MediaToday

Xkien Jgħid? | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74

U x’se nagħmlu bl-imqarbin?

Issa li għaddiet il-festa tar-rebħa, il-battikata tal-kabinett u l-festi tal-Għid, Lorenzo xi jmissu jagħmel? Tweġiba faċli. Jipprepara għall-ftuħ tal-Parlament, jippjana programm leġislattiv li jkun rifless fid-diskors li l-President jaqra f’dak il-ftuħ u jibda l-ħidma tiegħu kif wiegħed qabel l-elezzjoni.
Sadanittant iridu jsiru l-elezzjonijiet każwali biex jimtlew is-siġġijiet ta’ dawk li telgħu minn żewġ distretti. Filwaqt li l-Partit Laburista diġà iddeċieda għal-liema siġġijiet se jsiru fil-każ tad-deputati tiegħu, l-eżekuttiv tal-PN għadu ma ltaqax, almenu biex tittieħed dik id-deċiżjoni.
Imma fl-aħħar mill-aħħar, jitla’ min jitla’ bl-elezzjonijiet każwali, dawn mhux se jkunu problema. Għax, kif jgħidu l-Ingliżi: ‘Beggars cannot be choosers’.
Il-problema vera hi li Lorenzo jista’ jkollu jħabbat wiċċu ma’ numru ta’ deputati mqarbin minn fost dawk diġà eletti u dan f’sitwazzjoni ta’ Gvern b’maġġoranza ta’ siġġu wieħed.
Hemm dawk li qabel kienu Ministri jew Segretarji Parlamentari u baqgħu b’xejn minkejja li l-poplu reġa’ tellagħhom fil-Parlament. Hemm oħrajn li ma kellhomx responsabbiltà poltika u li marru tajjeb ħafna, iżda li Lorenzo xorta ma għażilhomx għall-Kabinett.
Fost ta’ l-aħħar hemm id-dentist. Jista’ jkun li dan tajjeb biex jiftaħ ħalq il-pazjenti tiegħu u jikkurahom mill-għawġ, iżda meta fetaħ ħalqu fl-aktar punt kruċjali tal-kampanja elettorali dan ma ġabx ħlief għawġ lil Lorenzo!
Hi x’inhi l-istorja vera ta’ dak li ġara fl-aħħar ġranet tal-kampanja elettorali, m’hemmx dubju li lil Lorenzo u lil Saliba d-dentist urihom id-debba biex imbagħad Alfred Sant qabbżilhom il-ħmara... u li għall-PN dik il-ħmara saret tassew ħmar-il-lejl!
Forsi d-dentist jaħseb li li taħbi l-verità jew biċċa minnha mhux l-istess bħal li tigdeb – differenza fina u sottili; iżda t-tnejn huma atti ta’ turija ta’ nuqqqas ta’ fiduċja u t-tnejn jistgħu jkunu l-bażi ta’ tradiment.
U dan tradiment jidher li kien. Għax min ma qallux bl-eżistenza ta’ kuntratt li jitfa’ dawl differenti fuq l-istorja kollha ta’ l-art li d-dentist għandu fil-Mistra, lil Lorenzo ittradih.
X’se jagħmel id-dentist bis-siġġu li se jibqagħlu wara li, kif jitolbu r-regoli, jċedi wieħed minn dawk li rebaħ? Se joqgħod isaħħnu għal ħames snin, jippoża ta’ vittma innoċenti? Vittma tal-bluha tiegħu stess jista’ jkun. Iżda innoċenti...?
Kontra dak li jaħsbu ħafna, naħseb li d-dentist jispiċċa joqgħod bi kwietu jekk ma jdabbarx rasu.
Iżda l-oħrajn? Jissemmew Mugliett li żera’ r-riefnu u ħasad it-tempesta… u Ninu li għadu ma jistax jemmen li lilu ħallewh isaffar. In-nies ta’ l-inħawi minn fejn jitla’ qed igergru li issa m’għandhomx Ministru jaqdihom, bħallikieku l-Ministri jinħatru biex jaqdu l-kostitwenti tagħhom!
Naħseb li Lorenzo kellu raġun li Ninu issa żmienu għamlu u li dak l-avukat li qalibha lil Louis Galea għadu wisq novizz biex jingħata responsabbiltà ministerjali, kif milli jidher ippretenda. Dan uża l-’loġika’ li la l-elettorat eleġġa lilu minflok Ministru, allura hu għandu jkun Ministru!
Iżda s-serjetà titlob mod ieħor. L-ewwel wieħed għad irid jara dan Franco xi jsarraf.
Hemm imbagħad Arrigo li kiseb ħafna voti u li ma ddejjaq xejn jesprimi pubblikament id-diżappunt tiegħu li ma sarx Ministru. Il-fatt biss li qagħad imur quddiem il-kameras tat-televiżjoni u jesprimi dan id-diżappunt juri li l-element ta’ egoiżmu fil-motivazzjoni politika tiegħu hu wieħed qawwi żżejjed. U din raġuni tajba biżżejjed biex ma jinħatarx Ministru! Xejn xejn, ikkonferma li Lorenzo wiżen il-karattru ta’ Arrigo b’mod korrett!
Fuq kollox ħadd ma jista’ jħares b’mod oġġettiv lejn il-kwistjoni li fiha jkun involut hu stess. Din ħaġa naturali. U għalhekk jeżisti l-prinċipju, in propria causa nemo iudex - ħadd m’għandu jiġġudika lilu nnifsu. U la Ninu, la Mugliett u la Arrigo ma huma f’pożizzjoni jiġġudikaw deċiżjoni dwarhom stess.
Ma jfissirx dan li ma jitħajrux joqogħdu mqarbin u jinkwetaw xi ftit lil Lorenzo. Kemm se jinkwetawh, wieħed għad irid jara. Għax jafu li pass falz wieħed ikun ifisser it-tmiem tal-karriera politika tagħhom.
Se tkun mixja fuq ħabel stirat - tight-rope walking – b’uħud juru kemm huma arditi filwaqt li jridu joqogħdu attenti li ma jitilfux il-bilanċ. F’dak il-każ huma jaq għu biex ma jerġgħux jitilgħu filwaqt li Lorenzo, biex ngħidu hekk, jaqa’ u jqum!
Wara kollox, anki Duminku Mintoff irrovina t-tmiem tal-karriera politika tiegħu meta b’li għamel, qalulu ‘traditur’!
Aħseb u ara nies ta’ fibra ferm anqas.

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Operazzjoni politika

Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit



Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio


Toni Abela
Jeffrey Pullicino Orlando għandu jirriżenja?



Emmanuel Micallef
Tbaħbiħa mhux mesħa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bżonn ta’ riforma



X'kien Jgħid
U x’se nagħmlu bl-imqarbin?



Wenzu Mintoff

Fair play
Skond ma jgħidu, fil-gwerra l-Istorja tispiċċa dejjem tinkiteb min-naħa rebbieħa. B’hekk min ikun rebaħ dnubietu maħfura u jitgħattew kollha u min jitlef, id-dnubiet tiegħu jrid jiskorrihom sa l-inqas wieħed. Sta għalina li dan ma jkunx il-każ u l-istorja tinkiteb kif għandha tinkiteb b’mod sħiħ bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan