Carmelo Mifsud Bonnici| 06 ta’ April 2008 Nr 75
Wieħed mill-punti pożittivi li r-riżultat elettorali nħoss li sarraf kien dak li deher ċar li l-poplu tagħna għadu wieħed li jfittex li jkollu l-politika t-tajba mħaddma. Ngħiduha l-Partit Laburista deher f’mumenti li huwa formidabbli u kapaċi jattakka mingħajr ebda limitu ta’ xejn. Dan iż-żelu żejjed f’attakki personali negattivi, għalkemm deher li kellu jkun il-karta tal-logħob it-tajba, fl-aħħar tal-ġurnata rriżulta li ma kenitx. Niftakar li fl-1996, waħda mir-raġunijiet li rebbħet lil dak il-partit kienet il-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien qabad kampanja negattiva kontra l-mexxej, dak iż-żmien il-ġdid, tal-kamp Laburista.
Minflok, l-interpretazzjoni żbaljata ta’ dak ir-riżultat minn dak il-partit kienet li huma ġew eletti għax attakkaw personalment u żbaljatament persuni fi ħdan il-kabinett Nazzjonalista. Il-verità kienet proprju l-kontra. Tant kienu esaġeraw li dak li kellu jkun vantaġġ, fir-realtà sarraf fi żvantaġġ.
Kien hemm elementi oħra li dejqu n-nies u fost dawn kien hemm l-arroganza, jew aħjar, ċertu qżież u aġir li jbiegħed lil min jirrappreżenta mill-elettorat. Il-fatt li l-Partit Laburista ġera wisq malajr biex jirkeb fuq rebħa li ma kienx konvint minnha fissret analiżi żbaljata u tbegħid mill-verità ta’ 12-il sena.
Il-formula “tagħhom”, jiġifieri dik li swiethom (mingħalihom) fl-1996 reġgħu ippruvaw iħaddmuha f’ċirkostanzi differenti fl-elezzjoni ġenerali ta’ l-2003 u din ta’ l-2008. Kull darba din l-aggressività żbaljata u tgħawwiġ ta’ l-affarijiet sarrfu sabiex ġiebu lil dak il-partit bħala wieħed li għadu marbut mal-passat. Għal ħafna f’dan il-pajjiż, uċuħ u form ta’ diskors antiki sarrfu biex terġa’ tqum il-kwistjoni tal-vjolenza, diskriminazzjoni u tkissir tal-ħakma Laburista. Flok fittxew it-triq it-tajba, in-nadifa, li tressaq proposti verament ġodda, marru lura lejn kampanja sistematika li taqbad man-nies fix-xejn.
Għandu jkun ovvju għalihom illum li li kieku dik kienet kampanja verament tajba, kieku l-poplu kien jibdel il-Gvern. Il-poplu, żgur mhux forsi, seta’ kellu diversi raġunijiet veri jew apparenti sabiex jibdel. Però għażel li jżommna. Żammna ngħid għax deher mill-iktar ċar li minkejja d-diffikultajiet u d-defiċenzi tagħna, kellna programm politiku u ekonomiku ċar u veru. Kien il-punt determinanti li biddel it-triq sħiħa ta’ l-eventi. Meta l-poplu moderat beda jħares lejn il-kontenut tad-diskors tal-mexxejja għażel lil Lawrence Gonzi.
Il-poplu għażel li jieħu l-politika t-tajba. Dik li tħares li tkun pożittiva u, li biex tkun hekk, hi mibnija fuq il-valuri fundamentali tal-ħajja. F’din l-elezzjoni kien hemm ukoll, indirettament, ġlieda ta’ ħsieb.
Il-Partit Nazzjonalista rnexxielu juri li hu għadu jħaddan dawn il-valuri t-tajba. Li għadu, minkejja kollox, wieħed li għandu direzzjoni ċara. Il-fatt li aħna demokratiċi-nsara wħud ittraskurawh, oħrajn stmerrewh, però l-verità hija li l-prinċipji tagħna ħarġu direttament u indirettament f’diskorsna u f’għemilna. Kienu dawn l-elementi li qalbu l-bilanċ favurna.
Iżda dan mhux biżżejjed. Il-linja politika tagħna sofriet minn persuni li ma għarfux biżżejjed l-importanza tagħha. Uħud immaġinaw li dan huwa biss paraventu jew li hu xi dgħjufija. Smajt indirettament min maqdar lil persuni bħali għax insistejna fuq dan. Illum imma naħseb li jifhmu kemm konna korretti. Il-pajjiż qiegħed f’mumenti determinanti għalih, mhemmx dubju, però jekk irid jimxi ’l quddiem għandu bżonn bnedmin liberi u b’saħħithom li jidħlu fil-kamp politiku mhux għall-popolarità iżda sabiex ifasslu proġett li jġib iktar paċi, libertà u ġustizzja soċjali.
Biex issib dawn il-politiċi futuri trid tinvesti fi programmi li jiffurmaw lin-nies. Trid programmi li jiffurmaw tajjeb, li jippreparaw u jibnu pedamenti ta’ prinċipji sodi. Il-PN irnexxielu jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu proprju għax għad għandu riserva antika. Imma jekk ma jiħux ħsieb jissudaha u jġeddidha, jaf jitlifha. Dan huwa għalhekk mument determinanti għalina wkoll. Wieħed li minnu rridu nkomplu nibnu sabiex niggarantixxu lill-poplu politika tajba – waħda demokristjana. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|