MediaToday

Toni u Peppi | 06 ta’ April 2008 Nr 75

Taqbel mas-sħubija tal-Partnership for Peace?

TONI

Jumejn wara r-riżultat elettorali esprimejt opinjoni li l-Gvern tal-Partit Nazzjonalista issa għandu carte blanche politiku. Jista’ jagħmel li jrid bina u jimxi kif irid u jogħġbu.
Kif tħabbar ir-riżultat elettorali, Lawrence Gonzi ħabbar li kien ser jimxi bl-akbar konsultazzjoni wiesgħa. Lanqas laħqu għaddew 12-il ġurnata mit-tħabbir elettorali li darba fil-għodu kmieni qomna u b’sorpriża kbira għal kulħadd, anke għal dawk li ivvutaw lill-PN, bħal sajjetta smajna li Malta reġgħet issieħbet fil-Partnership For Peace.
Meta fl-1996 l-Amministrazzjoni Laburista rtirat lil Malta minn din l-alleanza militari, kienet u ma kinitx sorpriza. Kienet waħda mill-ewwel deċiżjonijiet ta’ dik l-amministrazzjoni, iżda ta’ lanqas kienet ukoll waħda mill-wegħdiet elettorali, jiġifieri ma għamel xejn minn wara dahar il-poplu għax in-nies fost oħrajn ivvutawlu minħabba f’hekk. Iżda bil-mod kif mexa l-Partit fil-Gvern din id-darba jidher ċar li minn issa beda jsarraf il-carte blanche politiku li semmejt.
L-agħar meta l-politika tiġi prattikata għall-konvenjenza. Din kienet waħda minn dawk is-sensiela ta’ deċiżjonjiet li seta’ ħa l-Gvern qabel l-elezzjonijiet, iżda għall-konvenjenza tal-voti ttieħdet wara. Per eżempju seta’ iffriża l-permessi tal-MEPA qabel l-elezzjonijiet bil-ħmieġ li beda ħiereġ, iżda konvenjentement din id-deċiżjoni ttieħdet wara. Hekk ukoll din id-deċiżjoni fuq il-PfP.
Din id-deċiżjoni hi indikattiva ta’ attitudni li se naraw min-naħa ta’ l-amministrazzjoni Nazzjonalista fis-snin li ġejjin. Minkejja l-wegħda li se nimxu b’konsensus u fiż-żmien meta kulħadd jaf li l-Oppożizzjoni għadha tipprova ssib saqajha, il-Gvern opportunistikament għażel li jieħu deċiżjoni bħal din b’mod unilaterali biex ma jsib ebda oppożizzjoni. Charles Mangion spjega kif sar jaf b’din id-deċiżjoni b’sempliċi telefonata mingħand Tonio Borg. Seta’ għal ftit bagħatlu sms.
Kollox jindika li wara din id-deċiżjoni hemm aġenda ħafna aktar profonda minn hekk. Dan in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mhux biss fuq barra iżda anke fuq ġewwa hi indikazzjoni ta’ għaġla mhux tas-soltu. Michael Frendo qal lill-MaltaToday li fil-Gvern ta’ qabel u allura sa ftit tal-jiem qabel l-elezzjonijiet din id-deċiżjoni qatt ma ġiet diskussa.
Vanessa Frazier, id-Direttriċi għad-Difiża fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kienet viżibbilment imbarazzata meta talbuha twieġeb jekk l-Armata kinitx ikkonsultata dwar din id-deċiżjoni. Assolutament ma kinitx.
Allura l-mistoqsija hi waħda. Għaliex Partit li għalkemm rebaħ l-elezzjonijiet ma ġabx maġġoranza assoluta u lanqas kellu mqar l-iċken referenza għal deċiżjoni bħal din fil-manifest elettorali tiegħu, u lanqas ma stenna biex għall-formalità jinfetaħ il-Parlament kellu din l-għaġġla kollha biex isieħeb lil Malta f’dan it-trattat militari? Jidher li ried jaqdi lill-Gvern Amerikan biex wara snin ta’ nkejja jagħtuna l-ħelsien mit-taxxa doppja. Jekk dan il-mod kif se nippruvaw nieħdu dak li hu dritt tagħna mingħand min huwa b’saħħtu aktar minna “allura tassew se narmu d-dinjità” ta’ pajjiżna.
Iżda agħar minn hekk f’din il-bawxata kollha hemm konsegwenzi aktar gravi. Bil-mod kif saru l-affarijiet il-Gvern wera nuqqas ta’ rispett, jekk mhux ukoll disprezz, lejn żewġ istituzzjonijet importanti: il-Kostituzzjoni u l-Parlament.
Jista’ jkun li llum mhux kulħadd jaqbel mal-mod kif id-definizzjoni ta’ newtralità hi miktub fil-Kostituzzjoni.
Iżda jibqa’ l-fatt, għalkemm nemmen li għad għandha il-validità tagħha minn ċerti aspetti, li Malta hi kostituzzjonalment newtrali u dik in-newtralità għandha tiġi rispettata. Tant dan hu minnu, li jiem wara li smajna din l-aħbar il-Gvern qiegħed jinsisti li din il-parti tal-Kostituzzjoni trid tinbidel. L-ewwel ifattarha u jippreżentalna l-fatt kompjut u wara jrid jikkonsulta u jbiddel. Mhux biss dan kollu hu kontrosens, iżda eżempju ieħor ta’ x’jifhem bil-kelma konsultazzjoni dan il-Gvern.
Dawn li jridu jikkumbattu dan l-argument mill-ewwel iwieġbu li f’din l-allejanza militari hemm ukoll l-Isvizzera, l-eżempju klassiku tan-newtralità, allura għaliex aħna le? Iżda kelli okkażjoni naqra d-diskors ta’ Flavio Conti li ffirma f’isem l-Isvizzera dan it-Trattat fil-11 ta’ Dicembru 1996.
Fid-diskors tiegħu dan qal li għalkemm li n-newtralità ma tfissirx li tingħalaq fik innifsek, l-Isvizzera, wara diskussjoni wiesgħa u interna fil-pajjiż fejn anke l-poplu ġie ikkonsultat, kienet tiffirma bil-kundizzjoni ċara li kienet ser tipparteċipa f’azzjonijiet ta’ difiża leġittima biss u fl-ebda ħin f’aggressjoni li ma tkunx għalhekk.
L-Isvizzera rrikonċiljat l-istatus tagħha ta’ newtralità mal-parteċipazzjoni tagħha fil-PfP. Nistaqsi x’għamel il-Gvern Malti ġaladarba din id-deċiżjoni ttieħdet fil-magħluq, b’ħasda u mingħajr ebda konsultazzjoni.
Il-Gvern wera bl-aktar mod ċar in-nuqqas ta’ rispett li għandu lejn il-Parlament. Għax sab lill-Oppożizzjoni hi kif inhi u l-Parlament għadu ma fetaħx, għamel bħal dak li daħal jisraq għax jaf li l-Pulizija kollha fis-sakra. Jiena xorta ngħid li xi ħin jew ieħor anke jekk il-Gvern ma jridx, dan it-Trattat irid jersaq quddiem il-Kamra. Jiena ngħid li dan irid isir anke jekk l-affarijiet ma sarux sewwa, anke jekk dak li sar s’issa ma jorbotnix, iffirma kemm iffirma karti f’Bucharest il-Prim Ministru.
L-att dwar ir-Ratifika ta’ Trattati jagħmilha ċara li Trattat bħal dan “… għandu jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra malajr kemm jista’ jkun mill-Ministru responsabbli għall-Affarijiet Barranin, flimkien ma’ mozzjoni li tagħti opportunità lill-Kamra li turi l-fehmiet tagħha fuq dak l-Att.” Kif iħobb jgħid Tonio Borg, “tardare si, scappare no”. Veru wkoll li se nkunu poġġejna l-karettun qabel il-ħmar!
Ngħid li l-Gvern ħa din id-deċiżjoni daqstant kmieni, ħażina kemm hi ħazina, biex sa l-elezzjoni tintesa. Anke dawk il-gazzetti li qabel l-elezzjoni tgħidx kemm għattewlu tkażaw b’li ġara… bil-ħaqq li issa l-elezzjoni għaddiet u dħalna fl-istaġun tas-sajf ġurnalistiku fejn ħadd ma jiddejjaq jikxef! Issa meta tersaq ix-xitwa tliet snin u nofs oħra, l-istess gazzetti jerġgħu jgħattulu. Viva l-libertà ta’ l-Istampa!

PEPPI

Jekk qatt ktibt artiklu li ċert li kważi mhu se jaqrah ħadd huwa dan l-artiklu li kont mitlub nikteb illum. Il-Partnership for Peace. L-Editur staqsieni x’naħseb dwarha u staqsieni jekk il-Gvern kellux jaqbad u jdaħħalna fiha meta lanqas kienet qegħda fil-programm elettorali. Ta’ ċuċ li jien, f’din tal-PFP, ħa nittanta inwieġeb konvint li jekk se naqa għaċ-ċajt, se naqà għaċ-ċajt ma’ ftit qarrejja li se jissaportu jaqraw dwar dan is suġġett.
1. Ħa nibda b’din tan-newtralità. Din hi kelma li anke biex ngħidha jew niktibha nbati ħafna. Jien nistħi li qegħda fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna u nixtieq insib mezz kif nagħmilha ċara li jien m’għandi x’naqsam assolutament xejn magħha. Ma rridtx inkun newtrali quddiem gwerra għax nemmen li l-ebda gwerra mhi ġustifikata. Ma nistax inkun newtrali quddiem it-tbatija tan-nies li kuljum, kull sekonda, jmutu bil-ġuħ għax l-investiment flok sejjer fl-iżvilupp tagħhom sejjer biex jinxtraw l-armi ħalli jinħoloq iżjed faqar. Newtrali? In-newtralità hi dnub mejjet zoptu li lili titlifli s-sena għalfejn jien ħaj. Kieku kont newtrali nirriżenja minn bniedem.
2.Nitħajjar hawn nagħti parir x’għandu jagħmel l-MLP bin-newtralità iżda la Norman Hamilton, wieħed minn dawk li qabel l-elezzjoni kien qed jagħti l-pariri kontinwi lil Alfred Sant qalli biex ma nindaħalax, li ma jridux pariri mingħandi, għal-lum meta naf li aktarx mhu qed jaqrani ħadd, se nobdi u noqgħod kwiet.
3 Inħoss li din li nidħlu fil-PFP kellha tkun wegħda elettorali. Wegħda numru 354 kellha tgħid ‘Malta terġa’ tapplika biex tkun membru fil-PFP’. Ma nafx għala kienet nieqsa. Kien kalkolu ħażin min-naħa tal-PN għax din tal-PFP tant ma jagħti kasha ħadd li żgur ma kienx se jbiddel ir-riżultat ta’ l-elezzjoni. Jekk xejn l-MLP kienu jaqbżu fix-xibka u jagħmlu issue minnha u kienu jkomplu jaljenaw lin-nies mill-issues li kienu qed jolqtu lin-nies qabel l-elezzjoni.
4. Issa skond kif fhimt din l-PFP ma tantx se tbiddel affarijiet li mhux diġà qegħdin hemm bis-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Għax, dejjem kif fhimt, il-Gvern Malti se jibqa’ jiddeċiedi f’kull każ jekk jiħux sehem f’xi azzjoni barra xtutna. U jekk fhimt tajjeb il-Gvern lest jieħu sehem f’azzjonijiet umanitarji u ta’ salvataġġ. F’dan is-sens mhux diġà għadna dan il-ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea? Hemm xi ħadd joġġezzjona li ngħinu bil-ftit li nistgħu lil min qed jispiċċa vittma ta’ gwerer inġusti li fihom jinqatlu tfal u suldati innoċenti. Għax skużi ta. Billi bl-uniformi, suldat huwa innoċenti wkoll u min fi gwerra joqtol suldat għalija hu barbaru daqs min joqtol tifel jew tifla. L-uniformi ma tneħħix l-uġigħ tiegħu, ta’ martu, ta’ ommu, bl-uniformi għasra bid-demm.
5. Niftakar qabel l-1996 din kienet issue. Ovvja l-MLP ma telax fil-Gvern għax kien se joħroġna mill-PFP għax anke dak iż-żmien kważi kulħadd kien jiġħi jaqà u jqum minnha u l-cash registers kienu ferm aktar importanti. Kienu jgħidulna li l-PFP twassal biex jibda jkollna s-suldati ġejjin hawn fil-boroż. Iżda hekk kienu jgħiduhielna wkoll meta ridna nidħlu fl-Unjoni Ewropea. Ngħid il-verità din tas-suldati kont blajtha sakemm ġew grupp ta’ suldati jkellmuni. Tafu għaliex? Biex jipprotestaw li huma mhux jingħataw l-opportunità bħal sħabhom li jieħdu sehem barra minn pajjiżna f’missjonijiet ta’ salvataġġ u missjonijiet umaniitarji. Mid-dehra din qed tkun esperjenza unika għas-suldati Maltin li ħasra nibqgħu narawhom għassa mal-Banek jew ma’ xi Ministru qisna għadna ngħixu fl-assedju. Il-Gvern għandu bla dubju iżomm il-politika li dawn il-missjonijiet għandhom jibqgħu b’mod volontarju u li kull suldat jista’ jew tista’ jirrifjuta li jmur.
6. Flok dwar newtralità u PFP mhux aħjar nindagaw ftit is-sistema edukattiva u x’politika qed jitgħallmu uliedna? Minn dak li nisma’ ma tantx hemm xi edukazzjoni dwar il-paċi. Paċi u ġustizzja. Anzi mingħajr ġustizzja hemm biss paċi tal-plastik. L-għalliema u t-tfal għadhom jintilfu fuq id-dati ta’ meta Malta ħadet il-ħelsien. Ara jaħasra x’jimpurtana mid-data. Staqsu lit-tfal min kien u x’qal Martin Luther King jew Mahatma Gandhi u ma jafux. Imma d-dati tal-gwerrer jafuhom bl-amment. U għaċ-ċirklu fejn jaħqru l-annimali u għal xi bastiment tal-Gwerra neħduhom. Dejjem biex inżommu l-paċi ma kulħadd.

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Fl-arena ma’ Jason Micallef

Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti



Il Punt
Jum il-karità: mill-għatba ’l ġewwa
Leonid McKay


Toni u Peppi
Taqbel mas-sħubija tal-Partnership for Peace?



Emmanuel Micallef
Sarima fotokopja


Carmelo Mifsud Bonnici

Żmien determinanti



X'kien Jgħid
L-immunità tal-papri



Wenzu Mintoff

Naħqa ta’ ħmar
Kif jgħid il-Malti, naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema. Imma jien li f’ħajti qajla fittixt li nilħaq is-sema b’idejja, f’mumenti bħal dawn speċjalment, ma niddejjaqx inkun ħmar. Wara kollox il-ħmar huwa wieħed mill-iktar ħlejjaq espressivi u simpatiċi li għandna fil-ħolqien, ta’ paċenzja u manswetudni kbira, avolja xi minn daqqiet jagħti biż-żewġ.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan