MediaToday

Il Punt - Leonid McKay | 06 ta’ April 2008 Nr 75

Jum il-karità: mill-għatba ’l ġewwa

Żewġ ġenerazzjonijiet ilu l-fqar kienu jiġu jħabbtu fuq il-bibien tagħna u kienet xi ħaġa komuni li naraw persuni jittallbu fit-toroq Maltin. Il-fqar kienu viżibbli u ħadd ma ħass il-bżonn li jiskopri fejn huma l-fqar.
Illum m’għadniex nistennew tallaba jiġu jħabbtu l-bieb jew jittallbu fit-toroq.
Il-proċess inqaleb u hu d-dmir tagħna li niskopru fejn u min huma l-foqra u x’inhuma d-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Hekk stqarr Dun Benny Tonna f’wieħed mill-aħħar ħidmiet tiegħu fl-Osservatorju tal-Faqar madwar 10 snin ilu.
Illum, kemm għadu jgħodd dan il-kliem? X’inhuma l-uċuh ġodda tal-faqar? Xi tfisser li nagħmel karità ma’ min qed jesperjenza diffikultà jew miżerja fil-komunitajiet affluwenti Maltin?
Ibbażajt din il-kitba fuq riċerka soċjali li saret m’ilux f’lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta u se nipprova nitfa’ ftit dawl fuq dawn il-mistoqsijiet urġenti.
Ma nistax ma nibdiex billi ngħid li fortunatament il-kultura karitattiva favur il-persuna fid-diffikultà hi waħda ta’ min japprezzaha. Biżżejjed wieħed iħares ftit madwaru fuq il-livell ta’ komunità u malajr jinduna kemm individwi u gruppi organizzati, mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, qed jagħmlu ħidmiet ma’ nies fid-diffikultà fuq bażi volontarja.
Fid-dawl ta’ evalwazzjoni li għadha kemm saret minn Caritas Malta, jidher ċar li fil-komunitajiet tagħna hemm ħafna u ħafna ħidmiet li qed isiru ma’ familji fil-bżonn, ma’ anzjani u morda fid-djar jew sptarijiet, ma’ persuni b’xi forma ta’ diżabbiltà, ma’ ommijiet jew missirijiet mhux miżżewġin, ma’ żgħażagħ bi problemi ta’ sustanzi illegali, ma’ nisa msawwtin, refuġjati u ħafna ħidmiet oħra ma’ gruppi vulnerabbli.
Dan hu konferma ċara ta’ dak li qal id-dokument Djakonija u Ġustizzja, li l-Knisja f’Malta għandha tradizzjoni twila ta’ ħidma favur dawk li huma fil-bżonn.
Xi xhur ilu kelli l-opportunità li nikkoordina riċerka soċjali f’komunita partikolari. L-għan ewlieni kien li tkun studjata r-realtà soċjali ta’ madwar 100 familja. Saret analiżi ta’ x’inhuma l-bżonnijiet,
il-limitazzjonijiet, ir-riżorsi u l-aspirazzjonijet ta’ dawn il-familji.
Dawn il-familji ntgħażlu minn lista ta’ familji li qed igawdu minn proviżjoni ta’ ikel mill-parroċċa. Il-metodu użat kien wieħed kwalitattiv u l-informazzjoni nġabret permezz ta’ żjarat fid-djar ta’ dawn il-familji.
Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka jagħtu stampa kumplessa tar-realtà soċjali li qed jgħixu fiha dawn il-familji Maltin. Hu interessanti l-fatt li ħarġu erba’ kategoriji ġenerali ta’ faqar: faqar relatat ma’ xogħol jew aħjar in-nuqqas tiegħu, problemi ta’ saħħa fiżika u mentali, relazzjonijiet familjari u wkoll ma’ temi ta’ anzjanità.
Minkejja l-fatt li r-riżorsi finanzjarji u materjali kienu l-akbar bżonn fost dawn il-familji, ħareġ fid-deher li hemm forom oħrajn ta’ faqar li jeħtieġu jiġu indirizzati. Hu imperattiv li ngħid li kull familja, kull każ, kellu esperjenza unika ta’ faqar.
Minbarra d-diffikultajiet finanzjarji u materjali, rifless f’kundizzjonijiet inadekwati ta’ housing, li magħhom qed iħabbtu wiċċhom familji mingħajr xogħol, ħareġ ċar li din hi biss il-qoxra
tal-problema.
Ħafna stqarru li qed isibu diffikultà jlaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum u jiddejnu
mal-ħwienet tal-merċa
għall-bżonnijiet tagħhom.
Il-faċċata l-oħra turi li hu probabbli ħafna li dawn
il-persuni qed jirrikorru għal ħajja aktarx irresponsabbli, fost dawn l-użu abbużiv ta’ sustanzi llegali, self ta’ flus mill-idejn b’interessi għoljin u logħob ta’ l-azzard. Ingħatat ukoll indikazzjoni li l-istress fil-familja qed iżid il-probabbiltà ta’ vjolenza domestika. Dan ifisser li dan hu fenomenu kumpless li jaffetwa mhux biss
il-kwalità tal-ħajja, minn aspett materjali jew ekonomiku, imma wkoll l-attitudni bejn il-membri tal-familja u wkoll fil-konfront tas-soċjetà kollha kemm hi.
Wiċċ akut ieħor tal-faqar, hi l-esperjenza ta’ familji li xi membri minnhom għandhom problemi ta’ diżabbiltà.
Il-problema ta’ mediċina għolja dehret li qed tkun pjaga soċjali għal dawn il-familji. Iktar minn hekk inħass li qed tinstab diffikultà ta’ parteċipazzjoni f’kull qasam tal-ħajja, kemm jekk hu xogħol, edukazzjoni jew mod kif jeżerċitaw il-ħin liberu tagħhom.

Fenomenu ieħor li ħareġ ċar hu l-faqar fejn jidħlu r-relazzjonijiet. L-aktar gruppi vulnerabbli huma l-ommijiet/missirijiet mhux miżżewġin, vittmi ta’ vjolenza domestika u l-inċidenza dejjem tikber ta’ persuni għaddejjin minn proċessi ta’ separazzjoni. Dan jidher li qed ikollu impatt serju fuq l-edukazzjoni ta’ l-ulied. Qed ikun hemm ħafna effetti trawmatiċi b’riżultat ta’ abbużi psikoloġiċi u saħansitra abbużi fiżiċi.
Komuni ħafna hi t-tendenza li dawn il-familji jduru lejn il-ġenituri tagħhom għall-kenn, kemm bħala appoġġ materjali u wkoll dak emozzjonali.
Ġenituri anzjani għandhom rwol importanti ħafna fil-lokalitajiet. Jidher ċar li ġenituri anzjani qed jassorbu ħafna problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom it-tfal tagħhom. Dan imbagħad qed iwassal biex ikollu impatt fuq il-finanzi tad-dar li fil-maġġoranza tagħhom għandhom dħul minn benefiċċji soċjali.
Din hi biss stampa waħda tal-faqar. Din hi esperjenza reali li rridu jew ma rridux tinsab tant ’il bogħod, imma tant viċin tagħna. Din hi realta li kienet u għadha magħna, mingħajr ma qed nindunaw, minkejja l-progress kollu li seħħ.
Fi żmien meta l-Knisja qed tiċċelebra Jum il-Karita hu sempliċi ħafna li ddaħħal idek fil-but u tagħmel karita ma’ dawn il-familji. Huwa sempliċi ħafna li titħassar dawn il-familji fil-bżonn. Imma l-karità hi iktar minn hekk.
Il-karità hi attitudni sensittiva mimlija mħabba. Hi rikonoxximent tad-dinjità umana ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-mument li nibdew inħarsu lejn kull persuna bħala persuna b’dinjità, hu l-mument li nibdew nagħmlu l-karità!

Leonid Mckay ikkoordina riċerka soċjali dwar il-faqar f’Malta

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Fl-arena ma’ Jason Micallef

Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti



Il Punt
Jum il-karità: mill-għatba ’l ġewwa
Leonid McKay


Toni u Peppi
Taqbel mas-sħubija tal-Partnership for Peace?



Emmanuel Micallef
Sarima fotokopja


Carmelo Mifsud Bonnici

Żmien determinanti



X'kien Jgħid
L-immunità tal-papri



Wenzu Mintoff

Naħqa ta’ ħmar
Kif jgħid il-Malti, naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema. Imma jien li f’ħajti qajla fittixt li nilħaq is-sema b’idejja, f’mumenti bħal dawn speċjalment, ma niddejjaqx inkun ħmar. Wara kollox il-ħmar huwa wieħed mill-iktar ħlejjaq espressivi u simpatiċi li għandna fil-ħolqien, ta’ paċenzja u manswetudni kbira, avolja xi minn daqqiet jagħti biż-żewġ.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan