MediaToday

Emmanuel Micallef | 06 ta’ April 2008 Nr 75

Sarima fotokopja

Ma nistax nifhem kif fiż-żminijiet li qed ngħixu llum xi ħadd jgħaddilu mill-garigori ta’ moħħu l-ħsieb li jieħu deċiżjoni biex irażżan id-dritt tal-liberta’ ta’ l-espressjoni.
Kif jista’ jkun li għad hawn min jaħseb biex jagħmel ċensura u jwaħħal sarima ma’ ħalq min għandu interess u dmir li jsemma leħnu? Iktar u iktar ma nistax inniżżilha kif din iċ-ċensura tiġi minn partit politiku li xi darba kien meqjus bħala organizzazzjoni progressiva u xellugija u li issa qed tfittex it-triq tat-tiġdid biex terġa’ ssir kredibbli mal-maġġoranza tal-poplu fuq il-prinċipji ta’ trasparenza u inklussività!
Min hu dan l-għaref fil-Partit Laburista li ħareġ jgħid li l-kontestanti għat-tmexxija tal-partit m’għandhomx jagħtu kummenti lill-ġurnalisti dwar is-sehem tagħhom f’din l-elezzjoni tant importanti? Min hu dan li taħt l-iskuża ta’ viġilanza u dixxiplina jrid joħnoq il-vuċijiet ta’ eluf ta’ partitarji u mijiet ta’ tesserati tal-partit? Dan jaf li qegħdin ngħixu fl-2008?
Kif ma jistħux jikkomunikaw deċiżjonijiet bażwija u bla sens ta’ din il-kwalità! Ma jafux li b’hekk qed jagħmlu ħsara kbira lill-Partit? Min se jemmen lill-MLP li jrid isir iktar trasparenti u miftuħ għal kulħadd meta mbagħad l-ewwel ħaġa li jagħmel hi li jimponi ċ-ċensura fuq min qed jaspira li jista’ jservi l-partit bħala mexxej? Din hi storja tal-mistħija.
Mela l-ewwel inħallu lil uħud mill-kontestanti jsemmu leħinhom ma’ kulħadd u kullimkien imbagħad meta jkun imissu ħaddieħor biex iħabbar in-nomina tiegħu nimxu bil-giljottina, insabbtulu l-bieb f’wiċċu u nordnawlu jagħlaq ħalqu. Anqas fi żmien l-Inkwiżitur ma kienu jsiru kummiedji bħal dawn.
Deċiżjoni bħal din mhix ħlief prova ta’ kemm għad hemm min jiddandan bl-arroganza u bil-manipulazzjoni tal-power of incumbancy. U x’inhi din il-biċċa li l-kummissjoni elettorali maħtura tagħti ruling biex il-kontestanti jkunu jistgħu jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom bil-libertà kollha imbagħad tagħmel u-turn fuq ordni tal-bord tal-viġilanza u dixxiplina? X’serjetà hi din? Possibbli li meta ngħidu l-kummissjoni elettorali għandha l-inkarigu li tara li l-proċess elettorali jkun wieħed trasparenti, effiċjenti u ġust ma tasalx biex twettqu fil-prattika? Ma jirrealizzawx x’messaġġ negattiv qegħdin jibagħtu mhux biss lid-delegat u l-membru tal-partit imma lil kulmin għandu interess isegwi dawn l-iżviluppi fi ħdan il-MLP?
B’dak li għamlu s’issa l-kummissjoni elettorali fil-konfront tad-delegati diġà qed juru li ma jridux jagħtu bidu ġdid lill-Partit Laburista. Jekk hemm okkażjoni fejn il-partit irid jidher li lest li jieħu l-proċess ta’ bidla bis-serjetà żgur li din hija l-okkażjoni opportuna.
Meta l-kandidati għall-elezzjoni tal-mexxej jesponu ruħhom quddiem il-mezzi tax-xandir biex jesprimu l-ideat tagħhom quddiem il-pubbliku diġà jkunu qed juru xi kwalità ta’ mexxejja huma u jibdew jagħtu indikazzjonijiet dwar x’impatt jistgħu jħallu fuq
iċ-ċittadini u allura dwar kemm tista’ tinbena kredibbiltà mill-poplu lejn il-partit. Meta jaffrontaw lill-ġurnalisti l-kontestanti jkunu qegħdin jagħtu xhieda tal-ħiliet tagħhom.
Meta fil-mezzi tax-xandir dehru Joseph Muscat, Michael Falzon u Evarist Bartolo, il-pubbliku u l-iktar l-attivisti u l-partitarji tal-MLP, bdew iqabblu u jirriflettu fuq dak li kellhom xi jgħidu. Erħilha li kien hemm minn xebbagħhom mal-Irxoxt, id-Duluri u ċ-Ċirinew b’diskorshom iżda jibqa’ l-fatt li dan huwa eżerċizzju meħtieġ u healthy sakemm jasal il-mument tal-ħatra tal-mexxej.
Bl-istess mod għandhom ikunu trattati l-kontestanti l-oħra. Il-poplu jrid jisma’ x’għandhom xi jgħidu. Id-delegati u l-membri jridu jixtarru u jiżnu u għalhekk jistennew li l-mezzi tal-medja jintużaw biex jilħqu dan il-għan u mhux isibu lil min juża l-poter biex jagħlqilhom ħalqhom.
Seta’ kien ħaddieħor. Imma George Abela għandu raġun jilmenta li qed isib it-tfixkil. Bir-reżistenza, sottili u mhix, li qed jagħmlulu diġà tawh l-opportunità biex juri xi jsarraf. Fetaħ ħalqu l-ewwel darba u nbdiet diskussjoni fil-partit, u barra minnu, dwar is-sehem li għandu jkollhom it-tesserati li jivvutaw fl-elezzjoni tal-partit.
Fetaħ ħalqu t-tieni darba u wera kemm hemm ħtieġa ta’ bidla sħiħa fil-partit biex il-vuċijiet ta’ kulħadd jinstemgħu bl-istess saħħa u ġustizzja. George Abela għadu ma ħabbarx il-kandidatura tiegħu b’mod uffiċjali u diġa’ poġġa fuq l-aġenda tal-partit kif għandu jkun stmat aktar il-membru u kif għandha titħaddem it-trasparenza u tintuża l-medja għal ġid tal-partit. Bla ma jafu George Abela diġa’ beda jħalli impatt ma’ min għandu ġenwinament l-interess tal-partit.
Iżda fil-partit jista’ jkun hemm min li ma jridx li sseħħ il-bidla meħtieġa. Iżda jrid li sseħħ bidla ta’ konvenjenza. Li tqarraq: minbarra jkun jidher li inbidlu l-uċuh iżda minn ġewwa kollox jibqa’ kif kien. Għax hekk ikun jaqbel lilu u lil ta’ madwaru. B’hekk jibqgħu jipproteġu s-siġġu tal-poter u mhux l-interess tal-partit. U dan is-siġġu ma fihx biss il-magħqad, is-saqajn u d-dahar biss. Għalhekk isibuha bi tqila biex jaċċettaw il-bidla jew biex jitfgħu r-riżenja!
Jekk taħseb li qed nesagera, sejjer żball! Jien diġa għaddejt minnu dan kollu meta ħadt sehem fl-elezzjoni għat-tmexxija fil-GWU. L-istess tattika ntużat fil-konfront tiegħi: silenzju stampa, ċensura, sarima, qlajjiet, manipulazzjoni tal-proċess waqt il-kampanja elettorali u theddid lid-delegati. Għalhekk malli smajt bid-deċizjoni tal-kummissjoni elettorali tal-MLP dwar l-impożizzjoni taċ-ċensura fhimt x’jista’ jiġri u x’se jiġri. L-istess sintomi li għaddejt minnhom jien. Sarima fotokopja.
Jekk il-kontestanti, l-uffiċjali tal-partit, id-delegati u l-membri tal-partit li għandhom rashom fuq għonqhom u li jiftaħru x’boċċi għandhom ma jwaqqfux milli jsiru ħniżrijiet bħal din taċ-ċensura allura f’dal-partit m’hemmx lok ta’ fejqan. Jekk immedjatament mhux se tkun irtirata din id-deċizjoni tas-sarima, anzi jittieħdu iktar deċiżjonijiet fuq l-istess linja, ikun ifisser li kulma se nisimgħu u naraw sal-5 ta’ Ġunju 2008 hu finta. Ikun ifisser li kollox hu maħdum minn wara l-kwinti: bil-plot imfassal; bl-iskript miktub; bl-atturi magħżula; bil-prim attur imħarreġ sew u bid-direttur jidderieġi bl-id moħbija.
Għalfejn isir dan? Biex ta’ ġewwa, ġewwa u ta’ barra, barra! U addio li l-MLP jerġa’ jibda jirbaħ l-elezzjonijiet ġenerali. X’ma jogħrkux idejhom in-Nazzjonalisti!

Nota: Dan l-artiklu nkiteb qabel ma l-Kummissjoni Elettorali tal-MLP irtirat l-ordni tas-silenzju stampa.

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Fl-arena ma’ Jason Micallef

Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti



Il Punt
Jum il-karità: mill-għatba ’l ġewwa
Leonid McKay


Toni u Peppi
Taqbel mas-sħubija tal-Partnership for Peace?



Emmanuel Micallef
Sarima fotokopja


Carmelo Mifsud Bonnici

Żmien determinanti



X'kien Jgħid
L-immunità tal-papri



Wenzu Mintoff

Naħqa ta’ ħmar
Kif jgħid il-Malti, naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema. Imma jien li f’ħajti qajla fittixt li nilħaq is-sema b’idejja, f’mumenti bħal dawn speċjalment, ma niddejjaqx inkun ħmar. Wara kollox il-ħmar huwa wieħed mill-iktar ħlejjaq espressivi u simpatiċi li għandna fil-ħolqien, ta’ paċenzja u manswetudni kbira, avolja xi minn daqqiet jagħti biż-żewġ.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan