Ittri | 06 ta’ April 2008 Nr 75
Minn Saviour Cachia,
Marsaskala
Il-5 ta’ Ġunju meta se ssir l-għażla tal-Mexxej Laburista ġdid dalwaqt magħna. F’dan il-mument diffiċli tistaqsi jekk hux se tkun għażla esklussiva tad-delegati tal-partit jew inkella hux se tkun għażla iktar miftuħa li tinvolvi wkoll it-tesserati.
Naqbel mija fil-mija li l-għażla tal-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista għandha ssir mid-delegati u l-membri tesserati. Fil-każ ta’ dawn ta’ l-aħħar nara li għandhom ikunu eliġibbli biex jivvutaw dawk li kienu membri mħallsa sal-31 ta’ Diċembru, 2007.
Qrajna li qed tinġabar petizzjoni biex titlaqqa’ konferenza ġenerali straordinarja ħalli tkun diskussa din l-eventwalità u t-tibdil kollu relatat magħha.
Għall-kariga qed juru interess numru ta’ persuni, wħud minnhom diġà ħabbru l-ħsieb tagħhom uffiċjalment filwaqt li oħrajn għadhom jikkunsideraw il-pożizzjoni tagħhom.
Nirrispetta l-fehma ta’ kulħadd u ċertament nawgura li l-għażla tal-mexxej il-ġdid tkun waħda li jkollha sostenn qawwi warajha.
Għalhekk nappoġġa l-ħsieb li fl-elezzjoni tal-mexxej il-ġdid jieħdu sehem id-delegati u t-tesserati aġġornati.
X’hemm isbaħ milli l-mexxej il-ġdid ikollu appoġġ qawwi ta’ delegati u membri tesserati wara dahru? Għaliex qed ninħlew nippruvaw niġġustifikaw kull imblokk ta’ proposta simili billi nitqabblu ma’ kif il-Partit Nazzjonalista għażel il-mexxej tiegħu jew inkella billi ntennu li hemm diffikultajiet loġistiċi li ma jippermettux li proposta valida bħal din issir immedjatament fl-għażla tal-mexxej il-ġdid Laburista?
Minn partit modern u Gvern alternattiv kif dejjem ipproġettajna ruħna ma’ l-elettorat nistenna li hemm mod kif jinstab rimedju għal dawn il-problemi loġistiċi.
Minn dak li tisma’ u taqra tieħu l-impressjoni li l-Partit Laburista għandu numru kbir ta’ msieħba li huma wkoll tesserati mal-Partit Nazzjonalista u dawn jistgħu jwasslu biex lill-partit ibellgħulu mexxej li jkun għall-konvenjenza tan-Nazzjonalisti iktar minn tal-Laburisti.
Allaħares il-Partit Laburista jinsab f’din is-sitwazzjoni allarmanti għaliex bla ma trid ikollok tgħid li ninsabu fi stat ta’ konfużjoni totali li finalment ma tissorprendix ruħek li l-istħarrig li kellu l-partit kien jagħtih vantaġġ ta’ eluf ta’ voti fuq il-Partit Nazzjonalista meta dan ma kienx il-każ.
Mhux ta’ b’xejn li r-riżultati ta’ l-istħarriġ ingannaw lil kulħadd u wasslu biex fil-ġimgħat tal-kampanja elettorali, kif qalu wħud mill-membri ta’ l-eżekuttiv, waqajna f’kompjaċenza liema bħalha.
Imma b’rispett tal-persuni ikkummissjonati biex janalizzaw ir-raġunijiet li wasslu għat-tielet telfa fuq xulxin tal-Partit Laburista ma ninħeliex fuq x’mar ħażin jew x’seta’ sar aħjar.
Ikun min ikun il-persuna magħżula biex tmexxi l-MLP minn qalbi nawgura li jkun jew tkun persuna li tmexxina biex fl-2013 nirbħu t-tmexxija tal-pajjiż.
Biss għall-aħjar ġid tal-Partit Laburista nistenna li l-kontestanti kollha għandhom jimbuttaw l-idea li fl-elezzjoni għandhom jivvutaw id-delegati u l-membri tesserati.
Bħalissa qed naraw lil uħud mill-kontestanti jinħbew wara l-paraventu li lesti jikkontestaw taħt kull sistema.
Għala ma jitkellmux ċar u joħorġu bi ħġarhom favur vot lit-tesserati wkoll?
Jekk se nsibuha daqstant bi tqila biex nippronunzjaw ruħna fuq xi ħaġa li tolqot direttament lill-partit, x’se nagħmlu meta niġu biex nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ persuni li qed jikkoabitaw, persuni gay u oħrajn maqbuda f’sitwazzjonijiet skabrużi, li fl-aħħar mill-aħħar huma kwistjonijiet sensittivi u skomdi?
Ma nistax ma nħossnix diżappuntat li fost l-ideat li qed jissemmew kważi hemm nuqqas ta’ rispett lejn membri anzjani tal-partit. Jekk kandidat li sa l-2013 ikun qrib l-età ta’ 60 sena diġà qed jitpinġa li jkun xiħ.
Kulħadd għaddej bl-għajta li rridu nkunu partit taż-żgħażagħ. Mela biex tkun modern fi ħsibijietek bilfors trid tkun żagħżugħ?
Allura għaliex ma nibdlux l-istatut u niddikjaraw li tista’ tkun tesserat tal-Partit Laburista jekk ma tkunx qbiżt il-55 sena?
Safejn naf jien il-Partit Laburista hu partit li stqarr kemm-il darba li ħadd mhu għar-rimi. Allura issa minn wara t-8 ta’ Marzu persuna li turi l-ħsieb li lesta tikkontesta għall-ħatra ta’ mexxej tal-partit u li llum għandha 54 jew 55 sena, hi xiħa?
L-MLP għandu jagħti eżempju prattiku ta’ l-inklużjoni, billi l-kandidati jagħmlu ħilithom biex jimbuttaw proposta li biha turi l-vantaġġi li jista’ jkun hemm f’votazzjoni li fiha jieħdu sehem id-delegati u wkoll il-membri tesserati.
Ma nħallux li jieħdu l-għeruq ċerti impressjonijiet li qed issir ċerta oppożizzjoni għal din il-proposta għax xi individwi fl-Amministrazzjoni jridu jimbuttaw lit-tali kandidat u mhux l-ieħor għax huma mdarrsa bil-kandidatura potenzjali ta’ xi individwi oħrajn. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|