MediaToday

Emmanuel Micallef | 13 ta’ April 2008 Nr 76

Partiti mdendlin

Il-ġurnata minn kmieni turi. Immedjatament wara r-riżultat elettorali l-partiti politiċi sabu rwieħhom f’qagħda mhux tant aħjar milli kienu fiha qabel l-elezzjoni biex ma ngħidx li kien hemm min spiċċa agħar. Ħu lill-partiti ż-żgħar: dawn ħadu daqqa ’l isfel li diffiċli jqumu minnha minkejja li esponenti tagħhom għadhom jittamaw li jirxuxtaw! Mhux anqas il-partiti l-kbar.
Fil-Partit Laburista nfetħu bibien is-sema. Spiċċa Alfred Sant u bdew ifaqqsu l-kontestanti għal xi kariga fit-tmexxija tal-partit. Għall-ħatra ta’ mexxej hemm tiżwieqa interessanti.
Kontestanti li huma favoriti ma’ l-akkaniti; kontestanti li jafu li m’għandhomx l-appoġġ assolut u jridu jaqdfu ġmielu biex jakkwistawh; kontestanti li ġejjin minn barra l-makkinarju tal-Partit u kontestanti li għax għandhom l-appoġġ tal-qalba ta’ ġewwa jaħsbu li jistgħu jkunu l-mexxejja ideali għaż-żmien li ġej.
Għall-ħatra ta’ deputati mexxejja wkoll jidher li ħerġin bil-gżuż. Kollha jgħidu li lesti jaħdmu ma’ kulħadd imma kollha għandhom il-preferenza tagħhom jekk mhux ukoll qed jaħdmu biex jagħmlu alleanza ma’ xi kandidat għall-elezzjoni tal-mexxej. Il-kuntrast tal-kandidati għal din il-kariga mhux nieqes. Anke għall- karigi ta’ l-uffiċjali ta’ l-Amministrazzjoni ċentrali diġà kien hawn min ħareġ għonqu u apertament iddikjara r-rieda tiegħu li jikkontesta.
Tispikka l-ħeġġa li qed juru biex “iservu lill-partit” u l-kritika diretta jew indiretta li jagħmlu għal dawk li sa llum okkupaw dawn il-pożizzjonijiet jew għal dawk l-oħrajn li qed jitħajru jikkontestaw ukoll.
Jekk din il-konkorrenza u l-attività sħiħa hix sinjal ta’ ħajja u dinamiżmu fil-Partit Laburista jew jekk hix riżultat ta’ disgwid intern li ilu jinħeba taħt it-tapit u issa qed jifrex rasu għad irridu naraw.
Forsi r-rapport tal-kummissjoni maħtura biex tanalizza r-riżultat elettorali tal-Partit Laburista, li nittamaw li jkun ippubblikat dalwaqt, jgħin biex tiċċara sew il-viżibbiltà ta’ x’verament għandu bżonn jinbidel fil-Partit u min jista’ jkun l-aħjar kontestant li jmexxi l-aħjar lill-Partit fiż-żmien li ġej.
Il-Partit Nazzjonalista wkoll għandu xi jbiddel. Tilef voti iktar milli rebaħ iżjed. Il-fiduċja fil-poplu, li tant iħambaq fuqha, ma kinitx reċiprokata lejn il-PN.
L-elezzjoni ma rebaħhiex il-PN, tilifha l-MLP.
Il-PN għandu x’jaqdef biex ma jwassalx li r-rebħa elettorali tkun il-bidu ta’ tmiem. L-ewwel pass lejn it-triq għal telfa kbira. In-Nazzjonalisti m’għandhomx bordijiet tal-viġilanza u dixxiplina imma fil-komportament tagħhom huma iktar dixxiplinati u nasal biex ngħid li għandhom DNA li tagħmilhom viġilanti mhux biss għal dak li jiġri madwarhom imma għal dak li jbaqbaq fl-intern tal-partit.
Għandhom ħabta kif kriżi jġibuha tidher sempliċiment problema inevitabbli; kif min jaqbeż il-linja jitwarrab bil-kwiet; kif każ ta’ tkeċċija jġibuh każ ta’ riżenja volontarja. Fil-politika partiġġana din hi kapaċità eċċezzjonali. Tista’ tiftiehem nuqqas ta’ trasparenza jew politika ta’ ħabi imma l-fatt jibqa’ li l-partit jidher magħqud anke jekk kultant ixaqleb lejn sitwazzjoni ta’ koppja separata li tgħix taħt l-istess saqaf.
Minkejja dan, iżda ma jfissirx li ma wasalx iż-żmien li l-PN jrid jirriforma ruħu biex jappella aħjar għall-elettorat. Jagħmlu ħażin in-Nazzjonalisti jekk iħossuhom superpotenti u ma jwettqux ir-riformi li għandhom bżonn.
Ma nifhimx pereżempju kif jagħtu daqstant prominenza lill-proposta biex il-ħatra ta’ mexxej fl-MLP issir ukoll mit-tesserati tal-Partit, barra d-delegati, imbagħad huma fil-ħatra ta’ Segretarju Generali jagħtu d-dritt tal-vot lill-membri ta’ l-eżekuttiv biss. Jekk il-firxa iktar wiesa’ ta’ l-eletturi ssaħħah il-proċess demokratiku fi ħdan il-Partit Laburista għall-istess raġuni għandu jagħmel l-istess il-PN.
Il-PN irid jaħdem qatigħ biex iżomm il-Gvern sa l-aħħar. Jekk l-analiżi tar-riżultat elettorali li għandu jagħmel il-PN turi li rebaħ by default jew għax irnexxietlu l-istrateġija li jippromwovi “aħjar lix-xitan li taf” iktar u iktar għandu x’jaqdef.
S’issa dan il-Gvern diġà beda bil-minus. Is-sħubija fil-Partnership for Peace ħabta u sabta; id-diżappunti li esprimew pubblikament Membri Parlamentari Nazzjonalisti għax ma ntagħżlux fil-Kabinett; is-silenzju stampa li għaddej minnu l-partit dwar il-kwistjoni ta’ Jeffrey Pullicino Orlando; il-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa; il-kwistjoni ta’ l-infermiera diġà huma indikaturi ta’ kemm il-PN fil-Gvern ma jistax joqgħod b’idejh fuq żaqqu!
L-għażla ta’ mexxej fil-Partit Laburista għandha piż kbir fuq l-andament ta’ din il-leġislatura.
Mhux il-mexxej li kapaci jfixkel l-aktar lill-Gvern li jwassal lill-MLP jirbaħ l-elezzjoni. Hu l-mexxej li mill-Oppożizzjoni juri kif il-pajjiż jista’ jitmexxa aħjar. Hu l-mexxej li jipperswadi lill-Gvern jibdel ir-rotta fejn dan ikun żbaljat. Hu l-mexxej li jġiegħel lil min ma jaqbilx miegħu jisimgħu u jagħti kasu.
Huwa l-mexxej li fih il-floating voter jara alternattiva denja għall-Prim Ministru attwali. Min-naħa l-oħra jekk il-partit fil-Gvern se jintilef fuq kif se jibża’ għas-siġġu iktar li kiseb, se jkun diffiċli biex iwettaq il-programm li wiegħed li se jwettaq.
Jekk il-Gvern se jibqa’ mmazzrat bil-każ JPO jew b’xi każ ta’ RA jew JM matul il-legislatura allura litteralment se jkollna Gvern imdendel b’ħajta. Dan assolutament ma jkunx fl-interess nazzjonali.
Min-naħa tal-PN s’issa għad m’għandniex is-serħan il-moħħ jew il-par idejn sodi li flimkien kollox possibbli daqskemm m’għandniex il-garanzija ta’ pjan għal bidu ġdid fil-Partit Laburista! Iż-żewġ partiti huma mdendlin.
Tgħidulix li għadu kmieni biex tgħid jekk verament il-ġurnata minn kmieni turi!

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Għal vetrina aħjar tal-ktieb Malti

Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia


Editorijal
Divorzju la Maltija


Il Punt
Lil hinn mill-10 ta’ Mejju
Saviour Cachia


Toni u Peppi
L-abbuż f’Lourdes Home: apoloġija?



Emmanuel Micallef
Partiti mdendlin


Carmelo Mifsud Bonnici

L-istabbiltà politika hi vitali



X'kien Jgħid
Erġajna koppi!



Wenzu Mintoff

Belveder
Skond Anġelik u l-fan club tiegħu f’Borg in-Nadur qed tidher Sidtna Marija li flok tidħol għall-imsejkna u għall-imġarrbin kif nafha jien, qed toqgħod tistaqsi jekk il-kunduttur tax-Xarabank jippreferix jissejjaħ bl-isem ta’ Joe jew ta’ Peppi.



Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan