Aħbarijiet | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
Skond ma jgħidu, fil-gwerra l-Istorja tispiċċa dejjem tinkiteb min-naħa rebbieħa. B’hekk min ikun rebaħ dnubietu maħfura u jitgħattew kollha u min jitlef, id-dnubiet tiegħu jrid jiskorrihom sa l-inqas wieħed. Sta għalina li dan ma jkunx il-każ u l-istorja tinkiteb kif għandha tinkiteb b’mod sħiħ bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.
Sejjer żbaljat min qed jaħseb li għax rebaħ tellieqa elettorali jfisser li għandu raġun dejjem jew li għandu raġun f’kollox. Dak li joħroġ żgur minn din l-elezzjoni hu li l-poplu dejjem għandu raġun għax ivvota kif ivvota. U din id-darba iktar minn nofs il-poplu li mar jivvota ma jaqbilx mat-tmexxija Nazzjonalista, anki jekk skond ir-regoli tal-logħba tal-PN għandhom kull dritt jiggvernaw, bil-mazzra m’għonqhom jisimha JPO, permettendo, kif jgħidu t-Taljani.
Handicap
Filwaqt li veru li l-MLP żied il-voti tiegħu, b’7,800 biex inkun eżatt, dan ma kienx biżżejjed u bi ftit jew b’ħafna, xorta bqajna fejn konna. Mhux il-każ li wieħed joqgħod jikkonsla bil-marġini żgħir ta’ voti li jagħmel id-differenza bejn Gvern u Oppożizzjoni għax wara kważi 20 sena ta’ Gvern, anki kieku rebħu b’vot wieħed, kien ikun suċċess kbir għan-Nazzjonalisti.
Hu veru li l-MLP jibda kull tellieqa elettorali bi żvantaġġi kbar, jibda b’handicap qawwi f’termini sportivi. Imma jekk dawn huma żvantaġġi li l-Partit Laburista se jsib ma’ wiċċu f’kull taqbida elettorali, mhux il-każ li noqogħdu nnewħu u nieqfu hemm.
Anzi l-isforzi tal-Partit Laburista jridu jkunu ikbar biex realistikament jintgħelbu dawn il-handicaps u naslu xorta. Il-Partit Laburista għandu bżonn jirrealizza l-potenzjal sħiħ tiegħu, jimmassimizza u jagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi li għandu, speċjalment dawk umani u jagħti l-ispazju kollu għal min jixtieq jagħti sehmu b’riżq il-partit.
Port il-Kbir
Meta qed insemmi żvantaġġi għandi f’moħħi pereżempju l-abbuż li sar minn fondi pubbliċi minn diversi Ministri u eks-Ministri Nazzjonalisti biex sar reklamar awdjo-viżwali jew stampat biex tingħata pubbliċità għal proġetti li għadhom fuq il-karta u li jridu jgħaddu snin twal minn fuqhom biex xi darba jitlestew.
Ngħidu aħna ntefqu eluf kbar ta’ liri f’pullouts għal gazzetti ta’ nhar ta’ Ħadd, stampati fuq karta tleqq biex tingħata pubbliċità ftit tal-ġimgħat biss qabel l-elezzjoni għall-20 proġett li tfasslu mill-Ministeru ta’ Austin Gatt għaż-żona tal-Port il-Kbir.
Imma l-PN ma kienx l-uniku partit politiku li matul il-kampanja ħabbar il-proposti tiegħu għaż-żona tal-Port il-Kbir. Mhux biss il-Partit Laburista kellu l-blueprint tiegħu imma saħansitra anki wieħed mill-partiti ż-żgħar ippubblika l-pjan tiegħu għal din iż-żona.
Bħalma kienet qalet l-Awtorità tax-Xandir, dan it-tip ta’ reklamar ma kien xejn ħlief reklamar politiku u fil-fatt kien jammonta għal abbuż minn fondi pubbliċi mill-partit fil-Gvern. Fil-fatt dawn ir-riklami kienu twaqqfu minn fuq il-mezzi tax-xandir imma bħala pullouts fil-gazzetti baqgħu għaddejjin.
Qadi
Matul il-kampanja u fil-ġimgħat ta’ qabilha, minn Novembru ’l quddiem tista’ tgħid, assistejna għal ħafna taħrik u ċaqliq biex ċerti votanti Nazzjonalisti li kienu qed jaħilfu li mhux se jivvutaw lill-PN jinqdew fejn kellhom jew ma kellhomx jinqdew. Ħruġ ta’ permessi barra minn normal kemm fil-għadd u anki bħala tip ta’ permessi li ħarġu.
L-iktar każijiet lampanti: il-famużi permessi tas-supermarket ta’ Ħal Safi u tad-diskoteka tal-Mistra. Promozzjonijiet, ħatriet u x’naf jien, ħafna minnhom li kienu ilhom jistennew is-snin fuq l-ixkaffa li ngħataw l-imprimatur ta’ GonziPN, kumbinazzjoni fil-ġimgħat qabel l-elezzjoni.
Li tinqeda f’kampanja elettorali meta għandhom bżonn il-vot tiegħek u mhux meta kellek bżonnhom inti, hu dejjem ħażin. Jekk kellek ‘tinqeda’ bi dritt imisshom tawk dak id-dritt meta kien ħaqqek u qdewk meta kellhom jaqduk u mhux iħalluk imdendel sa l-aħħar u jaqduk qishom qed jagħmlulek xi pjaċir biex iġiegħluk tħossok obbligat. Agħar minn hekk, jekk dak li jkun ma kellux dritt jinqeda u spiċċa jinqeda xorta fil-fixla, il-ferneżija u r-rikatti ta’ qabel l-elezzjoni.
Ta’ barra
Żvantagg ieħor li sofra minnu kontinwament il-Partit Laburista fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni kien l-iżbilanċ matul ċerti programmi magħrufa fuq ix-xandir nazzjonali. Inutli noqogħdu nisħtu xortina jekk matul kampanja sħiħa ma sarx imqar rikors darba għar-rimedji li tista’ tagħti l-Awtorità tax-Xandir f’każijiet ta’ żbilanċ politiku. Inutli joqogħdu jissemmew fil-batal l-4,000 jew 5,000 votant li jgħixu barra minn Malta li ġew jivvutaw u telqu ’l hemm u iddeterminawlna ħajjitna, lilna li ngħixu hawn Malta.
Hekk għamlu din id-darba, hekk se jagħmlu drabi oħra jekk ma narawx kif se nħabblu moħħna biex niżguraw li jivvutaw biss dawk li għandhom dritt jivvutaw skond il-liġijiet tal-pajjiż. Irridu naraw ukoll kif il-messaġġ tal-Partit se jasal anki fost il-Maltin li jgħixu barra u li għandhom dritt jivvutaw Malta. X’għamilna biex nippruvaw nilħquhom bil-messaġġ tagħna lil dawn in-nies?
Hemm imbagħad il-kwistjoni ta’ kif il-partiti politiċi ewlenin bi spejjeż rikorrenti sostanzjali li għandhom u nfiq straordinarju kbir li jagħmlu meta taħbat elezzjoni ġenerali, isostnu lilhom infushom għal dawk li huma finanzi. F’dan ir-rigward in-Nazzjonalisti dejjem se jgawdu vantaġġ sostanzjali f’dawk li huma donazzjonijiet mill-kuntratturi u n-negozjanti. M’għandniex naċċettaw dan bħala fatt kompjut li ftit li xejn tista’ tagħmel sa l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fin-nofs hemm prinċipji fundamentali tad-demokrazija li suppost kulħadd għandu l-istess piż u influwenza bħala ċittadini ta’ dan il-pajjiż. Imma min jagħlef u jsostni bi flusu lill-Partit fil-Gvern jippretendi b’wiċċu minn quddiem li jaqsam fis-setgħa u jinfluwenza d-deċiżjonijiet ferm iktar minn ħaddieħor. Għalhekk il-ħtieġa ta’ regoli ċari bħalma jeżistu tista’ tgħid fil-pajjiżi kollha Ewropej biex ma nibqgħux f’dan l-istat ta’ anarkija li ninsabu fiha għal dak li hu finanzjament tal-partiti.
Parlament
Minkejja l-iżvantaġġi kollha li se nibqgħu nħabbtu wiċċna magħhom irridu nkomplu nissieltu għad-drittijiet taċ-ċittadin ordinarju daqslikieku ninsabu fil-Gvern u mhux barra l-Gvern. Ir-rwol tal-Grupp Parlamentari jrid jinbidel radikalment minn kif konna nafuh s’issa. Irid ikun grupp li mhux biss jikkritika u jirreaġixxi għall-aġenda iddettata mill-maġġoranza Parlamentari, imma li jkun wieħed pro-attiv, li jieħu l-inizjattiva hu biex jipproponi leġislazzjoni ġdida fl-interess ta’ aktar minn nofs Malta li mhix rappreżentata mill-Gvern tal-ġurnata.
Jekk il-Partit Laburista ħaddan u emmen b’konvinzjoni f’ċerti proposti elettorali, bħal ngħidu aħna tal-whistle-blower, ir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament għandhom xorta waħda jressqu dawn il-proposti ta’ liġijiet. Imbagħad jidher ikrah min għandu jidher jekk jiċħadhom minħabba kwistjoni tan-numri fil-Parlament.
Anki kwantu ta’ x’għandu jsir mil-lat regolatorju biex f’kampanja elettorali jinżammu r-regoli tal-fair-play u jiġu eliminati ċerti żvantaġġi mdaħħla fis-sistema, sta għad-Deputati tagħna li jressqu abbozzi ta’ liġijiet biex jingħata rwol regolatorju, pereżempju lill-Kummissjoni Elettorali, f’dan is-sens. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Toni Abela

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|