MediaToday

Wenzu Mintoff | 06 ta’ April 2008 Nr 75

Naħqa ta’ ħmar

Kif jgħid il-Malti, naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema. Imma jien li f’ħajti qajla fittixt li nilħaq is-sema b’idejja, f’mumenti bħal dawn speċjalment, ma niddejjaqx inkun ħmar. Wara kollox il-ħmar huwa wieħed mill-iktar ħlejjaq espressivi u simpatiċi li għandna fil-ħolqien, ta’ paċenzja u manswetudni kbira, avolja xi minn daqqiet jagħti biż-żewġ.
Qatt ma kont niddiletta wisq bil-kalkoli ta’ x’jaqbilli jew ma jaqbillix biex navvanza jien personalment. Għalkemm xi ftit riżervat u kelma ddum iddur u tagħqad ġo fija, meta nħoss li l-kuxjenza għandha titkellem, mhux se jkun l-opportuniżmu tal-mument li se jżommha milli titkellem.
Forsi għalhekk ukoll għażilt it-triq diffiċli u ma tantx avvanzajt f’dik li hi karriera politika. Żgur li minix xi qaddis u jien tad-demm u l-laħam bħal ħaddieħor. Kif kien jgħid dak li ċċelebrajna t-tielet anniversarju mill-mewt tiegħu proprju din il-ġimgħa, ‘non avete paura’…m’għandux ikollna biża’ li nħallu l-kuxjenza tagħna titkellem u l-kuxjenza mhix tabja biss għal fejn tidħol ir-reliġjon imma anki l-politika. Ta’ dan kelli nħallas il-prezz li kelli nħallas, imma ma jiddispjaċinix.
Kompatezza
Għal min ta ħafna mill-ħin, ħila u enerġija tiegħu b’riżq il-Partit Laburista, bħalissa l-uġigħ hu kbir u mhux la kemm jgħaddi. Ngħid għalija għadni qed nitbaqbaq u nġib lil min jitbaqbaq dwar ir-riżultat ta’ l-elezzjoni u ma nafx xi jrid ikun biex jgħaddili. Tbaqbiq li ħażin tieħdu minn saħħtek u għal min dieħel fil-mezza età dan żgur mhux tajjeb.
Issib lil min jgħidlek ‘ma kienx biżżejjed id-diżappunt tat-telfa. Se toqogħdu titqabdu bejnietkom u tinfexxu f’xulxin biex tkomplu żżidu mad-diżappunt li għandna?’. Veru li anki f’mumenti diffiċli bħal dawn, bħalma tgħid it-talba ta’ San Franġisk, irridu nfittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna. Imma huwa iktar minn ovvju li dak li jgħaqqadna mhux b’saħħtu biżżejjed biex iżommna flimkien għal għan wieħed u twemmin politiku li jagħmel sens għalina lkoll. Matul is-snin konna neqsin mill-kompatezza u mill-armonija ta’ bejnietna u s-sens ta’ ‘għaqda’ li wrejna fix-xhur u l-ġranet ta’ qabel l-elezzjoni kien jinħass artifiċjali u ddettat mill-konvenjenza tal-mument.
Trouble maker
Matul is-snin kenna wisq vġejjel, tumbati u xenati bejnietna. Ma ngħoddx ruħi ma’ l-anzjani fil-Partit imma ċerti żminijiet niftakarhom daqs u xi kultant iktar minn ċerti anzjani. Ilni attiv fil-Partit Laburista sa mill-1975 meta kelli 15–il sena. Ipparteċipajt fl-ewwel konferenza ġenerali tal-Partit fl-1976 meta kienet inqasmet għall-ewwel darba l-kariga tad-deputy leaders u kont ‘teller’ inkarigat mill-ġbir tal-voti fil-gallarija tal-Freedom Press.
Dakinhar kien għamel xenata liema bħala ‘trouble-maker A1’ li laqmu kien jispiċċa bl-‘ellu’, li llum m’għadux magħna u Alla għandu ħafna x’jaħfirlu. Dal-bravu kien ra lil wieħed minn sħabi, Joe Farrugia minn Bormla, li kien ġej minn familja Laburista li jaraw biss Labour, li ‘azzarda’ jivvota lil xi ħadd li ma kienx dak li kien qed jimbotta dal-mastru inkwiet li spiċċa jheddu u jinsulentah minħabba f’hekk.
Hekk kif tħabbar ir-riżultat li ikkonferma l-għażla ta’ sieħbi, dal-mastru inkwiet fid-dagħdigħa li nfexx fiha, kisser ħġieġa tonda li kien hemm fil-bieb t’isfel tas-sala u tela’ t-taraġ erbgħa, erbgħa biex ifittex ippattiha lill-ħabib tagħna. Farrugia u aħna miegħu kellna naqsmu minn fuq il-bejt tal-Freedom Press u nżilna fis-sala prinċipali tal-konferenza fejn hemmhekk stajna nħossuna iktar ‘safe’. Dak l-istudent qarmuċ b’din l-ewwel togħma morra li kellu tal-politika minn dakinhar ’l hawn, bir-raġun ma riedx jaf iktar bil-Partit Laburista. Inċidentalment dan il-qarmuċ huwa l-istess Joe Farrugia li llum hu d-Direttur Generali ta’ l-Assoċcjazzjoni ta’ Min Iħaddem.
L-1987
Żminijiet l-elezzjoni ta’ l-1987 għexthom minuta b’minuta. L-ikbar diżgrazzja li setgħet ġratilna dakinhar li minkejja kollox, ir-riżultat aħħari kien differenza bejn Gvern u Oppożizzjoni żgħira ta’ madwar 2,000 vot. Dak iż-żmien kien hemm min kien jirraġuna li la d-differenza fil-voti kienet daqstant marġinali, stajna nibqgħu għaddejjin bl-istess lanja u kantaliena b’formoli u stil ta’ politika li kien għadda żmienhom.
Skond din il-loġika illużorja, la kollna tlifna bi ftit, allura bl-istess mod darb’oħra stajna wkoll nirbħu bi ftit jew iktar. Għalija l-kitba kienet mhux miktuba imma mnaqqxa fil-ħajt. Jekk ma konniex se nbiddlu, konna se nqammlu. Jekk ma konniex se niġġeddu, nissaffew u niżbru kulfejn kien hemm bżonn, konna se mmorru lura mhux ’il quddiem. Dakinhar jien stajt għamilt bħal ħaddiehor, qgħadt fommi sieket, u ikkonsolidajt il-pożizzjoni tiegħi biex inkompli navvanza fil-Partit.
Tajjeb jew ħazin kont tlajt fil-Parlament l-ewwel darba li ħriġt u ftit xhur wara anki sirt uffiċjal tal-Partit. Issagrifikajt dak kollu għax dak iż-żmien kont konvint li jekk il-Partit ma jiddistakkax ruħu minn ċerti bulijiet u prattiċi goffi li kienu għamlu ħafna ħsara lill-pajjiż u lill-partit, l-MLP kien predestinat li jitlef għarqubu u jagħmel snin twal fl-oppożizzjoni.
Fil-fatt l-elezzjoni ta’ l-1992 tat maġġoranza iktar imlaħilħha lin-Nazzjonalisti ta’ madwar 13,000 vot. Minn dak iż-żmien ’l hawn għaddew iktar minn 20 sena u minkejja t-tibdil kollu li sar għall-aħjar minn dakinhar lil hawn, għadna nbatu minħabba ċerti żbalji kbar jew żgħar li saru f’dawk iż-żminijiet.
Anki b’dak li ġara fit-8 ta’ Marzu jista’ jkun hawn min jilludu ruħu li kulma hemm fin-nofs kwistjoni ta’ ftit mijiet ta’ voti. Jekk huwa veru li ħafna minn dawk li ma ġabrux il-vot u dawk li ma marrux jivvutaw huma votanti li s-soltu jivvutaw PN, potenzjalment it-telfa tagħna setgħet kienet ferm ikbar.
Qabel l-elezzjoni kien hemm ħafna li biċ-ċajt kienu jgħidu li jekk l-MLP ma jirbaħx l-elezzjoni, iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Ħamrun seta’ jiġi trasformat f’supermarket. Mod ieħor ta’ kif tgħid li dak li kien hemm fil-bilanċ tal-miżien fit-8 ta’ Marzu li għadda ma kienx sempliċement ir-rebħ jew it-telf ta’ Elezzjoni Ġenerali partikolari, imma ferm iktar minn hekk.
Fin-nofs kien hemm l-eżistenza ta’ partit kbir bi storja glorjuża kollox ma’ kollox. Qabel ma nkunu f’qagħda li nfittxu dak li jgħaqqadna, irridu nkunu nafu sewwasew x’jgħaqqadna f’partit li la huwa l-monopolju ta’ l-Old Labour u lanqas tan-New Labour, la hu għal kollox tal-klassi tal-ħaddiema u lanqas il-predominju tal-klassi medja. La għandu jkun iddominat minn dawk li huma maħkumin min-nostalġija u wisq inqas minn dawk li għandhom amnesija storika.
Qabel ma naħsbu kif u b’liema mod se nbiegħu l-prodott tagħna u min l-aħjar li jbigħu rridu naraw eżattament fhix eżattament jikkonsisti l-prodott tagħna. Fil-fehma tiegħi dan hu diskors li għandu jinteressa lil kulmin investa fil-Partit Laburista bil-vot tiegħu, mill-kbir saż-żgħir, kull wieħed u waħda mill-141,888 li fit-8 ta’ Marzu ivvutaw Labour.

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Fl-arena ma’ Jason Micallef

Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti



Il Punt
Jum il-karità: mill-għatba ’l ġewwa
Leonid McKay


Toni u Peppi
Taqbel mas-sħubija tal-Partnership for Peace?



Emmanuel Micallef
Sarima fotokopja


Carmelo Mifsud Bonnici

Żmien determinanti



X'kien Jgħid
L-immunità tal-papri



Wenzu Mintoff

Naħqa ta’ ħmar
Kif jgħid il-Malti, naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema. Imma jien li f’ħajti qajla fittixt li nilħaq is-sema b’idejja, f’mumenti bħal dawn speċjalment, ma niddejjaqx inkun ħmar. Wara kollox il-ħmar huwa wieħed mill-iktar ħlejjaq espressivi u simpatiċi li għandna fil-ħolqien, ta’ paċenzja u manswetudni kbira, avolja xi minn daqqiet jagħti biż-żewġ.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan