Il Punt - Saviour Cachia | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Fl-10 ta’ Mejju tiftaħ il-leġislatura tal-11-il Parlament Malti. Leġislatura li se tiftaħ fost ħafna mistoqsijiet, spekulazzjonijiet u inċertezzi.
L-elezzjoni ikkonfermat li minkejja kollox il-poplu, anki jekk b’marġini ristretta u biss b’maġġoranza relattiva, iddeċieda li għandu jibqa’ jmexxi l-Gvern Nazzjonalista.
Kienet elezzjoni li ħalliet lill-pajjiż f’ambjent ta’ mistoqsijiet, spekulazzjonijiet u inċertezzi.
Wara l-elezzjoni seħħew tliet fatti importanti. Il-ftehim dwar l-iffriżar tal-prezzijiet għalaq fil-31 ta’ Marzu, irriżenja Alfred Sant minn Mexxej tal-Partit Laburista u pajjiżna ssieħeb fil-Partnership for Peace.
L-ewwel fatt kien magħruf u kulħadd kien jaf meta se jseħħ. Appena spiċċa dan il-ftehim rajna ċaqliq fil-prezzijiet għal diversi raġunijiet, fosthom uħud b’xejra internazzjonali.
It-tieni fatt kien riżultat tat-tielet telfa konsekuttiva li ġarrab il-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali minkejja li għal ħafna żmien deher fuq quddiem fit-tellieqa elettorali.
It-tielet fatt seħħ wara dahar il-poplu. Sar bla kliem u bla sliem mingħajr ma kien hemm imqar vers wieħed dwaru fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Gvern, b’mod iktar gravi, iddeċieda li bl-ebda mod ma jiddiskuti l-pass li kien se jieħu ma’ l-Oppożizzjoni, anki jekk itenni li kien pass bżonjuż u ġustifikat.
Din id-deċiżjoni fuq il-PfP niġġset l-arja għall-mod kif il-Gvern u l-Oppożizzjoni jistgħu jaħdmu matul din il-leġislatura
Il-Parlament se jiftaħ ukoll fid-dell ta’ dak kollu li għad jista’ jirriżulta fil-każ ta’ Jeffrey Pullicino Orlando u d-diskoteka fil-Mistra. Mhux se nazzarda ngħid kienx hemm aġir illegali f’dak li sar fil-Mistra imma hu ċert li l-kelma ‘onorevoli’ ittappnet bis-sħiħ bil-mod kif svolġew ċerti affarijiet minn wara l-kwinti.
Għax jekk hu minnu li Pullicino Orlando għarraf b’kollox lill-Prim Ministru dwar kif kienet is-sitwazzjoni kien hemm nuqqas ta’ lealtà fil-konfront ta’ l-elettorat għax Pullicino Orlando sab l-appoġġ fil-miftuħ tal-PN lejlet l-elezzjoni.
Forsi l-PN kien fortunat li dan il-każ waqa’ f’idejn il-Partit Laburista ftit tard fil-ġurnata biex seta’ jieħu vantaġġ sħiħ minnu. L-ispinta aħħarija li saret fi żmien ristrett m’għamlitx dak l-impatt li każ bħal dan kellu jagħmel fuq l-elettorat.
Ironikament donnu daħal element ta’ sfida u Pullicino Orlando għal siġġu rebaħ tnejn. Kien suċċess personali li bih dendel mazzra tqila ma’ għonq il-Prim Ministru.
S’issa l-Prim Ministru għadu jista’ jistkenn wara l-Avukat Ġenerali biex jilluminah hemmx xi aġir kriminali jew le fl-imġiba ta’ Pullicino Orlando.
Jekk nikkonċedi li m’hemmx aġir kriminali, Pullicino Orlando se jġib lill-Prim Ministru qisu l-anġlu tal-festa bil-musmar f’tintu u bit-tbissima fuq fommu.
Ċertament li jekk m’hemm xejn li jista’ jwassal biex Pullicino Orlando jagħmel l-att ta’ ndiema ma’ l-elettorat u b’irġulija jċedi postu fil-Parlament, ikollna ngħidu li se tkompli tikber l-impressjoni li l-politika hi tassew maħmuġa. Mhemmx dubju li persuni bħal dawn ma jixirqilhomx jissejħu Onorevoli.
Sadanittant għandna lill-Partit Laburista li se jkun imsejjaħ jaqdi dmiru fil-Parlament kważi xahar qabel jeleġġi l-mexxej ġdid tiegħu. Hu minnu li sar qbil li Charles Mangion jassumi r-rwol temporanju ta’ Kap ta’ l-Oppożizzjoni.
Bħalissa l-kamp Laburista hu ikkonċentrat fuq żewġ binarji. Dak li jitwettaq proċess li jwassal għall-ħatra tal-kap il-ġdid proċess li fil-fehma tiegħi iktar ma jkun wiesa’ aktar aħjar. It-tieni binarju hu x’atteġġament se jieħu fil-konfront ta’ Gvern li jgawdi biss maġġoranza relattiva.
Hemm min itenni li l-Partit Laburista aħjar jagħti sinjali li se jkun pożittiv biex ineħħi darba għal dejjem l-istigma li hu l-partit tal-le. Iżda hemm min itenni li m’hemmx lok li jkun hemm koperazzjoni mal-Gvern Nazzjonalista wara d-deċiżjoni oxxena biex idaħħal lil Malta fil-Partnership for Peace u d-dubji dwar kemm lagħbu ‘nadif’ il-PN fl-elezzjoni.
Inħoss li l-imġiba ta’ l-Oppożizzjoni Laburista għandha tkun pożittiva. Daqskemm nistenna li għandha tkun pożittiva l-attitudni tal-Gvern Nazzjonalista.
Il-fattur komuni li nara li jistgħu jfittxu ż-żewġ naħat hu li jgħarblu dak kollu li jqarribhom lejn xulxin fil-proposti mressqa fil-manifesti elettorali rispettivi.
Għalhekk inħoss li hemm bżonn li jiftehmu fuq ir-riformi meħtieġa biex il-pajjiż jieħu r-rankatura li għandu bżonn u jara li l-preżenza tiegħu fl-Unjoni Ewropea tinħass aħjar.
Fejn tidħol l-UE nħoss li attitudni responsabbli u moderata miż-żewġ naħat tista’ tgħin biex nieħdu l-aqwa mill-benefiċċji tas-sħubija u nilqgħu aħjar għad-daqqiet li jirriżultaw mill-obbligi li joħorġu mill-istess sħubija.
Mhux każ li nkomplu bil-mentalità li l-importanti jkun li fl-2013 il-Gvern Nazzjonalista jkun jista’ jiftaħar li għamel din jew l-oħra. Mhux każ li l-Oppożizzjoni ma tikkoperax mal-Gvern ħalli dan ma jidhirx tant sabiħ. Iżda l-interess nazzjonali jitlob li tul dawn il-ħames snin il-Parlament Malti jaħdem għal riformi li bi sforz flimkien iħollu diversi kobob, fosthom il-finanzjament tal-partiti, Liġi Elettorali iktar ġusta, liġi tal-kera aġġornata, definizzjoni iktar ċara ta’ familja, riforma fil-pensjonijiet, il-kriterji li fuqhom għandhom jingħataw il-benefiċċji soċjali, miżuri kif l-isptarijiet u ċ-ċentri tal-kura primarja jiffunzjonaw aħjar u affarijiet oħra.
B’marġini ta’ 1,850 bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandna noħolmu li għandna Gvern nazzjonali. Il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu b’għan wieħed biex flimkien itejbu l-kwalità ta’ ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Irridu nifhmu li dik l-għajta ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox għadha valida sa llum u faċilment tista’ titħaddem fi sforz konġunt bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni.
Saviour Cachia hu ġurnalist veteran
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|