Ittri | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Minn Joseph M. Farrell,
Marsaskala
Stgħaġibt meta nhar il-Ħadd 23 ta’ Marzu ftaħt il-gazzetta Illum u qrajt l-artiklu li għoġbu jikteb Wenzu Mintoff dwar l-Irxoxt, id-demm ġdid u żagħżugħ li għandu bżonn il-Partit Laburista u xi riżenji.
Nibdew bl-Irxoxt u dan lili jfakkarni kif reġa’ rxoxta Wenzu Mintoff. Kien midfun u tela’ s-sema.
Ir-reġim spalla ma’ spalla, ħobżhom maħbuż u għal tliet darbiet elezzjoni wara oħra kellna falliment sħiħ. Ir-riżultat ta’ dawn it-telfiet?
Dejjem bqajna bl-istess nies. Kulħadd ipappiha u l-Laburisti qalbiena nlaqqtu kull tip ta’ vendikazzjoni. Dan id-demm ġdid!
Dawn in-nies hemm bżonn jirriżenjaw. Dawn huma l-mażżri li taqqlulna l-pass, ħabib. Skantajt kif minkejja l-kariga ta’ Segretarju Edukattiv, minflok eduka, Mintoff għażel li jiżra’ l-firda fil-partit bil-kitba tiegħu.
Mintoff semma wkoll li ma kellux x’jaqsam fid-deċiżjonijiet ta’ qabel u waqt il-kampanja elettorali. Għaliex? X’kien qed jagħmel hemm mela?
Jew forsi hekk kien hemm bżonn għax kien partit ta’ bniedem wieħed u kollox ‘signor, si’? Kif ma nitgħallmu qatt?
L-istess nies li suppost imexxuna kissru l-partit u minn fuq iridu jitfgħu t-tort fuq ħaddieħor li dejjem ħadem bla heda għal dan il-partit glorjuż.
Istħu u warrbu minn hemm u ħallu lil min veru jrid il-ġid lill-partit u l-partitarji qalbiena jaħdem. Mill-ewwel ġurnata li laħaq Deputat Mexxej Michael Falzon bdew b’kampanja ta’ bsaten fir-roti.
Imissna nitgħallmu mill-avversarji tagħna. Għandhom dak id-diżgwid kollu u ma nkunu nafu b’xejn għax għalihom l-ewwel il-partit u l-Gvern. Mhux bħalna l-ewwel ir-reġim u l-jobs for the boys.
Għandna bżonn demm ġdid, nifs ġdid, partit miftuħ għal kulħadd u partit ta’ kulħadd immexxi minn kap qalbieni, bin il-ħaddiem, kariżmatiku li ħadem f’kull settur tal-partit. Kap li rnexxa dejjem hu, maħbub u rispettat minn kull kamp, saħansitra mill-avversarji tagħna. Dejjem mal-ħaddiem, kemm fil-glorja u iżjed u iżjed fil-maltemp. Kif ra kulħadd b’għajnejh fis-sala tal-għadd tal-voti waqt l-elezzjoni li għaddiet. Ħaddieħor ħass il-bard, Wenz, u baqa’ d-dar. Bniedem wieħed, Michael Falzon, baqa’ hemm.
Fl-aħħarnett, jiddispjaċini li bdejt b’Wenzu Mintoff iżda mil-lum ’il quddiem bi ħsiebni nirrispondi lil kulħadd għax xbajt
fl-oppożizzjoni filwaqt li ħaddieħor ipappiha minn fuq dahri.
Nitlob lil Wenzu biex ma jidħolx fil-logħba ta’ jew nilgħab jew inħassar. Anki jekk għall-benefiċċju tad-dubju ngħidu li ippruvaw ma rnexxewx għal darba, darbtejn, tlieta. Mela issa r-reġim imissu jwarrab u jħalli lil min veru jrid il-ġid u l-glorja lill-partitarji Laburisti, jaħdem. Dan il-bniedem ma jista’ jkun ħadd ħlief Michael Falzon. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|