Aħbarijiet | 06 ta’ April 2008 Nr 75
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Informazzjoni li għandha din il-gazzetta tikkonferma li fil-Partit Nazzjonlista diġà bdiet tiġi mbuttata l-idea li kunsilliera fi ħdan il-Kunsilli Lokali jibdew jieħdu xi tip ta’ ħlas għax-xogħol li qed jagħmlu.
Sa llum huma biss is-Sindki li jieħdu onoraria. Il-kumplament tal-kunsilliera jaħdmu fuq bażi ta’ volontarjat.
Il-proposta biex il-kunsilliera jibdew jitħallsu ssemmiet f’laqgħa li saret din il-ġimgħa mill-Kulleġġ tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Malcolm Mifsud, il-President tal-Kulleġġ tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, ikkonferma li l-ħsieb qiegħed hemm.
“Internament għaddej lobbying biex jinbidel il-mod ta’ kif kunsilliera jitħallsu, fost l-oħrajn jekk jużaw il-karozza tagħhom jew jagħmlu telefonata. Ħafna drabi kunsilliera miż-żewġ partiti jikkummentaw dwar kemm hi umiljanti s-sistema biex titħallas għal dawn l-affarijiet.
“Ġieli pereżempju tagħmel telefonata jew tuża l-karozza fuq xogħol ta’ kunsill u trid tieħu l-mileage tal-karozza biex tieħu lura ftit ċenteżmi,” spjega Mifsud.
“Aħna qed ngħidu li l-istat għandu juri xi tip ta’ gratitudni għal xogħol volontarju. Darba għamilt suġġeriment li mhux neċessarjament kunsillier jingħata flus kontanti bħala ħlas imma jingħata pereżempju xi forma ta’ tax credit ta’ €232.94 (Lm100) jew ta’ €465.87 (Lm200) fis-sena.”
Il-President tal-Kulleġġ tal-Kunsilliera fisser il-ħsieb tiegħu li dan ix-xahar stess il-Kulleġġ jibda’ d-diskussjoni kemm dwar dan is-suġġett kif ukoll dwar jekk l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali għandhomx jibqgħu jsiru kull tliet snin jew le. Soluzzjoni għal dan hi l-elezzjoni tibda’ ssir kull ħames snin ma’ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Malcolm Mifsud qal li wara u possibbilment anke waqt il-proċess,
is-suġġerimenti jitressqu quddiem il-Prim Ministru għad-diskussjoni fuq bażi ta’ Gvern.
Tagħrif li għandha Illum jikkonferma li fil-laqgħa tal-Kulleġġ
tal-Kunsilliera ssemmiet il-possibbiltà li l-ewwel elezzjoni tal-kunsilli lokali li tibda’ ssir kull ħames snin flimkien ma’ dik tal-Parlament Ewropew tkun dik ta’ l-2014. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|