Editorjal | 06 ta’ April 2008 Nr 75
Hu tajjeb u f’waqtu li l-Isqof ta’ Għawdex din il-ġimgħa talab skuża u maħfra lill-vittmi ta’ abbuż f’Lourdes Home f’Għawdex.
L-allegazzjonijiet ta’ abbuż ilhom ikunu investigati mill-2006 meta l-Isqof Mario Grech waqqaf kummissjoni apposta. Il-kummissjoni waslet għall-konklużjoni li numru ta’ tfal sofrew abbużi fiżiċi u psikoloġiċi meta kienu fil-kustodja tas-sorijiet fid-dar tal-Knisja.
Nemmnu li l-istqarrija ta’ l-Isqof kienet pass kuraġġuż li juri umiltà fil-konfront ta’ dawk li sofrew tbatija bla bżonn għax kienu f’pożizzjoni vulnerabbli.
Madankollu nemmnu li dan m’għandux ikun l-uniku pass li tieħu l-Knisja. Mhux biżżejjed li titlob maħfra.
Għalkemm it-tfal illum huma adulti u jista’ jkun li l-każi huma preskritti bil-liġi jkun f’waqtu jekk l-investigazzjoni tgħaddi f’idejn il-pulizija biex jekk ikun il-każ titwettaq ġustizzja ma’ dawk li wettqu l-abbuż.
Il-Knisja ma tistax tidher qisha qed taġixxi ’l fuq mil-liġi u għalhekk għandha d-dmir li tgħaddi l-każi lill-pulizija.
Kien pożittiv li l-Isqof qal li se jaħtar tim ta’ esperti biex jgħinu lill-vittmi ta’ l-abbuż. Wera li għalih jimpurtah il-fejqan psikoloġiku ta’ dawk li sofrew minn din it-trawma. Iżda bħalma ġieli ġara barra minn Malta, hemm lok li l-Knisja tagħti kumpens finanzjarju lil dawn il-vittmi tad-dannu morali li sofrew u ta’ l-ispejjeż kollha li kellhom jidħlu għalihom minħabba xi kura li seta’ kellhom bżonn?
Nemmnu li dan ikun pass ieħor kuraġġuż li jmur lil hinn mill-maħfra u jfittex li jagħmel ġustizzja anki jekk il-flus qatt mhu se jħassru l-memorji koroh.
Nifhmu li l-Isqof għadda r-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-kummissjoni lis-Superjura Ġenerali tas-Sorijiet Dumnikani li jmexxu Lourdes Home biex ikun evitat abbuż simili fil-futur.
Ma nafux x’inhuma dawn ir-rakkomandazzjonijiet għax ir-rapport ma kienx ippubblikat, iżda nemmnu li għandu jkun l-Istat permezz ta’ l-aġenziji tiegħu li jinforza standards għoljin fid-djar tal-Knisja biex ikun żgurat li t-tfal qed jieħdu l-aħjar kura f’ambjent dinjituż.
Napprezzaw is-sehem kbir li tat il-Knisja tul iż-żmien biex tgħin u twennes tfal li ma jistgħux jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom għal xi raġuni jew oħra. Forsi wkoll din il-ħidma soċjali tal-Knisja qatt ma ġiet apprezzata biżżejjed mill-Istat.
Iżda mhux biżżejjed li ngħidu prosit. Fejn jidħlu t-tfal jeħtieġ li niżguraw l-ogħla standards għax huma l-iktar sezzjoni tal-popolazzjoni vulnerabbli.
Nittamaw li dak li ġara f’Lourdes Home ma jiġrix postijiet oħra. Imma li nittamaw biss mhux biżżejjed. Il-Knisja trid tara li d-djar tagħha jkunu postijiet dinjitużi fejn l-iċken ħjiel ta’ abbuż ikun investigat u mwaqqaf minnufih u min iwettqu ssir ġustizzja miegħu.
Għalhekk il-maħfra weħidha mhix biżżejjed.
Jekk hemm xi tip ta’ manuvrar għaddej fil-Partit Laburista biex il-kandidatura prospettiva ta’ George Abela għat-tmexxija tal-partit tkun imxekkla fuq xi punt tekniku dan għandu jieqaf immedjatament.
Nemmnu li t-tiġrija għal kap tal-partit għandha ssir fuq triq lixxa għal kulħadd, inkluż George Abela.
Nippreferu naraw ġlieda ta’ l-ideat milli ġlieda burokratika li tispiċċa ddawwar l-attenzjoni fuq affarijiet li m’għandhomx importanza.
Apprezzajna wkoll l-kundanna tal-kandidat l-ieħor Joseph Muscat għal dawn it-tip ta’ manuvri bla sens f’kumment li ta lit-Times ilbieraħ. Nemmnu li dan hu s-sens ta’ maturità li għandhom juru l-kandidati kollha.
Iżda min-naħa l-oħra nixtiequ naraw attitudni iktar deċiżiva minn George Abela. Minkejja l-indikazzjonijiet kollha li qed jagħti li se jikkontesta Abela għadu ma ikkonfermax uffiċjalment b’xi stqarrija pubblika jew f’konferenza stampa li beħsiebu jitfa’ n-nomina.
F’mument li jitlob deċiżjonijiet ċari ma tistax toqgħod gallerija tilgħab ’l hemm jew ’l hawn. Minn issa sal-5 ta’ Ġunju nixtiequ naraw lill-mexxejja prospettivi jippreżentaw l-argumenti u jispjegaw il-viżjoni tagħhom u x’tip ta’ partit jixtiequ jaraw.
Fl-aħħar mill-aħħar id-delegati jew it-tesserati għandhom jivvutaw b’moħħhom skond dak li se jippreżentawlhom il-kontestanti quddiemhom. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lil Alfred Grixti
Editorijal

Il Punt
Leonid McKay

Toni u Peppi

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|