MediaToday

Intervista | 13 ta’ April 2008 Nr 76

Għal vetrina aħjar tal-ktieb Malti

Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ilu magħna dawn l-aħħar tliet snin. Kemm ilu għaddej, il-President tiegħu kien l-awtur u cartoonist, Ġorġ Mallia. Għal ħafna wiċċ jew leħen Mallia mhux ġdid peress li jgħallem f’żewġ korsijiet differenti fl-Università kif ukoll xandar bosta programmi fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni.
L-intervista ta’ llum qed issir biex tfakkar li daqs ġimgħa u nofs oħra hu Jum il-Ktieb, li donnu kulħadd nesa għax din is-sena mhemmx attività nazzjonali waħda li qed issir biex tiċċelebra l-ktieb, ħlief għal xi inizjattiva li qed issir minn djar tal-pubblikaturi. Naturalment l-ewwel mistoqsija kienet x’ġara din is-sena biex ma sar xejn.
Mallia wieġeb minnufih: “Minħabba l-elezzjoni aħna rriżenjajna. Allura kienet iebsa għall-Kunsill noħoqlu affarijiet u kunċetti ġodda jekk jinbidel il-Kunsill u ma jsir xejn. Is-seminar kien l-aħħar attività qabel ir-riżenja biex inħallu xi ħaġa għal Kunsill ta’ warajna.
“Issa, għalkemm għad m’għandniex konferma, se nibqgħu sejrin bix-xogħol xorta għax ma nistgħux nibqgħu nistennew. Tlabna biex niltaqgħu mal-Ministru Dolores Cristina u mal-Prim Ministru biex naraw x’se jsir. Għandna nirċievu mingħandhom iktar tard.”
Il-pjan li jmiss tal-Kunsill hu li f’Jum il-Ktieb iniedu s-sezzjoni ta’ l-arkivju tal-kotba stampati Maltin fuq is-sit tagħhom www.ktieb.org.mt. Mistoqsi kemm hu ta’ importanza arkivju tal-kotba, Mallia wieġeb: “M’għandna l-ebda arkivju f’Malta. Jien, kemm ili li sirt President tal-KNK, l-iktar ħaġa li rritatni hi li jiġu nies fuqi jgħiduli li mhemmx dawn it-tip ta’ kotba mentri fil-fatt hemm. L-informazzjoni dwar il-kotba mhemmx. M’intix se taqra ktieb jekk ma tafx bih,” qal Mallia.
Iżid jgħid li l-Kunsill fi ħsiebu jagħmel żewġ kampanji ta’ promozzjoni. Waħda biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u l-oħra li jiżdied il-qari fis-sajf.
“Nixtiequ nagħmlu kampanja dwar id-drittijiet ta’ l-awtur. Hemm problema kbira u hi istituzzjonalizzata. Għandek skejjel li jagħmlu kopja għal skola sħiħa minn ktieb wieħed u saħansitra jmorru għand il-pubblikatur biex jagħtihom ktieb ħalli jikkupjawh.”
Il-kampanja l-oħra li semma hi Ħu Ktieb ħdejn il-Baħar li bdiet is-sajf li għadda u kellha suċċess. Għalkemm il-Kunsill m’għandux riżultati xjentifiċi li jista’ jgħid li żdied l-qari tal-kotba, Mallia jsostni li tqajmet kuxjenza u n-nies kienu jafu dwarha. Żied jgħid li l-pass li jmiss hu kampanja iżjed fina li ma tiqafx biss sa emails, kartellun u riklami fil-gazzetti.
Jaqleb id-diskors dwar il-Fiera tal-Ktieb li ilhom jieħdu ħsiebha kemm ilu li twaqqaf il-Kunsill.
“Il-Fiera ġiet f’idejna tliet snin ilu. Il-Kunsill kien għadu kif twaqqaf fiż-żmien meta bdiet tmut u d-djar tal-pubblikazzjoni kważi tilfu l-interess. Fin-Naxxar il-fiera ġieli ġabet 19,000 ruħ. L-aħħar waħda fin-Naxxar kellha 10,000 biss.
“Mexxejnieha għall-Belt u hemmhekk trid tmur għax veru tħobb il-kotba mhux għax inzertajt mort tara l-Fiera tal-Pjanti. Għamilna ħafna riklami u ġibdet 15,000 ruħ.Is-sena li għaddiet ġibdet 14,000 għax is-Sibt kien hemm maltempata qawwija.
Bħalissa qegħdin nippruvaw noħolqu brand tal-Fiera u nippruvaw nagħmlu riforma qawwija fir-regolamenti li wħud minnhom saru antikwati u anki fit-tendering. Huma affarijiet żgħar imma li jieħdu l-ħin.”
Nistaqsih dwar il-kumment li kien għadda l-awtur Mario Azzopardi f’intervista fil-MaltaToday jekk il-Fiera hix se tibda tintuża biex ‘iċċaqlaq il-ħsibijiet u l-ideat kritiċi tan-nies jew se tkun taħwida oħra ta’ bankarelli li jbigħu junk f’bazaar igglorifikat?’.
Mallia wieġeb: “Il-kunċett ta’ bankarelli qed nibdluh. Qed nippruvaw li jkun hemm aktar attivitajiet kulturali. Is-sena li għaddiet kien hemm tliet attivitajiet kuljum. L-għan hu li nsaħħuha u l-attivitajiet ma jibqgħux isiru biss fis-swali imma fin-nofs tas-sala l-kbira.”
Kompla jgħid li għal Mejju li ġej il-Kunsill jixtieq jagħmel fiera tal-kotba pubblikati f’Malta biss biex isservi ta’ vetrina għall-prodott Malti.
Iżid jgħid kemm bħalissa qed jaħdem ma’ tim tajjeb.
“Dan it-tim kuntent ħafna bih għax ma narmu l-ebda suġġeriment. Ma sar l-ebda suġġeriment li ma ħadniehx. Aħna nisimgħu u nippruvaw nagħmlu t-tibdil li hemm bżonn.
“Il-flus li ningħataw huma biss għall-Premju u għall-Fiera Nazzjonali tal-Ktieb. Inħeġġeġ biex jgħinuna aktar nies għax bħalissa qegħdin inlaqqtu minn li faddalna.”
Mistoqsija oħra kienet, lil hinn mill-ktieb, x’qed isir dwar promozzjoni tal-letteratura.
“Il-promozzjoni tal-poeżija u tal-letteratura ma taqax direttament taħtna. Iżda l-qari hu riżultat indirett tal-ktieb. Għalhekk nixtieq li nagħmlu riċerka dwar il-qari ta’ kotba f’Malta. L-istatistika ta’ l-Eurostat kien limitat. Ma nistax inqabbilna ma’ l-Islanda li għandhom ħafna dlam fix-xitwa u allura jagħtihom aktar li jaqraw.
“Is-soluzzjoniet ma nisparawhomx bl-addoċċ imbagħad fejn laqat laqat, fejn ġie ġie. Jekk ikollna studju konkret inkunu nistgħu nolqtu aħjar. Din kienet waħda mill-affarijiet li ħarġet mis-seminar.
“Iżda kull sena qed inżidu xi ħaġa. Nixtiequ nagħmlu rating system għall-kotba bħalma l-lukandi għandhom l-istilel biex juru l-livell ta’ kwalità tagħhom. Kieku l-Kunsill iwaqqaf kumitat ta’ kritiċi apposta li jkunu rotating. Insostni li bħalissa għadna fil-proċess ta’ ħsieb. Mhux bilfors issir għax jista’ jkun hemm ħafna diffikultajiet.
“Il-problema tagħna hi li aħna żgħar u parrokkjali. Kulħadd jaf lil kulħadd u meta xi ħadd ma jiħux ir-riżultat mixtieq iqum l-argument: ‘Għax dak għandu għalija.’ Jien stess ġratli. Hi self-defence mechanism.
“Iżda nista’ ngħid li t-trasparenza fil-Premju hi qawwija. Il-kotba tiegħi stess ma ndaħħalhomx ħalli għallinqas ikun hemm persuna waħda li m’għandix x’taqsam. Jien m’għandix say dwar min se jirbaħ iżda nieħu ħsiebha.”
Żied jgħid li Il-Gwida għall-Pubblikaturi oriġinarjament kienet se tkun quality charter iżda kien hemm min mill-Kunsill li issuġġerixxa li din tkun ta’ ostaklu għall-kreattività. Ħidma oħra li hemm għaddejja hi rivista bħalma hi t-Times Literary Supplement li toħroġ imqar darbtejn jew tlieta fis-sena li tanalizza s-suq Malti.
Wara semma l-ktieb Malti fuq livell internazzjonali u lejn xiex qegħdin jimiraw.
“Nixtiequ li meta l-ambaxxaturi jkunu appuntati jservi ta’ pont biex nippromwovu l-letteratura Maltija barra. Konna ippruvajna napplikaw għall-proġett ta’ l-UE imma ma nistgħux nużaw il-fondi tagħhom għax huma jagħtu 50 fil-mija tal-flus biss minn proġett sħiħ u l-bqija rridu nġibuhom aħna. Minbarra li l-UE titlob li t-traduzzjoni ma ssirx fil-lingwa tal-pajjiż allura ma nkunux nistgħu naqilbuhom għall-Ingliż.
“Minflok issa qegħdin naħdmu biex ikollna Book Weeks f’pajjiżi differenti. Fis-sens ta’ Maltese Book Week fid-Danimarka jew Franza. Din diġà ssir u tinkludi laqgħat mal-pubblikaturi u intervisti ma’ l-awturi.
“Aħna li nixtiequ nagħmlu hu li nagħżlu siltiet minn kotba u t-traduzzjonijiet għal-lingwa
tal-pajjiż sponsor inpoġġuhom fuq CDs. Ikun fihom kapitli minn kotba kif ukoll informazzjoni dwar l-awturi. Dawn jitqassmu bil-għan li jekk is-siltiet jintogħġbu titmexxa t-traduzzjoni f’dak il-pajjiż.”
Meta mistoqsi dwar fejn għadu jbati l-ktieb Malti, il-President tal-KNK qal li “għalkemm il-ktieb avvanza b’mod kbir in-nuqqasijiet jibqgħu.
Il-kotba għadhom jitqiesu bħala industrija għat-tfal u għall-adoloxxenti minħabba l-eżamijiet.
“L-iktar ġeneri li għadhom isofru huma dawk tad-drama u tal-poeżija għax mhemmx suq għalihom. Il-bejgħ tagħhom hu fqir. Meta xi ħadd jippubblikahom ikun qed jagħmel missjoni.”
Jistaqsi l-aħħar żewġ mistoqsijiet li għalih huma essenzjali: “Il-ktieb mhux fuq l-aġenda
tal-ġurnalisti? Għaliex meta jirbaħ premju ġurnalist, il-gazzetta tiegħu ġġib l-aħbar fuq l-ewwel paġna, u meta jirbaħ awtur mhux talli ma jkunx fl-ewwel paġna talli r-riżultati jippubblikawhom tard u mhux dejjem?”
Ikompli jżid fuq dan il-punt sensittiv. “B’rispett għall-kittieb, is-sena li għaddiet iċ-ċerimonja
tal-Premju saret Kastilja. Il-gazzetti kulma ġabu kienu stqarrijiet għall-istampa tal-pubblikaturi li rebħu, lanqas ir-riżultati uffiċjali.
“Nixtieq li kif konna appoġġati fil-kampanja
tas-sajf, nixtiequ li l-ktieb ikun appoġġat b’mod dirett mill-ġurnalisti, anke meta jkun ċelebrat.”

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Għal vetrina aħjar tal-ktieb Malti

Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia


Editorijal
Divorzju la Maltija


Il Punt
Lil hinn mill-10 ta’ Mejju
Saviour Cachia


Toni u Peppi
L-abbuż f’Lourdes Home: apoloġija?



Emmanuel Micallef
Partiti mdendlin


Carmelo Mifsud Bonnici

L-istabbiltà politika hi vitali



X'kien Jgħid
Erġajna koppi!



Wenzu Mintoff

Belveder
Skond Anġelik u l-fan club tiegħu f’Borg in-Nadur qed tidher Sidtna Marija li flok tidħol għall-imsejkna u għall-imġarrbin kif nafha jien, qed toqgħod tistaqsi jekk il-kunduttur tax-Xarabank jippreferix jissejjaħ bl-isem ta’ Joe jew ta’ Peppi.



Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan