Ittri | 06 ta’ April 2008 Nr 75
Minn Randolph De Battista,
Iklin
Jekk kien hemm aspett pożittiv li ħareġ mir-riżultat ta’ l-elezzjoni ġenerali ta’ xahar ilu kien it-tiġdid fil-politika b’mod ġenerali.
Din is-sena se tibqa’ mfakkra għat-tibdil kollu li għaddej fil-politika. Apparti n-numru ta’ deputati żgħażagħ u uċuħ ġodda li ġew eletti fil-Parlament miż-żewġ naħat, bla dubju hemm il-kwistjoni tat-tmexxija tal-Partit Laburista.
Din il-kwistjoni diġà qed tqanqal diskussjoni interna u anke fuq bażi nazzjonali dwar it-tibdil li għandu bżonn jgħaddi minnu l-Partit Laburista.
Il-poplu qed jistenna li l-Partit Laburista jkun dak il-partit li joffri sfida serja lill-Gvern għat-tmexxija tal-pajjiż. Il-poplu qed jistenna li l-Partit Laburista jkun iktar inklussiv u jilqa’ fi ħdanu lil kulħadd. Hemm bżonn li tabilħaqq tiġi prattikata l-għajta li min mhux kontra tagħna hu magħna.
Wieħed jistenna wkoll li l-Partit Laburista jneħħi kull dubju minn moħħ in-nies dwar il-pożizzjoni fuq is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għax għad hemm persuni li mhumiex konvinti.
Il-mexxej il-ġdid irid jirrispondi darba għal dejjem dwar min rebaħ ir-referendum biex il-ġurnalisti mbagħad ikollhom mistoqsijiet aktar denji x’jistaqsu.
Però jekk il-Partit Laburista jrid ikun fil-Gvern jeħtieġ li jiffoka aktar fuq xi setturi li nemmen li fl-aħħar snin ma tahomx l-importanza meħtieġa. Dwar is-settur tal-klassi medja norbot magħhom dawk li nsejħulhom il-floaters. Il-Partit Laburista ma jistax jibqa’ jappella biss għall-partitarji ta’ l-attivitajiet tal-massa.
Hemm bżonn li l-politika Laburista tiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-klassi medja u tikkonvinċi lil dawk li mhumiex Laburisti. Dan ma jistax isir għad-detriment tal-partitarji leali iżda żgur li l-mexxej il-ġdid għandu jkun wieħed li jsib dan il-bilanċ.
Is-settur l-ieħor li din is-sena ntrebaħ mill-Partit Nazzjonalista hu taż-żgħażagħ. Jeħtieġ li ż-żgħażagħ, sa mill-età żgħira jħossu li l-Partit Laburista qed joffrilhom ħajja aħjar minn kull lat.
Il-mexxej li se jintgħażel f’Ġunju li ġej jeħtieġ li jkun wieħed li ż-żgħażagħ jirrelataw irwieħhom miegħu u mhux persuna li iktar ibegħidhom. Għandu jkun persuna li jaħsibha b’mod żagħżugħ u jifhem l-aspirazzjonijiet tagħhom. Nemmen li jekk jaħseb b’mod żagħżugħ ikun jista’ jġib il-bidla li hemm bżonn.
La hi elezzjoni biex jinbidel il-mexxej wieħed jistenna li l-mexxej elett ikun verament persuna ġdida. Dan hu ċ-ċans biex id-delegati tal-Partit Laburista jagħżlu dak il-mexxej li għandu viżjoni mhux biss għall-partit iżda għal pajjiżna.
Dan hu ċ-ċans biex isiru t-tibdiliet neċessarji li kulħadd jitkellem fuqhom minn żmien għal żmien. Il-bidliet li se jsiru issa se jkunu qed jaffettwaw l-andament tal-Partit Laburista fiż-żmien li ġej, kif ukoll, iktar importanti, tal-pajjiż kollu kemm hu.
Jeħtieġ li wieħed iħares lejn dak li jistgħu joffru l-kandidati kollha għaliex kulħadd għandu x’joffri. Iżda mbagħad l-għażla taqa’ fuq dak li kapaċi jgħaqqad lil kulħadd u jikkonvinċi biżżejjed persuni. L-għażla għandha tkun fuq dak li bil-viżjoni tiegħu jġib lill-Partit Laburista bħala l-għażla tal-poplu Malti u Għawdxi, mhux għax il-PN ilu fil-Gvern, iżda għax tabilħaqq joffri ħajja aħjar. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|