Editorjal | 13 ta’ April 2008 Nr 76
Fl-1975 il-Liġi taż-Żwieġ li għaddiet mill-Parlament Malti kienet irrikonoxxiet il-prinċipju li żwieġ ċivili, anki dak bejn żewġ Maltin li żżewġu f’Malta, jista’ jinħall permezz tad-divorzju.
Bis-saħħa ta’ dik il-liġi, filwaqt li l-qrati Maltin setgħu jirrikonoxxu divorzju miksub minn barra, il-liġi ma tathomx is-setgħa biex jamministraw huma d-divorzju f’pajjiżna stess.
Il-Liġi taż-Żwieġ ħolqot stat diskriminatorju għax filwaqt li żewġ persuni li jkunu żżewġu f’Malta setgħu jiksbu d-divorzju barra l-pajjiż jekk kellhom il-mezzi u l-għarfien ta’ kif jagħmlu dan, koppji oħrajn bħalhom ma kellhomx aċċess għal dan id-dritt.
Statistika li qed tippubblika din il-gazzetta turi kif mill-1994 sa llum kien hemm 442 koppja li ġabu d-divorzju minn barra.
Dan ifisser li fostna hawn min hu iddivorzjat u jista’ jerġa’ jibda ħajja miżżewġa mill-ġdid. Ħaddieħor irid jibqa’ jittewweb jew inkella jivvinta xi skuża biex jipprova jikseb l-annullament.
Ladarba l-Istat Malti fl-1975 irrikonoxxa l-prinċipju li żwieġ jista’ jinħall bid-divorzju ma nifhmux għaliex dan id-dritt ma jistax jagħmel użu minnu kulmin iż-żwieġ tiegħu falla mingħajr tama ta’ rikonċiljazzjoni.
Ħafna avukati li jaħdmu fil-Qorti tal-Familja jgħidulek li l-prinċipji li fuqu hu msejjes l-annullament ċivili tul is-snin iġġebbdu b’tali mod li sar jitqies bħala divorzju la Maltija. Dan hu l-istat miskin li ninsabu fih. Il-leġislatur jippreferi jħares in-naħa l-oħra minkejja li r-realtà soċjali qed tipponta n-naħa l-oħra.
Kien pożittiv dak li qal Joseph Muscat din il-ġimgħa f’Dissett fuq TVM li jekk ikun mexxej ikun lest jiftaħ diskussjoni fil-Partit Laburista dwar id-divorzju li għandha twassal biex taħt Gvern Laburista tkun ippreżentata liġi fil-Parlament.
Naqblu li d-divorzju għandu jidħol b’vot fil-Parlament u mhux b’referendum għax wara kollox dan hu dritt ċivili li jagħmel użu minnu min għandu bżonnu u għalhekk m’għandu l-ebda impatt fuq min għandu żwieġ b’saħħtu.
Ma nistgħux nibqgħu naħarbu milli nindirizzaw din is-sitwazzjoni u kull diskussjoni trid issir b’mod matur b’tali mod li tirrispetta l-valuri ta’ Stat sekulari.
Għalkemm il-Kostituzzjoni tirrikonoxxi d-dmir u l-jedd tal-Knisja Kattolika li tgħallem liema huma l-prinċipji tajbin u ħżiena, il-leġislatur m’għandu l-ebda obbligu li jaddotta dawk il-prinċipji bħala l-gwida morali li fuqhom għandu jimxi fil-parlament.
Il-leġislatur irid jilleġisla fl-aħjar interess tal-komunità li qed jirrappreżenta u f’dik il-komunità hemm persuni li qed ibatu bla bżonn għax il-ħajja matrimonjali tagħhom sfaxxat u ma jistgħux jidħlu f’relazzjoni normali ma’ ħaddieħor għax m’għandniex id-divorzju.
Għalhekk qajla jagħmel sens li l-Gvern jindirizza biss is-sitwazzjoni ta’ koppji li qed jikkoabitaw mingħajr ma jwessa’ l-parametri tad-diskussjoni għad-divorzju. Il-verità hi li fost il-familji li qed jikkoabitaw hemm ħafna li jagħmlu hekk għax l-Istat Malti ma jippermettilhomx jinħallu mill-ewwel żwieġ tagħhom.
Filwaqt li naqblu li l-Gvern għandu jirrikonoxxi r-rabta ta’ żewġ persuni li qed jgħixu flimkien f’rabta li mhix imsejsa fuq żwieġ, tkun ipokresija jekk ma tkunx indirizzata wkoll il-kawża li qed twassal lil ħafna biex jagħżlu dik il-ħajja għax m’għandhomx alternattiva.
Daqskemm hu bżonjuż għar-riċerka, l-edukazzjoni u l-għarfien l-internet jista’ jippreżenta perikli kbar għal min jużah u ma jafx il-lingwaġġ tiegħu.
It-tieqa li fetaħ il-programm Xarabank fuq dan is-suġġett nhar il-Ġimgħa kienet importanti għax huma ħafna l-ġenituri li ma jafux l-intenet x’perikli jista’ joffri lit-tfal tagħhom.
M’hemmx lok għal paniku imma hemm kull lok għall-edukazzjoni. Kif qal l-Ispettur tal-Pulizija waqt il-programm, il-vantaġġ ta’ l-internet hu li l-persuna dejjem tista’ tkun fil-kontroll u jekk hemm xi ħaġa li ma togħġobhiex taqta’ l-kuntatt jew titfi s-servizz.
Imma hemm ċirkostanzi oħra iktar sottili fejn informazzjoni personali li tista’ tidher innoċenti tispiċċa fuq l-internet u tintuża minn ħaddieħor għal skop ħażin.
L-iskejjel jistgħu jkunu l-ewwel sur ta’ difiża għat-tfal tagħna. Imma hemm bżonn li l- għarfien jasal mhux biss għand l-istudenti imma wkoll għand il-ġenituri. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Franica Pulis tintervista lil Ġorġ Mallia
Editorijal

Il Punt
Saviour Cachia

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|