MediaToday

Aħbarijiet | 06 ta’ April 2008 Nr 75

“Laburist? Tħobb tissawwat u titlef”

Fit-tiġrija għall-ħatra ta’ mexxej ġdid tal-MLP waħda mill-mistoqsijiet li żgur se tqum hi ‘Xi tfisser tkun Laburist?’ SABRINA AGIUS żaret xi każini Laburisti biex tara ssibx tweġiba.

Dan hu żmien ta’ taqlib għall-Partit Laburista. Hu żmien ta’ analiżi fejn id-delegati u l-partitarji jridu jħarsu lejn il-valuri li jsawru l-partit u jippruvaw jifhmu u jgħarblu kif u jekk għandhomx ikunu aġġornati għaż-żminijiet ta’ llum.
Għal ħafna minn dawk li ltqajt magħhom li tkun Laburist “hu mid-demm.” Dan il-kumment hu xhieda tal-politika tribali li jħaddnu ħafna fejn it-twemmin politiku jintiret kważi b’mod ġenetiku minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Inżur il-każini ta’ San Giljan, l-Imsida u l-Isla biex nipprova nieħu fil ta’ xi tfisser tkun Laburist.
Fl-ewwel każin f’San Ġiljan Anthony Sciberras ta’ 61 sena jgħidli hu minn dejjem Laburist kien. “Bħalissa nkwiet li tkun Laburist b’dan il-Gvern li hawn,” isostni.
Frank Coppola, wara ftit sekondi ta’ ħsieb, jgħidli li dejjem kien kburi li hu Laburist. “Dejjem emmint fil-partit, tibda minn żmien Mintoff sa llum. Għalkemm, ngħid il-verità, kien hemm xi żminijiet li ma tantx kont kburi bil-partit meta kien għad hemm il-vjolenza, anke jekk din kienet ġejja miż-żewġ partiti. Is-snin Sebgħin u Tmenin ma tantx kienu żminijiet sbieħ.
“Wara Mintoff ġie Karmenu Mifsud Bonnici fejn miegħu bdiet l-era tas-sinċerità. Imma trid tgħid kollox. Żmien Mintoff kien żmien ieħor. Mintoff kien leader. Lil Karmenu poġgewh. Jien nemmen li you are born a leader. Tkun ġo fik,” jispjega Coppola.
Fl-ewwel ftit minuti li nagħmel fil-każin għad m’għandix ħjiel ta’ x’jistgħu jkunu l-valuri li jagħmluk Laburist. Kważi nasal nemmen li jekk ma titwelditx hekk ma tistax tkun.
Sakemm qed nitkellem ma’ Coppola sieħbu jgħaddi minn ħdejna u biex jiċċajta bi tbissima fuq wiċċu jgħidli: “Xi tfisser li tkun Laburist? Li tkun tħobb tissawwat u titlef.” “Mela x’inhu,” jaqbeż jgħid raġel ieħor minn warajh.
Intant ipoġġi bilqegħda ħdejja Joseph Zahra ta’ 50 sena. Niskopri li kien jaħdem ġo lukanda, sakemm għalqet. “Dak li ħadt minn Gvern Nazzjonalista. Kont ilni naħdem fl-istess lukanda għal 19-il sena.”
Nipprova nżomm mas-suġġett u nerġa’ nenfasizza u nistaqsi eżattament xi tfisser għalih li tkun Laburist u għaliex jemmen fil-Partit.
“Tfisser li taħt dan il-Gvern dejjem batejt. Permess għal ċuċata lili ma joħorġulix għax ma nafx nies u lil ta’ ħdejja, allajbierek, joħorġulu. Li tkun Laburist tfisser għoli tal-ħajja, surcharge u wegħdi li qatt ma jitwettqu,” jisħaq jgħid.
Imbagħad jitkellem fuq Alfred Sant. Skond Zahra l-eks mexxej “kien onest u sinċier u li kien qal qabel dħalna fl-Unjoni Ewropea beda jseħħ.”
Ħdejna jiġi ż-żgħażugħ barman, Joe Zahra, ta’ 24 sena. Għalih li tkun Laburist ifisser li tħobb lil pajjiżek. “Niddejjaq min jitnejjek bija f’wiċċi. Għalija l-Partit Laburista jfisser serjetà, apparti li jieħu ħsieb aktar l-ambjent,” jispjega l-barman.
Inkompli t-tfittxija tiegħi għall-valuri Laburisti u mmur il-każin ta’ l-Imsida, magħruf għall-messaġġi politiċi prominenti li jkun hemm mal-faċċata tal-bini.
Nistħajjilni dieħla ġo post mitluq. Riħa ta’ alkoħol taqsam u nies jilagħbu l-karti. Nipprova nistaqsihom l-istess domanda imma r-risposti kienu vagi ħafna. Tawni x’nifhem li huma Laburisti bla opinjoni u li f’ħajjithom l-iktar importanti hu l-flixkun tal-birra, dak il-pakkett karti u sigarett f’ħalqhom.
Nerġa’ nagħmel tentattiv ieħor, imma għalxejn. Wara ftit nitlaq ’il barra u wara żewġ passi n-nies fuq ġewwa jinfaqgħu jidħqu.
“Smajtha din x’ġiet tistaqsina? Ara x’kull waħda! Xi tfisser li tkun Laburist? Ma kellhiex x’tagħmel. U rajtha kif marret dritt fuqu il-Pirmla (il-laqam ta’ wieħed fil-każin)?”
Bejni u bejn ruħi staqsejt lili nnifsi jekk dawn kinux l-iljuni Laburisti li irrefera għalihom id-Deputat Mexxej Michael Falzon waqt il-meeting fil-Luxol.
Inbiddel l-arja u ninżel sa l-Isla, f’dik li titqies bħala l-fortizza Laburista. L-atmosfera hi għal kollox differenti.
Jilqgħuni mill-ewwel. Nintefa fuq banketta ħdejn Feliċ Chetcuti ta’ 50 sena. Kburi ieħor li hu Laburist.
“Il-partit li dejjem ħaseb fil-fqir. Dejjem kien tolleranti mal-poplu. Kieku kien fil-Gvern kien ikollu policies dwar xogħol u edukazzjoni. Hu partit kredibbli. Billi l-PN għadda lill-MLP b’1,500 vot ma jfissirx li l-MLP m’għandux kredibbiltà. Fl-1996 ġrat l-istess sitwazzjoni. Il-PN ma jistax jaħseb għal rasu biss issa għax mhux qiegħed f’pożizzjoni li jagħmel hekk.
“Nippretendi li hi kif inhi s-sitwazzjoni, nispera li min ikun kap, ikun kapaċi jfiehem lill-poplu x’inhuma l-policies tal-partit u li jkun jinftiehem man-nies. Irrid nifhmu x’qed jgħidilna u mhux inċapċpu biss.”
Mal-bar jiġi wkoll Salvu Caruana, pensjonant ta’ 67 sena. Għalkemm ftit avvanzat, jidher li għandu ħsibijiet ċari dwar x’għandu joffri l-partit tiegħu.
“Jien twelidt fqir u nħossni li għadni fqir. Naħseb li min jitla’ jrid jaħseb għal futur taż-żgħażagħ, għall-iskejjel u għall-pensjonanti.Hemm bżonn li nieħdu ħsieb ukoll l-indafa u t-turiżmu għax aħna minnu rridu.
“Nixtieq li min ikun il-kap jagħti każ l-inġustizzja, speċjalment fil-Kottonera. Gwardjani m’għandniex. L-Isla hawn l-għassa magħluqa. Hawn traskuraġni u telqa u drogi mas-saqajn,” jispjega Caruana.
Ftit qabel niskopri li fil-każin hemm Joseph Muscat, l-ewwel kandidat li tefa’ n-nomina tiegħu għal kap tal-partit, jiltaqa’ mad-delegati. Ninzertah ħiereġ u nwaqqfu biex nistaqsih l-istess domanda.
“Naħseb li r-risposta hi sempliċi. Tfisser li tkun trid li kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet. Mhux minn min tiġi, imma bħala persuna għandek dritt tirnexxi fil-ħajja. Kull persuna għandha dritt tirnexxi fil-ħajja,” jgħidli Muscat.
Minn xi ħadd li qed jikkontesta għat-tmexxija kont qed nistenna tweġiba ta’ sustanza bħal din. Madankollu jidher li se tkun triq iebsa għall-kandidati kollha għat-tmexxija biex jippruvaw jifhmu l-valuri li jsawru lil dawk li jqisu lilhom infushom Laburisti u, iktar minn hekk, biex ifissru x’valuri jemmnu li għandu jkollu l-MLP biex jiġbed lejh firxa iktar wiesa’ ta’ nies.

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Fl-arena ma’ Jason Micallef

Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti



Il Punt
Jum il-karità: mill-għatba ’l ġewwa
Leonid McKay


Toni u Peppi
Taqbel mas-sħubija tal-Partnership for Peace?



Emmanuel Micallef
Sarima fotokopja


Carmelo Mifsud Bonnici

Żmien determinanti



X'kien Jgħid
L-immunità tal-papri



Wenzu Mintoff

Naħqa ta’ ħmar
Kif jgħid il-Malti, naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema. Imma jien li f’ħajti qajla fittixt li nilħaq is-sema b’idejja, f’mumenti bħal dawn speċjalment, ma niddejjaqx inkun ħmar. Wara kollox il-ħmar huwa wieħed mill-iktar ħlejjaq espressivi u simpatiċi li għandna fil-ħolqien, ta’ paċenzja u manswetudni kbira, avolja xi minn daqqiet jagħti biż-żewġ.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan