Aħbarijiet | 06 ta’ April 2008 Nr 75
Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt
Il-Kunsill Malti għall-Isports, wara numru ta’ lmenti li sarulu minn bosta għaqdiet sportivi nazzjonali dwar in-nuqqas ta’ atleti nisa f’kull tip ta’ sport, waqqaf programm jismu Girls on the Move biex iħajjar lis-sess femminili jieħu sehem fl-isports minn età żgħira. Il-programm twaqqaf fl-2006 wara sensiela ta’ laqgħat li saru mal-għaqdiet konċernati.
Mistoqsija r-raġuni għaliex din il-miżura ma tteħditx fil-każ tas-subien, kelliema għall-Kunsill Sportiv wieġbet, li għalihom diġà jeżistu klabbs u nurseries madwar Malta u Għawdex.
Il-programm twaqqaf bil-għan li “jiżdiedu l-opportunitajiet għall-bniet bejn id-disa’ snin u l-14-il sena biex jieħdu sehem f’attività fiżika f’ambjent sabiħ u jingħataw taħriġ professjonali, tiġi indirizzata n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fi sport min-naħa tas-sess femminili u li tingħata għajnuna lil assoċjazzjonijiet sportivi biex dawn jiżviluppaw struttura addattata u sostenibbli li ’l quddiem tirriżulta f’aktar parteċipazzjoni mill-bniet fl-isport partikulari tagħhom,” sostniet il-kelliema. Hi żiedet tgħid li fil-każ ta’ bniet taħt id-disa’ snin hemm Skolasport li tieħu ħsieb tħarriġhom u l-programm jieqaf sa 14-il sena biex ma jaħbatx ma’ l-eżamijiet ta’ l-O’levels.
S’issa ħadu sehem 1,060 tifla, 640 fil-programm pilota ta’ 10 ġimgħat tas-sena li għaddiet u 420 fil-programm li fetaħ din is-sena ta’ 25 ġimgħa. Mill-programm ta’ sports offrut din is-sena l-iktar sport favorit mal-bniet hu l-hip hop, b’40 fil-mija li jippreferuh minn sports ieħor. Fil-fatt mill-bniet li japprattikaw xi sports fl-iskola jew apparti, hemm 30 fil-mija li jmorru għaż-żfin u 20 fil-mija li jagħmlu l-ġinnastika. Għalhekk il-Kunsill se jaħdem aktar fuq attivitajiet sportiv li fihom żfin u xogħol ta’ tim. Warajh jiġi l-volleyball b’19 fil-mija. Imbagħad il-basketball u n-netball bi 12 fil-mija.
Il-programm Girls on the Move qed jaħdem mal-għaqdiet sportivi nazzjonali u beda jopera b’seba’ tipi ta’ sport: basketball, futbol, handball, netball, volleyball, hip hop u kick & fit. Din is-sena żdiedu l-judo u l-karate tradizzjonali u dalwaqt jibdew żewġ programmi pilota oħra: ċikliżmu u atletika.
L-għan ta’ min qed imexxi l-progamm hu li “jkompli jikber kemm bħala għażla ta’ sport kif ukoll jinfirex ma’ Malta u Għawdex. Fil-fatt ġejna wkoll mitluba biex niddiskutu l-possibiltà li dan il-progamm jibda jsir fil-Mellieħa u fir-Rabat, Għawdex,” kompliet tgħid il-kelliema.
Mill-istħarriġ li sar fost il-ġenituri li bagħtu lil uliedhom għal Girls on the Move 70 fil-mija tagħhom kienu sodisfatti minn kif tmexxa l-programm. Oħrajn talbu li jitwal il-ħin tal-lezzjonijiet jew jiżdiedu għal darbtejn fil-ġimgħa, isir trasport b’xejn u jinħolqu attivitajiet għall-ġenituri u għall-aħwa li jkunu qed jistennew lill-bniet fl-istess kumpless.
Bħalissa jinsabu miftuħin l-applikazzjonijiet għall-programm pilota taċ-ċikliżmu u dalwaqt jinfetħu wkoll l-applikazzjonijiet għall-programm ta’ l-atletika u dak ta’ Ħal Kirkop. Għal aktar informazzjoni ibgħat fuq gom@sportmalta.org. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|