Aħbarijiet | 06 ta’ April 2008 Nr 75
Tfal jisirqu l-cards tal-ġenituri minħabba bullying fl-iskejjel
Julia Farrugia
Tfal, ħafna drabi vittmi ta’ bullying u pressjoni minn sħabhom, qed jispiċċaw jisirqu l-cards bankarji tal-ġenituri tagħhom u jagħmlu transazzjonijiet bihom fuq l-internet.
Dan il-fenomenu diġà laqat lil numru ta’ familji. F’aktar minn każ wieħed li ltaqgħet miegħu din il-gazzetta jirriżulta li tfal fil-Primarja jkunu mhedda minn tfal oħra li jekk ma jidħlux f’logħob online fuq l-internet ma jkunux aċċettati fil-grupp ta’ sħabhom. Ħafna drabi l-ġenituri jindunaw bil-problema meta jkun tard wisq.
Missier partikolari ntebaħ b’dan kollu waqt li kien qed jara l-istatement bankarju tiegħu minn fuq l-internet. F’ħin minnhom induna li mill-kont tal-Visa kienu naqsu xi flus. Meta ndaga sab li xi ħadd kien daħal fil-kont tal-Visa tiegħu u xtara ħin biex jintlagħab ċertu logħob fuq l-internet. Il-kontijiet ivarjaw minn €582 għal €80.
Patri Saviour Grima, il-kappillan fil-parroċċa ta’ Santu Wistin il-Belt li jagħmel ħafna xogħol volontarju fi skejjel differenti, ikkonferma li jeżisti dan il-fenomenu ġdid.
“Dan hu tip ta’ bullying ġdid li qed niltaqgħu miegħu. Hemm bżonn ta’ aktar għarfien fuq dan is-suġġett, speċjalment dwar is-sigurtà fuq l-internet,” saħaq Patri Grima.
“Anke fi skejjel privati, riċentament iltqajt ma’ każijiet bħal dawn fejn tfal ikunu mġiegħla jisirqu l-cards bankarji tal-ġenituri tagħhom,” kompla l-kappillan.
“F’dawn l-aħħar erba’ xhur iltqajt ma’ sitt każijiet differenti!” tenna Patri Grima.
Waħda mis-soluzzjonijiet għal din il-problema tista’ tkun li l-banek fuq bażi internazzjonali jieħdu deċiżjoni li meta wieħed ikun se jixtri bil-card minn fuq l-internet ma jagħtix biss in-numru tal-kont u d-data ta’ meta tiskadi l-card.
“Dawn huma mistoqsijiet sempliċi li ma joffrux sigurtà. Tista’ tiddaħħal sistema li biha sid il-card meta jkun se jixtri minn fuq l-internet idaħħal il-pin number tiegħu. B’hekk jekk membru tal-familja jieħu l-card minn taħt ma jkunx jista’ jagħmel użu minnha.
“Jien qed inħossha veru fuq il-kuxjenza din il-problema u jeħtieġ li ssir xi ħaġa biex f’Malta din il-problema ma tkomplix tolqot aktar familji. Wasal iż-żmien li l-awtoritajiet fil-ħin peak time fuq it-televiżjoni jagħmlu slots qosra ta’ ftit sekondi b’tagħlim fuq dan is-suġġett. Dawn għandhom ikunu ta’ l-istess tip kif ordnati mill-Awtorità tax-Xandir fi żmien il-kampanja elettorali,” qal Patri Grima.
Konxji li l-internet minbarra ġid qed joħloq sfidi differenti, fil-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt ittieħdet inizjattiva biex fuq medda ta’ ħames xhur bejn Novembru u Marzu li għadda jittella’ proġett dwar għarfien fuq l-internet. Il-kors kien immirat mhux biss għall-ġenituri iżda wkoll għal tfal u żgħażagħ.
Minbarra xogħol dirett mat-tfal kull nhar ta’ Ġimgħa ttellgħu erba’ seminars li matulhom il-ġenituri kellhom iċ-ċans li jiltaqgħu ma’ espert ta’ l-informatika mill-Korp tal-Pulizija li spjega fid-dettal numru ta’ theddidiet li jiltaqgħu magħhom tfal fuq l-internet.
“Hemm ukoll il-fenomenu tal-hi5 u tal-facebook li sfortunatament mhux dejjem qed jintuża b’mod tajjeb minn kulħadd. Hemm ġenituri li mhux dejjem ikunu jafu li uliedhom li għad għandhom biss 10 snin jużaw dawn il-programmi. Forsi wieħed għandu jistaqsi jekk hux sew li l-kompjuter jitħalla fil-kamra tas-sodda tat-tfal meta l-ġenituri jispiċċaw ma jafux x’qed jiġri wara dak il-bieb magħluq,” sostna Patri Grima.
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|