Ittri | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Minn Mario Fava,
Segretarju Kumitat Lokali MLP,
Swieqi
Bħala segretarju tal-kumitat lokali ta’ l-MLP tas-Swieqi nixtieq nagħmel xi ringrazzjamenti lil dawk kollha li b’ xi mod ħadmu u kienu ta’ għajnuna tul dawn l-aħħar ġimgħat.
Nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom biex tqassmu d-dokumenti tal-vot flimkien mal-Pulizija. Nirringrazzja lill-istess Pulizija li għamlu ħilithom kollha biex dan il-proċess kien wieħed kalm iżda effiċenti. Nirringrazzja wkoll lir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista li ħlief għal eċċezzjonijiet żgħar ħdimna flimkien b’kollaborazzjoni sħiħa bejnietna.
Nirringrazzja wkoll
lir-residenti kollha tas-Swieqi li laqgħuna ġo darhom flimkien mal-kandidati tagħna. Bla dubju, apprezzament imur ukoll għal dawk ir-residenti kollha tal-lokal li wrew u taw l-appoġġ tagħhom permezz tal-vot lill-Partit Laburista. Lil dawn inwegħidhom ħidma ikbar fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Nirringrazzja wkoll l-uffiċċju tat-tabib Adrian Vassallo li matul il-ġurnata tal-votazzjoni ħadu ħsieb jipprovdu ikel u xorb għal dawk fostna li kienu preżenti mill-bidu sat-tmien tal-ħin tal-votazzjoni ħdejn l-iskola. L-istess jingħad
għall-uffiċċju ta’ Michael Falzon u xi residenti oħrajn minn Pembroke.
Bla dubju ta’ xejn ringrazzjament speċjali jmur għal Alfred Sant li minkejja dak kollu li għadda minnu wera qlubija u mexxa l-partit tul il-kampanja sħiħa. Żgur li ma kinitx xi ħaġa faċli u li dan talab sagrifiċċji kbar.
Irrid nieħu l-okkażjoni biex nifraħ lil dawk il-kandidati kollha li ġew eletti u dawk is-sitta li għad iridu jiġu eletti fil-jiem li ġejjin. Awguri speċjali jmorru għal Marie-Louise Coleiro Preca li d-dedikazzjoni tagħha dehret ċar mill-ammont ta’ voti li kisbet.
Fuq bażi personali u għax kont involut, l-ikbar ringrazzjament imur għal Michael Falzon, Stefan Zrinzo Azzopardi u Louis Gatt li sa fejn rajt jien, kienu l-uniċi uffiċjali tal-partit li baqgħu jassistuna, l-aġenti tal-Partit, tul il-proċess kollu tal-għadd tal-voti ġewwa n-Naxxar. Żgur li mexxew b’eżempju.
Apprezzament simili jmur għall-kandidat Laburista Simon Micallef Stafrace li minkejja li kien diġà eliminat baqa’ jassisti kollega u kandidat sieħbu sa l-aħħar mumenti li l-partit rebaħ it-tielet siġġu fuq l-Ewwel Distrett. Bla dubju dan hu l-eżempju li kull kandidat u deputat għandu jsegwi jekk xejn bħala rispett għal dak ix-xogħol li jkunu qed jagħmlu l-aġenti tal-partit li baqgħu jgħassu l-interessi tal-MLP minn fis-sala tal-għadd
tal-voti sa jumejn wara r-riżultat uffiċjali ta’ l-ewwel għadd minkejja t-telfa.
Hawn irrid insemmi wkoll lil Noel Farrugia li rajtu jgħin kemm seta’ lill-aġenti tal-partit fil-proċess ta’ l-ewwel għadd. Apprezzajt ukoll il-preżenza ta’ Joseph Muscat minkejja li ma kienx involut direttament. Ħbieb, grazzi mill-qalb.
Fuq bażi personali wkoll ma nistax ma nurix ir-rabja u d-diżapprovazzjoni tiegħi għal dawk il-membri ta’ l-amministrazzjoni li jew ma dehru xejn lejn is-sala tal-għadd tal-voti jew inkella għebu hekk kif deher evidenti sa minn kmieni wara nofsinhar tal-Ħadd li l-Partit Laburista kien tilef l-elezzjoni. Konvint li kieku r-riżultat kien xort’oħra kienu jkunu minn ta’ quddiemnett biex jidhru quddiem il-cameras tat-televiżjoni. Dan in-nuqqas waħdu wkoll jimmerita r-riżenja b’effett immedjat.
Irrid niċċara punt ieħor. Kieku l-indikazzjonijiet li kellu l-partit kienu differenti minn dak li kellu l-PN kien ifisser li l-aġenti tal-partit ma kinux jafu x’qed jagħmlu u kienu qed jgħaddu informazzjoni ħażina lill-partit. Dan ma kienx minnu. Tant hu hekk li d-differenza fir-riżultat bejn il-karti li ħadmu l-aġenti tal-MLP u r-riżultat uffiċjali kien biss ta’ bejn 115 u 130 vot differenti u dan fuq madwar 300,000 vot.
Stqarrija bħal dik li saret li l-indikazzjonijiet li kellu l-partit kienu differenti minn dawk tal-PN, filwaqt li turi irresponsabbiltà minn min qalha hi wkoll turija ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-istess aġenti tal-partit. Għaldaqstant il-konklużjoni tiegħi dwar din il-materja hi li min baqa’ jgħid sa l-aħħar li għandu riżultati differenti ma kienx qed jgħid il-verità għal raġunijiet li jafhom hu biss.
Aġir bħal dan ta’ min jikkundannah għax seta’ jwassal għal xeni xejn sbieħ fit-toroq. Fis-sala tal-għadd tal-voti sa minn kmieni wara nofsinhar diġà kien hemm indikazzjonijiet li l-PN kellu vantaġġ żgħir ħafna fuq l-MLP, liema vantaġġ baqa’ kostanti u kien qed jiżdied jew jonqos bi ftit għexieren ta’ voti. L-informazzjoni li kellu l-MLP kienet eżatt bħal dik tal-PN. L-argument hu wieħed: bqajna nuru fuq l-istazzjon tagħna li għad hemm ċans li tintrebaħ l-elezzjoni anki wara d-disgħa ta’ filgħaxija meta dan kien aġir irresponsabbli u ’l bogħod mill-verità.
Nagħlaq billi nwassal messaġġ lil sħabi l-Laburisti kollha ta’ rieda tajba. Għandna xogħol kbir xi nwettqu
fil-ġimgħat li ġejjin. Min dieħel għat-tmexxija tal-partit għandu jew għandha d-dover li wara li jisma’ x’għandna ngħidu u jevalwa sew is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-partit, irid jgħidilna fejn se jwassallna u kif. Irid jispjega x’inhi l-viżjoni tiegħu għall-partit u kif se jilħaq l-għan tiegħu. Imbagħad tkun tista’ ssir l-għażla
għall-ġid tal-partit u ta’ ħadd iktar.
Nifhem li kull delegat ikollu s-simpatija tiegħu lejn dak jew lejn dik iżda rridu nżommu f’moħħna l-ewwel u qabel kollox l-elezzjoni ġenerali li jmiss u min hu jew hi l-persuna ideali li tista’ twassalna għal dan.
Nappella biex ikun xi jkun
ir-riżultat aħħari, irrispettivament għal min ikun ħadem id-delegat, kulħadd jingħaqad wara l-mexxej
il-ġdid.
Illum irridu nkunu Laburisti iktar mill-bieraħ. Ma ninsewx ħbieb li dak li ma jkissirniex jagħmilna iktar b’saħħitna. Hu fatt li tlifna iżda t-telfa tkun ikbar jekk ma naħdmux minn issa biex inqumu u nerġgħu nibdew. Il-partit hu b’saħħtu u jiddependi minn kull wieħed u waħda minna kemm jirnexxielna insaħħuh iktar. Ħadd u qatt mhu se jsikket leħinna u l-ewwel prova rridu nagħtuha fl-Ewwel ta’ Mejju li ġej.
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|