikolari. Però kien hemm ħafna.”
Bħal donnu kellu ċerti ismijiet fil-ponta ta’ lsienu. Kien mejjet biex jisparahom. Irażżan ilsienu meta ngħidlu għal min qed jirreferi b’dawn il-kanen.
“Fil-bidu ta’ l-istaġun kont ċert li konna l-aqwa tim. Ġibna l-aħjar plejers bl-aħjar isem u ġeddidt il-kuntratt lill-plejers l-oħra li taw servizz tajjeb lill-klabb f’dawn is-snin. Fit-tnejn fallejt. Bl-iktar skwadra ikkwotata għamilna l-agħar kampjonat minn kemm ili President jien. Dan hu kampjonat fallut 100 fil-mija. Tlifna wisq punti maż-żgħar. Jekk int tgħodd il-punti li tlifna ma’ Floriana, Mqabba, Pietà u Ħamrun tara li kieku għadna fl-ewwel post tal-klassifika.”
Nifhmu li anki jekk id-dispjaċir li għandu fuqu hu kbir, il-prudenza titlob li ismijiet ma jagħtinix.
Nistaqsih min kien l-iktar ġurnalist li nkwetah f’dawn l-aħħar snin?
“Darba kien hemm ġurnalist ta’ xi websajt, li għadna sa llum ma nitkellmux. Insejt x’jismu imma kien ħareġ xi storja fuq xi plejer ta’ Sliema li seta’ kissru. Jien dejjem ngħidilkom li meta tridu tiktbu xi storja nitlobkom tikkonfermawha qabel għaliex xi kultant jista’ jkun hemm ħajja ta’ bniedem, futur ta’ familja li jistgħu jitkissru bla ħsieb.”
Nippermettilu spazju biex jirringrazzja lil dawk kollha li jħoss li kienu ta’ l-akbar għajnuna f’ħajtu u nistaqsih jekk għandux xi proġetti ġodda għall-futur.
“Irrid nofs paġna biex nirringrazzja lil kuħadd. Għalhekk nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li f’dawn is-snin kollha ħadmu viċin tiegħi fil-klabb. Grazzi lilhom u lill-familji tagħhom tal-ħin u anki l-flus li setgħu ħallew lill-klabb tas-Sliema Wanderers. Fl-aħħarnett ma nistax ma nirringrazzjax lill-familja tiegħi li dejjem sibtha warajja f’kull pass u deċiżjoni li ħadt.
“Għall-futur ma tantx għandi xi proġetti f’moħħi. L-għanijiet li kelli f’ħajti lħaqthom u bħalissa qiegħed f’sitwazzjoni rilassanti. Għandi t-tliet lukandi li se nikrihom dalwaqt u naħseb lu hu xieraq li niddedika aktar ħajti għan-nies u d-distretti tiegħi.”
Sakemm noħroġ naħseb li din aktarx kienet l-aħħar intervista tiegħi ma’ Robert Arrigo. Wara dan l-istaġun ma nerġax nimmaġinah fil-kamp sportiv. Forsi meta fil-futur nidħol fil-politika jerġa’ jkolli ċ-ċans nintervistah. Kieku ċert li l-kontenut ta’ l-intervista jkun ħafna aktar differenti. U aktar minn ċert li ma nispiċċawhiex bi tbissima... |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|