Intervista | 06 ta’ April 2008 Nr 75
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Għal mument tistħajjlek fl-Arka ta’ Noe. Alfred Grixti flimkien ma’ martu Angela għadhom kemm spiċċaw mill-ħidma tagħhom it-tnejn bħala Assistent Kap ta’ skola. X’ħin jiftħu l-bieb ta’ barra jilqagħhom Buddy, il-kelb ġinġer, li meta kien ġeru xi ħadd remieh u sab il-kenn għand il-familja Grixti. Imbagħad min-naħa għall-oħra jħufu ħamest iqtates.
L-intervista kollha nagħmluha f’dan l-ambjent, bil-kelb daqqa jitla’ fuq in-notebook, daqqa jtella’ saqajh ħdejn il-biro u daqqa jilgħab mal-lenti tal-fotografu tagħna.
Nhar l-Erbgħa li għadda fil-gazzetta MaltaToday Grixti, li għadu kemm laħaq Viċi Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, ikkonferma li ħiereġ għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista u li se jikkontesta lil Jason Micallef.
Dakinhar qal ukoll li filwaqt li Lawrence Gonzi kellu warajh lil Joe Saliba, Alfred Sant li għamel xogħol tajjeb ħafna, ma kellux warajh raġel ta’ l-istess kalibru ta’ Saliba!
Nistaqsieh x’kien hemm ħażin f’Jason Micallef li ironikament fl-2003 kiseb biss 19-il vot aktar minnu u laħaq hu Segretarju Ġenerali.
“Ma rridx inkun personali. Ejja nitkellmu fuq campaign team. Il-Partit Nazzjonalista kellu lil Joe Saliba, Louis Galea u Austin Gatt. Magħhom ukoll Richard Cachia Caruana. Aħna ma nafux min kien il-campaign team tal-Partit Laburista,” jispjega.
“Nafu li xi forma ta’ tim kien hemm. Imma żgur mhux high powered fl-organisational skills bħalma kien tan-Nazzjonalisti,” jinsisti.
“Lil Joe Saliba f’Ħaż Żebbuġ kulħadd jafu bħala bennej. Imma ta’ 30 sena għaraf li hemm xi ħaġa nieqsa u mar l-Università. It helps speċjalment fil-politika!”
Qed tgħid li Jason Micallef ma kienx ta’ livell għax ma marx l-Università, nistaqsih, daqsxejn sorpriża bi kliemu.
Kulma jagħtini hi daħka sarkastika u jiftaħ idejh.
Wara ftit jgħidli: “Issa kulħadd jifhem hu.”
Il-mistoqsija kważi awtomatika hi x’jaħseb li kienu l-fatturi li wasslu għal telfa Laburista.
“Naħseb li kellna trijonfaliżmu żejjed u ħadna kollox forgranted. Deherna iżżejjed ċerti li se nirbħu u din ġabet kompjaċenza. Ħa nispjegalek dan b’aneddotu,” iwieġeb filwaqt li jispjegali x’ġara lil wieħed li jaf hu. Din il-persuna għandha qarib f’siġġu tar-roti u rraġunat li la kienet ġejja rebħa ta’ 14,000 vot għall-Partit Laburista l-vot taz-ziju ma kienx se jinħass u allura ma kellux għalxiex imur jivvota.
Nistaqsi lil Grixti x’jaħseb li kien l-akbar falliment tal-Partit Laburista fil-kampanja elettorali.
“Jien naħseb li l-Partit Laburista kellu parti mill-operazzjoni tiegħu li ma ħadmitx. Ma kellux ir-rapid response. Din għallimhielna Phil Nobel u qrajt fuqha wkoll!” iwieġeb b’referenza għall-konsulent Amerikan li kien inġab mill-MLP għall-elezzjoni tal-1996.
“Malli l-avversarju jattakka, trid twieġeb fi żmien siegħa jew inqas!” jispjega.
Imbagħad jakkuża lill-Partit Laburista li tul il-kampanja elettorali wera nuqqas ta’ strateġija.
“Jien wieħed mir-rwoli tiegħi fuq bażi personali kien li kont fit-tim ta’ advisors ma’ Karmenu Abela. Konna nies minn setturi differenti, min involut fil-partit, min mill-Università, min mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Kellna t-tweġibiet kollha fuq tar-reception class meta n-Nazzjonalisti ivvintaw l-affari tar-repeater class. Din hi eżempju ta’ kif ma konniex ingranati,” jakkuża Grixti.
“Kellna t-tweġibiet kollha. Li kieku ħriġna mill-ewwel konna noqtluhielhom mill-ewwel. Ried ikun hemm xi ħadd direttament fuq campaigning. Dik m’eżistietx safejn naf jien. Jekk m’eżistietx fis-settur ta’ l-edukazzjoni naħseb m’eżistietx f’oqsma oħra!”
Nistaqsieh jekk tul dawn l-aħħar xhur kienx jiġbed l-attenzjoni ta’ dawn in-nuqqasijiet jew ta’ oħrajn u jekk kienx jingħata widen. Imma għall-mistoqsija tiegħi nirċievi mistoqsija oħra lura.
“Kien hemm forum?” jistaqsieni.
Lanqas fl-eżekuttiv li int tagħmel parti minnu, nerġa’ nistaqsieh.
F’daqqa waħda minn imkien illendjat fuq ħoġri kalzetta mimlija b’xi bċejjeċ. Ġabha Buddy. Sekonda wara l-kelb qagħad bilqiegħda ħdejja. Wasal ħin il-logħob naħseb bejni u bejn ruħi. Imma għad fadlilna ħabib għax qtajna xi ħaġa fin-nofs.
“Jien kont involut sa rasi bil-maltastar.com. Lejn l-aħħar kont inkun skużat mill-eżekuttiv għax ma stajtx fiżikament ninqasam. L-impressjoni li kelli kienet li hemm tim li qed imexxi u li nħallu f’idejh,” kompla Alfred Grixti.
“Biex inkun fair, lejn l-aħħar tal-kampanja elettorali, Mario Vella li mid-dehra kellu x’jaqsam mar-reklamar bl-Ingliż, il-Ġimgħa ta’ l-aħħar ġimgħa ta’ qabel l-elezzjoni, mill-inizjattiva personali tiegħu staqsieni x’naħseb mir-reklamar bl-Ingliż.
“Kienet sorpriża għalija li Mario kellu x’jaqsam f’din il-kampanja,” jgħid Grixti li stqarr li fl-1996, fl-1998 u fl-2003 ir-reklamar kollu bl-Ingliż kienu jieħu ħsiebu hu flimkien ma’ Mario Vella u tim ta’ disinjaturi.
Alfred Grixti isemmi problemi oħra li ltaqa’ magħhom.
“Imbagħad ikollok bottle necks. F’Ħaż-Żebbuġ bħala Kumitat Lokali ridna nagħmlu billboard b’ritratt tal-kandidati kollha tal-partit għall-kunsilli lokali u dawk għall-elezzjoni ġenerali. Għadhom sa llum ma ġewx lura bi tweġiba!”
Ikkritika l-operat taħt Jason Micallef imma jekk ikun elett hu f’din il-kariga x’se jagħmel differenti minnu?
“Jien definittivament l-enfasi tiegħi se tkun fuq politika ta’ bieb aktar miftuħ, aktar aċċessibbiltà. Jien irrid li kulħadd ikun abbord. Jekk hemm nies li jridu jaħdmu hemm post għal kulħadd. Ix-xogħol li hemm quddiemna tant hu kbir li hemm bżonn ta’ kulħadd,” tkun it-tweġiba li nieħu lura.
“Nemmen ħafna li wasal iż-żmien li niftħu d-diskussjoni fuq il-finanzjament tal-partiti. Għandu jkun hemm finanzjament mill-Istat. Il-ġbir mill-partiti jibqa’ għax hu konferma ta’ kemm partit ikun viċin in-nies,” jargumenta r-raġel.
“Tgħidli x’jagħmel l-MLP bil-flus? Hemm bżonn ristrutturar tal-kumpaniji kollha tal-partit inkluż fil-maltastar, il-gazzetta Kulħadd u ONE Productions. Għandu jkun hemm kap eżekuttiv wieħed. Bħalissa anke jekk tmur għal reklam għal maltastar issib li tkun qed tikkompeti ma’ l-istess mezzi tal-partit tiegħek. Fejn jidħol reklamar medialink għandhom diġà din is-sistema.
“Naħseb ukoll li hemm tqassim ħażin ta’ riżorsi fil-kumpaniji. Fil-gazzetta Kulħadd li toħroġ darba fil-ġimgħa għandek editur, żewġ ġurnalisti investigattivi full time, xi żewġ persuni oħra biex jagħmlu inputting, bejn ħamsa u sitt persuni. Il-Maltastar, li toħroġ sitt darbiet fil-ġimgħa, tiddependi biss fuq żewġ persuni full-time. Veru li hemm il-kontibuturi imma l-bilanċ mhux hemm qiegħed.”
Imbagħad isemmi kritika oħra diretta għall-istrutturi tal-Partit.
“Bħala partit modern għandu bżonn Direttur tal-Komunikazzjoni. Aħna għandna campaign manager u media officier imma mhux biżżejjed.”
Kritika wkoll lejn is-surveys tal-Partit Laburista.
“Jien ma rajtx il-polls imma b’mod persistenti kien hemm għidut li l-MLP kien se jkollu rebħa b’marġini wesgħin,” jgħid Alfred Grixti.
Nistaqsieh jekk qattx kienu mgħarrfa b’dawn is-surveys.
“Qatt ma kienet prattika li s-surveys jiġu diskussi fl-eżekuttiv. Tgħidli fl-amministrazzjoni taqbel? Jekk inkun Segretarju Ġenerali nitlob li min jagħmel dawn il-polls jagħmel presentation u jfehimna l-figuri.”
Bħalissa Alfred Grixti hu l-konsulent tal-ġurnal elettroniku tal-Partit Laburista maltastar.com
Se jibqa’ jokkupa din il-kariga sakemm tintemm it-tellieqa għall-elezzjoni għal ħatra ta’ Segretarju Ġenerali? Jista’ jkun hemm min juri dubju dwar kunflitt ta’ interess u żvantaġġjar ta’ kandidati fl-istess tellieqa.
“L-ewwelnett it-titlu ma jfisser xejn. Attwalment jien meta jkolli storja bħalma kelli f’dawn il-jumejn niffirmaha. Jekk iħossu li qed nieħu vantaġġ jien dejjem lagħabt skond ir-regolamenti u nieqaf. Il-maltastar mhix il-baby tiegħi imma hi viċin ħafna għal qalbi,” tkun it-tweġiba filwaqt li minn fuq l-iskrivanija joħroġ il-programm uffiċjali ta’ l-Awards tas-sena li għaddiet imtella’ mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
“Il-fatt li bħala gazzetta elettronika rbaħna dan l-award ifisser ħafna għalija.”
Indawwar is-suġġett fuq il-ħatra ta’ mexxej Laburista. Hu personalment jaqbel li għandu jitwessa’ ċ-ċirku ta’ nies li jistgħu jivvutaw?
Lura nieħu daħka u pawsa.
“21 sena ilu wara l-elezzjoni tal-1987 għidt li t-tesserati kollha kellhom jivvutaw. Kont vuċi solitarja għax ma kienx hemm qbil fuqha. Dak iż-żmien lanqas fl-Ewropa ma kienet popolari,” tasal ftit wara t-tweġiba.
Imbagħad jgħidli li meta riċentement George Abela issuġġerixxa li ma jkunux biss id-delegati li jivvutaw ħafna ħasbu li xi ħaġa li ħareġ biha Abela. Fil-verità madwar sentejn ilu l-kumitat lokali ta’ Wied il-Għajn ġab il-kunsens fuqha u fit-Tielet Distrett qed jitħabtu biex iġibu aktar appoġġ.”
“Jien personalment naqbel li għandha tidħol sistema ġdida fejn ikunu jistgħu jivvutaw aktar nies imma naħseb li din il-bidla m’għandhiex tidħol minn din id-darba iżda minn ta’ wara.”
Iżda Grixti jfakkarni li jekk jinġabru mqar 10 fil-mija firem tad-delegati, ekwivalenti bejn wieħed u ieħor għal 100 vot, tista’ tintalab Konferenza Ġenerali Straordinarja.
Nieħdu lura għall-2003 u nistaqsieh jekk meta dak iż-żmien Alfred Sant tefa’ r-riżenja tiegħu qabilx li Sant dawwar dik id-deċiżjoni meta l-MLP seta’ dak iż-żmien kellu bidu ġdid b’mexxej ġdid.
“Fl-2003 jien qbilt li Alfred Sant joħroġ għal leader u żbilanċjajt ruħi fil-mod kif ħriġt naħdem għalih. Jien nibqa’ ngħid li Alfred Sant hu the best Prime Minister that Malta never had,” tkun it-tweġiba.
Imma meta juża l-kelma ‘żbilanċjajt’ mhux qed jagħmel ammissjoni?
“Għandi ċertu regret li għal ċertu żmien ma’ Anġlu Farrugia, li kien fit-tellieqa wkoll għall-mexxej ma konniex on good terms. Issa din ippeċċjata,” jirrispondi Alfred Grixti.
Imbgħad jitkellem dwar rimorsi li għandu.
“Fl-1996 fl-eżekuttiv jien ivvutajt favur elezzjoni bikrija. Jekk nista’ nieħu tort hu li tajna ċans lill-Partit Nazzjonalista jirkupra. With hindsight ngħid li kieku għamilna l-elezzjoni f’nofs Ġunju jew f’nofs Lulju konna naħsduhom u kien ikollna riżultat aktar favurina.”
Lura għall-ħatra ta’ mexxej ġdid jaqbel li jkun hemm kandidati li bħalissa huma barra l-partit?
“Jien naqbel mal-prinċipju li ħadd mhu għar-rimi. Kulmin hu Laburist jista’ joffri ruħu.”
“Jien lest li nservi ma’ min ikun leader. Il-lealtà għalija hi importanti. Jien magħruf bħala tifel tal-Partit.”
S’issa diġà kien hemm kontestanti għall-mexxej li ferħulu għall-pass li se jagħmel.
“Michael Falzon kellimni u qalli ‘nawguralek li qed toffri s-servizzi tiegħek’. Qalli li jekk ikun hu mexxej kapaċi jaħdem miegħi. Joseph Muscat ċempilli wkoll. Ħa gost ħafna bil-mod li se noqgħod newtrali u li mhux se nuri simpatija lejn kandidat jew ieħor.”
Nistaqsieh jekk George Abela kellmux wara li Grixti ħareġ fil-beraħ l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.
“Le. Imma wara ċ-ċerimonja ta’ Jum il-Ħelsien fil-Birgu kellimni. Kellna relazzjoni tajba fil-passat.”
“Kif jgħidu t-Taljani hemm l’imbarazzo della scelta. L-ismijiet li qed jissemmew kollha validi u għandhom ħafna x’joffru.” |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|