MediaToday

Sports | 06 ta’ April 2008 Nr 75

In-numru wieħed tal-belt kapitali

Fil-festa nazzjonali ta’ Jum il-Ħelsien iddeċidejt li niltaqa’ mal-gowlkiper ta’ Valletta u t-tim nazzjonali Malti, Andrew Hogg. Għalkemm żagħżugħ, Andrew hu persuna li kapaċi jitkellem fuq l-aspetti li laqtuh fid-dinja sportiva li jgħix fiha daqslikieku veteran. Ikellimni u jirrispondieni fuq kollox, bla tlaqliq. Jgħidli li għalih dan il-kampjonat ifisser kollox u li jrid jirbħu aktar għall-partitarji Beltin u għal Victor Sciriha milli għalih.
L-appuntament ta’ bejnietna kien għal wara nofsinhar. Sakemm inpoġġu bil-qiegħda u nistennew il-kafè li konna għadna kif ordnajna jgħidli li ħajtu nbidlet għal waħda ħafna aktar professjonali minn kemm ilu jilbes il-flokk tal-belt kapitali ta’ Malta.
“Nemmen li l-professjonalità vera ta’ plejer tal-futbol daħlet ġo fiha aktar minn qatt qabel f’din l-aħħar sena. Sirt partitarju kbir tal-logħba tal-futbol aktar milli kont. Iżda xorta bqajt nemmen li fil-ħin liberu tiegħi jien żagħżugħ bħal ħaddieħor li nħobb ingawdi l-ħajja.
“Inħobb ħafna l-internet. Naħseb li jien iċ-champion tal-website youtube.com u nqatta’ ħafna ħin fuq iċ-chat lines. Il-mużika wkoll tilgħab parti importanti ħafna minn ħajti. Il-bqija ma nistax inkellmek fuq xogħol. Insegwi ftit is-swieq ta’ l-investiment għax hu x-xogħol ta’ missieri u daqshekk. Jien plejer professjonali tal-futbol. Inħossni komdu ħafna kif jien.”
Filwaqt li naqbel miegħu li għaddej ħajja ta’ re jirrakkuntali zmien tfulitu meta kien ġie Malta ta’ 6 snin wara li għex l-ewwel snin ta’ ħajtu l-Ingilterra.
“Jien twelidt l-Ingilterra imma ġejt Malta meta kelli 6 snin. Dak iż-żmien konna ngħixu tas-Sliema u ommi kitbitni man-nursery ta’ Sliema Wanderers. Dak iż-żmien kont nilgħab difensur. Meta mbagħad mort ma’ Luxol bdejt nilgħab gowlkiper. Ta’ 13-il sena, Pieta’ Hotspurs urew interess fija u mort magħhom. Dan kien il-pass kruċjali li bih bdejt il-veru karriera tiegħi.”
Andrew Hogg twieled l-Ingilterra fit-2 ta’ Marzu 1985 u llum joqgħod Tignè, Ta’ Sliema. Hu l-ikbar minn tliet aħwa ta’ Mark u Marina. Ħutu l-bniet jisimhom Emma li għandha 20 sena, u Louisa li għandha 15-il sena.
Hu wieħed mill-ftit plejers Maltin li anki jekk għal ftit żmien irnexxielhom jagħmluha barra minn xtutna. Meta nkellmu fuq l-esperjenza ta’ Bari jkunu Pietà Hotspurs u Edward Schembri l-ewwel li jiġuh f’moħħu.
“Irrid nirringrazzja ħafna lil Pietà Hotspurs għax kienu huma li komplew tawni l-opportunità biex nizviluppa t-talenti tiegħi. Iddebuttajt magħhom fil-kampjonat Premier ta’ 16-il sena u kien Edward Schembri li fetaħli l-bibien kollha biex immur l-Italja ma’ Bari. Illum għadni qed nakkwista aktar esperjenza ġurnata b’ġurnata, logħba wara l-oħra ma’ wieħed mill-akbar timijiet f’Malta...Valletta.”
Imma l-esperjenza ma’ Bari kif inqgħalet verament?
“Il-President kien ikellimni ħafna jekk niħux ċans f’każ li tinqala’ opportunità għalija biex nilgħab pajjiż ieħor. Kont kuntent ħafna ma’ Bari u fl-aħħar tal-ġurnata ninsab konvint li għamilt isem tajjeb għalija f’pajjiż daqstant kbir. Għad għandi kuntatti tajbin ħafna u nispera li xi darba terġa’ tiġini l-opportunità. Kont ħabib ħafna mal-plejer Jonathan Spinesi li llum qed jilgħab mal-Catania. U darba ltqajt ukoll ma’ Antonio Cassano meta konna lagħbna away ma’ Roma. Cassano għadu idolu kbir f’Bari. U għadni sa llum f’kuntatt ma’ Graziano Battistini li dak iz-zmien kien il-gowlkiper ta’ Bari fis-Serie A.”
Kienu ħafna dawk it-timijiet li wrew interess f’Andrew. Iżda minn tant, l-għażla ta’ Valletta kienet biss f’idejh. Inkellmu fuq din il-ġibda li kellu lejn dan il-klabb.
“Il-fatt li għażilt lil Valletta minn tant timijiet jattribwixxi għall-istorja kbira ta’ suċċess li għandhom u għall-ispettaturi li jġibu l-grawnd. Huma fatti li l-ebda plejer ma jieħu pjaċir jilgħab fi grawnd vojt. Ma’ Pietà kont għal qalbi ħafna imma ma nistax naħbi l-fatt li bi grawnd dejjem mimli bin-nies warajk ikun ta’ stimolu żejjed għal kull plejer.
“Li qegħdin b’ċans kbir li nirbħu l-kampjonat hi xi ħaġa kbira. Ngħidlek li f’dawn il-jiem qed inħossni eċitat ħafna għal-logħbiet li ġejjin. Din hi esperjenza ġdida għalija li rrid ingawdi kull mument possibbli minnha. Logħba wara logħba qed inħossni mmur aħjar u nispera li nkun kruċjali għall-Beltin fl-aktar logħbiet jaħarqu.
“Fadal seba’ logħbiet oħra. Irridu nibqgħu ikkonċentrati u nieħdu logħba logħba b’mod prudenti. Marsaxlokk qegħdin magħna u għalhekk ma tista’ tafda lil ħadd. Veru li rebħa kontriehom tiswieni mitqlu deheb u biha nkun l-aktar raġel kuntent fid-dinja. Innaqqsu naqra mill-pressjoni imma qabel ma jkun hemm il-matematika li tiġġudika jien qatt ma ngħid li jien ċert minn xi ħaġa.”
L-ikbar inċertezza u dubju ta’ kulħadd fil-bidu ta’ l-istaġun kien min verament se jikseb il-post titulari minnu għal Saviour Darmanin li hu fost l-iktar gowlkipers validi fil-pajjiz. Insaqsih ħasibx f’dan kollu qabel ma’ ffirma ma’ Valletta.
“Saviour hu wieħed mill-aqwa gowlkipers fil-pajjiż. Ħsibtha ħafna qabel ma ngħaqadt mal-Belt. U dan għax ma ridx immur ma’ tim u noqgħod ma nilgħabx. Kieku m’emmintx li nista’ nkun ta’ sfida miegħi nnifsi li nsib posti ma’ Valletta ma kontx se niċċaqlaq għax ma’ Pietà kont għal qalbi ħafna u dejjem lgħabt. Indunajt li Paul Zammit kellu fiduċja kbira fija. Jien għandi rispett kbir lejn Saviour u bejnietna hemm ħbiberija kbira.”
Hu wieħed mill-protagonisti tal-partita rekord li Malta rebħet lil Leichestein bi skor inkredibbli ta’ 7-1. Bħala l-persuna li ddefenda l-lasti Maltin insaqsih jekk iqisx dan ir-riżultat bħala miraklu li ma jerġax iseħħ.
“Miraklu le imma mhux xi ħaġa li tiġri ta’ kuljum żgur. Konna qed nistennew logħba diffiċli. Kont ftit diżappuntat għax il-pubbliku Malti m’attendix. Xi ħadd staqsieni jekk lgħabniex kontra Għawdex. Inħoss li din hi offiza. Leichestein qegħdin qabilna fir-rankings tal-FIFA u għandhom diversi plejers li jilagħbu f’kampjonati kbar madwar l-Ewropa inkluż wieħed fis-Serie A Taljana. Konna fortunati li skurjajna l-gowls kmieni u l-affarijiet bdew ġejjin kollha favurina. Ġieli kien hemm drabi li ġew eżatt bil-kontra u ħadna damdima.”
Nitolbu jiġġudika l-forma li għaddej minnha bħalissa Michael Mifsud u kif jara l-fatt li l-klabb tas-Serie A Empoli tefa’ offerta għalih. Andrew jagħti parir lil sieħbu.
“Michael jinsab għaddej b’mod brillanti. Nammirah għall-mod kif jagħraf jisfrutta bl-aħjar mod possibbli l-isfidi li jiġuh f’ħajtu. Ma’ Coventry għamel isem kbir għalih innifsu u għal Malta. Hi d-deċizjoni tiegħu jekk imurx l-Italja jew le. Empoli huma wieħed mill-klabbs il-kbar. L-għażla hi tiegħu. Ngħidlek biss li kieku dan iċ-ċans ġie lili floku mmur żgur. Kieku jien nieħu ċans f’ambjent ġdid li kont fih qabel ma’ klabb ieħor.”
Andrew jiddeskrivili l-logħba kontra Juventus ta’ Jannar li għadda f’Ta’ Qali bħala l-ikbar esperjenza f’ħajtu. Filwaqt li jkellimni nipprova naħseb aktar fuq dan il-kapitlu ġgantesk.
“Kienet logħba kbira u nixtieq li jkolli logħbiet oħra bħal dawn fil-futur. Ħadd ma kien qed jistenna dak ir-riżultat u konna aħna li ma kellna xejn x’nitilfu. Għalija se tibqa’ waħda mill-isbaħ logħbiet li lgħabt f’ħajti. Ma nemminx li aħna aqwa mill-Juventus imma f’dik il-ġurnata konna tajbin. Irbaħnilhom għax kulħadd ta l-mija fil-mija.”
Insaqsih irnexxielux ikellem lil Gianluigi Buffon, il-gowlkiper numru wieħed fid-dinja li flimkien ma’ Iker Cassillas jikkunsidrahom bħala idoli tiegħu minn meta kien għadu tfajjel. Hawnhekk ma skantajtx il-għala l-flokk tiegħu baqa’ qatt ma ġie bħala tifkira fil-klabb Juventin Malti f’Birkirkara kif kien propost.
“Mhux talli kellimtu talli ħadt il-gear tiegħu wkoll. Jien u hu nbdilna fl-ewwel taqsima u hu u dieħel għamilt wiċċi u staqsejtu għalih. Qalli biex insegwih fid-dressing rooms. Dħalt u sibt lil Nedved, Del Piero, Chielli u Oliveira qed jinħaslu. Kont daqsxejn miġbud meta f’ħin minnhom ġibt f’moħħi li kont fil-kumpanija ta’ l-aqwa gowlkiper tad-dinja. Hu dak ix-xi ħadd li ili nsegwi minn meta kont tifel zgħir. Tagħni l-gear tiegħu u jien tajtu tiegħi li hu aċċettah mill-ewwel. Naħseb li tiegħi se jagħmlu gwarniċ.”
It-tnejn nidħku. Ninsisti. Imma kieku fil-ġurnata l-Juventus kienu mija fil-mija u niżlu bil-mentalità tal-logħba ta’ ftit jiem ilu kontra l-Inter kontu tirbħulhom ukoll? Jiskanta u jerġa’ jfaqqa’ daħka...
“U le, din tiktibhiex, Mark...Jekk jogħġbok aqbizha din il-mistoqsija!”
Deher imbarazzat. Inċedi l-armi fil-mistoqsija. Iżda nagħrfu biex jipprepara ruħu għax jista’ jkun li f’Jannar...
Indawwarlu mill-ġdid id-diskors fuq Valletta u l-kampjonat domestiku. X’ifisser għalih li jirbaħ dan il-kampjonat?
“Naf li mhux faċli li tmur ma’ klabb ġdid u tagħmel suċċess mill-ewwel. U għalhekk se nipprova li dan kollu jseħħ. Irrid nirbaħ dan il-kampjonat għall-partitarji Beltin. Għaddew minn żminijiet diffiċli u issa hu l-mument tagħhom li jagħmlu festa. U se jagħmlu festa għax se nirbħuh.
“Għal Victor Sciriha naħseb li hi l-aktar ħaġa li bħalissa jixtieq fid-dinja. Ġie mal-Belt biex jirbaħ l-unuri u jien wieħed milli nispera li jirnexxili nkun ta’ pedina importanti għalih ħa nagħtih dan is-sodisfazzjon.”
Jgħidli li mal-klabb Belti sab familja oħra u li f’Gilbert Agius sab bniedem li jistmah qisu ħuh aktar milli ħabib u l-captain tat-tim. Madankollu jerġa’ jgħidli li fil-mument jiċċaqlaq minn ma’ Valletta għal raġuni waħda biss.
“Għandi mira waħda f’ħajti u naf li nista’ nilħaqha. Irrid nilgħab barra u dan il-bieb se nħallih miftuħ fis-snin kollha li se nagħmel nilgħab il-futbol. Ikun fejn ikun il-pajjiż, sakemm mhux Bagdad, jekk jiġini ċ-ċans nilgħab barra. Immur anki jekk naf li nimxiha. L-Italja jibqa’ l-pajjiż favorit tiegħi fejn nixtieq li mmur nilgħab.”
Nerġa’ nilgħabha ta’ l-avukat tax-xitan. Imma int jiddispjaċik li wara sena li tlaqt minn ma’ Pietà Hotspurs, l-eks tim tiegħek qiegħed b’ċans kbir li jisfa relegat mill-kampjonat Premier wara tant snin?
“Għad għandi rispett kbir lejn Pietà u dispjaċir kbir li jistgħu ikunu relegati. Għad għandi ħbieb kbar hemmhekk u għadni partitarju kbir tal-klabb. Nixtiqilhom il-ġid kollu tad-dinja. Tlaqt minn magħhom għax f’ħajti kelli bżonn nagħmel pass ikbar għall-ġid tiegħi. Se nibqa’ nittama sa l-aħħar li jzommu posthom mal-kbar.
“Sa llum il-ġurnata għadni nemmen li l-isbaħ emozzjoni ta’ ħajti kienet meta skurjajt fil-logħba Pietà v Mosta. Huma skurjaw fid-90 minuta u fid-93 minuta tlajt nattakka u fajjart xutt u skurjajt. Iżda, kif għidtlek qabel, kien hemm oħrajn bħal-logħba riċenti kontra Leicheistein, dik kontra Juventus, waħda kontra Spanja f’partita ta’ taħt l-20 sena u kien hemm oħra bejn Bari v Roma meta kont l-Italja.”
Sakemm nixorbu l-aħħar ftit mill-kafè u jsir il-ħin li nqumu minn quddiem xulxin, jgħidli li f’ħajtu allaħares ma sabx nies bħal Carmel Busuttil, Dusan Fitzel, Mark Miller, Ray Farrugia, Roger Camilleri u Paul Zammit, Sandro ta’ l-Errea u l-familja tiegħu. Naqbel miegħu għax forsi dawn huma għeżież għalih aktar mill-aqwa emozzjonijiet.

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Fl-arena ma’ Jason Micallef

Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti



Il Punt
Jum il-karità: mill-għatba ’l ġewwa
Leonid McKay


Toni u Peppi
Taqbel mas-sħubija tal-Partnership for Peace?



Emmanuel Micallef
Sarima fotokopja


Carmelo Mifsud Bonnici

Żmien determinanti



X'kien Jgħid
L-immunità tal-papri



Wenzu Mintoff

Naħqa ta’ ħmar
Kif jgħid il-Malti, naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema. Imma jien li f’ħajti qajla fittixt li nilħaq is-sema b’idejja, f’mumenti bħal dawn speċjalment, ma niddejjaqx inkun ħmar. Wara kollox il-ħmar huwa wieħed mill-iktar ħlejjaq espressivi u simpatiċi li għandna fil-ħolqien, ta’ paċenzja u manswetudni kbira, avolja xi minn daqqiet jagħti biż-żewġ.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan