Ittri | 06 ta’ April 2008 Nr 75
Minn Joe Masini,
Għawdex
Nagħmel referenza għall-korrispondenza li dehret il-Ħadd 30 ta’ Marzu minn James Piscopco bit-titlu ‘Delegati jew tesserati?’
Piscopo jgħid li d-delegati huma persuni li jkunu membri tal-kumitati distrettwali jew lokali tal-Partit Laburista u nies li huma midħla sew tal-partit u li ħafna minnhom iqattgħu parti mill-ħin liberu tagħhom jaħdmu għall-Partit Laburista.
Membru tal-partit skond Piscopo jista’ jkun kulħadd, dawk kollha li juru x-xewqa li jidħlu membri u li jkunu lesti jħallsu miżata żgħira fis-sena. Ma naqbilx.
Jien nemen li biex tkun membru fil-Partit Laburista għandek tkun taqbel ma’ l-iskop tal-partit li jxerred u jwettaq il-fehmiet u t-twemmin Soċjalista demokratiku għall-ġid tal-poplu Malti kollu u l-aktar tal-ħaddiema ta’ l-id u tal-moħħ.
Jekk il-Partit Laburista għandu membri miegħu li ma jħaddnux dawn il-prinċipji għamel ħażin min aċċetta jew qed jaċċetta l-miżata tagħhom.
Naħseb li jaf li hemm persuni oħra membri li mhumiex delegati u li wkoll jqattgħu ħafna ħin jaħdmu għall-Partit Laburista. Naħseb li jekk inhu midħla sew tal-partit jaf li xi drabi persuni membri li mhumiex delegati jkunu ta’ servizz lill-partit ferm iktar minn min hu delegat.
Bejn wieħed u ieħor il-Partit Laburista għandu madwar 35,000 membru. Il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġab voti ħafna iktar minn hekk. Allura jidher b’mod l-iktar ċar li mhux kulmin hu Laburist jew jivvota MLP hu membru tal-Partit Laburista.
Qal sew li d-delegati jinħatru mill-membri f’konferenza ġenerali kull sena fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Allura huma l-membri mħallsa li qed jagħmlu d-delegati meta dawn jagħtuhom il-fiduċja tagħhom. X’hemm ħażin li dawn l-istess delegati f’konferenza ġenerali straordinarja jroddu l-fiduċja lura lill-membri biex dawn ikunu jistgħu jivvutaw
għall-mexxej jew
għat-tmexxija tal-partit.
Wara kollox il-membri tal-partit ma jħallsux miżata żgħira biss kull sena imma dawn huma l-istess nies li minbarra li jagħmlu ħafna xogħol jgħinu waqt
il-kampanja elettorali,
fil-ġbir u f’ħafna attivitajiet oħra organizzati mill-Partit Laburista fid-distretti kollha
Ħalli nagħmluha ċara. Għalkemm naqbel li għandhom jivvotaw it-tesserati tal-partit ma naqbilx li għandhom jivvvutaw dawk tal-passa li daqqa jkunu Laburisti u daqqa jkunu kontra għax l-għażla tal-mexxej m’għandhiex titħalla f`idejn dawn in-nies. Lanqas għandu jkollu d-dritt li jieħu sehem f’elezzjoni simili min ikun ħallas it-tessera l-ewwel darba.
Għandha tinstab it-triq tan-nofs. Għax x’fiha ħażin li persuni tesserati għal iktar minn ħames snin konsekuttivi li jinteressaw ruħhom fil-Partit Laburista jkollhom id-dritt li jieħdu sehem f`votazzjoni għall-għażla ta’ mexxej?
Tkun elezzjoni iktar demokratika li fiha jkunu involuti iktar nies u r-responsabbiltà tat-tmexxija jkunu qed jerfgħuha iktar persuni. Forsi b’sistema ġdida bħal din jonqsu wkoll il-klikek u ċ-ċrieki.
Jekk illum jinbidel l-istatut tal-partit ma jkun ifisser
bl-ebda mod li l-Partit Laburista jkun rabat idejh u saqajh għall-futur. Il-Partit Laburista dejjem jibqagħlu dritt li meta jħoss il-ħtieġa jerġa’ jagħmel it-tibdiliet neċessarji fl-istatut tiegħu.
Ftit tas-snin ilu d-delegati kienu d-doppju ta’ dawk li huma llum. Meta l-partit ħass il-bżonn biddel l-istatut u ma ġara xejn.
Anzi hekk għandu jsir biex il-Partit Laburista jaġġorna ruħu maż-żminijiet li jagħmel it-tibdiliet neċessarji kulmeta jinħass li jkun hemm bżonn. Issa żgur li jinħass dan il-bżonn għax il-partit diġà tilef tliet elezzjonijiet wara xulxin u jinsab għaddej minn diżastru.
Mill-esperjenza tiegħi bħala eks Segretarju tal-kumitat distrettwali tal-MLP għal Għawdex, l-inqas li ddejjaqni hi tat-tesserati doppji.
L-ewwelnett dawn mhumiex ħafna u huma nies li ma jiħdux sehem fl-elezzjonijiet ta’ din ix-xorta għax ikunu nies li ma jkunux iridu jidhru la ma’ partit u lanqas ma’ ieħor. Ikunu tesserati doppji għax sempliċiment ikunu jridu jieklu b’żewġt iħluq.
B’dawn l-emendi fl-istatut tal-partit biex fl-għażla
tal-mexxej jivvutaw il-membri u mhux id-delegati biss tista’ wkoll iġġib żieda fl-isħubija.
Għandu jkun hemm skrutinju rigoruż fuq persuni ġodda li japplikaw biex jissieħbu membri biex il-partit ma jimteliex bl-opportunisti. Dawn huma t-tesserati li semma Piscopo, li daqqa jkunu interessati mill-partit u daqqa le. Iżda anki fost
id-delegati u l-uffiċjali
tal-partit jista’ jkun issib nies hekk.
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|