Toni Abela | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
Wara kulħadd għaref. Dak li qiegħed joħroġ issa stajna nsiru nafuh qabel l-elezzjoni u meta niftakar li l-elezzjoni ntrebħet bi ftit mijiet, dak li ħareġ mir-rapport ta’ l-Awditur tal-MEPA kien diġa’ magħruf lil xi wħud. Iżda kif jgħidu, il-mewt tidfen anke l-iżbalji tat-tabib, u f’dan il-każ l-iżbalji kollha tal-politiku li jiġi elett anke jekk ikun gideb.
Qiegħed ovvjament nirreferi għall-każ ta’ Jeffrey Pullicino Orlando u l-permessi abbużivi li nħarġu fuq biċċa art tal-Mistra. Li jgħaġġibni f’dan kollu kif Jeffrey Pullicino Orlando jibqa’ jinsisti li m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dan kollu, meta minn fomm wieħed li kellu jiddeciedi sirna nafu li kienet issir pressjoni fuqu mill-istess Deputat. Jekk dak li qal l-Awditur hu kollu minnu, kif allura dawk ix-xenati kollha qabel l-elezzjoni u saħansitra kiseb is-simpatija ta’ l-elettorat billi avvelixxa lill-Kap tal-Oppożizzjoni fid-dar tax-xandir?
Agħar minn hekk id-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista nbuttawh ’il quddiem flok talbuh spjegazzjoni ta’ verament x’ġara. Safejn naf jien, ma għandi ebda dubju li kemm Lawrence Gonzi kif ukoll Joe Saliba kienu jafu b’aktar dettalji dwar il-każ, minn kemm kien jaf Alfred Sant. Iżda ġiethom tajba, għax il-qrad kollu fl-għanqbuta tal-korruzzjoni li kienet tkebbet ma’ dan il-każ, b’kumbinazzjoni ħarġu wara l-elezzjoni.
Il-MEPA kienet tkun sors kontinwu ta’ imbarazzament għall-Partit Nazzjonalista tul il-kampanja elettorali. Fl-istess żmien li faqqgħet il-bomba ta’ l-art tal-Mistra kien hemm ukoll rapport ieħor ta’ l-Awditur dwar biċċa art oħra dwar il-ħruġ ta’ permessi għal supermarket f’Ħal Safi.
Minħabba dan il-każ saħansitra irriżenjat il-Kummissjoni Dwar il-Kontroll ta’ l-Iżvilupp ftit tal-ġimgħat qabel l-elezzjoni. Ngħid il-verità din ir-riżenja flimkien mat-tismija ta’ ismijiet bħal dak taċ-Ċaqnu, li ilna nisimgħu bihom tul is-snin li l-Partit Nazzjonalista ilu fil-Gvern, ħsibtha li se tkun xi kanonata elettorali. Iżda ma jidhirx li kienet il-każ.
Li ma stajtx nifhem hu kif Gonzi iddeċieda li jiffriża l-permessi kollha tal-MEPA wara l-elezzjoni u mhux qabel, meta kien jidher car li fil-MEPA għaddejja festa ta’ permessi li mhux suppost ħarġu. Kien jagħmel aktar sens, anke l-fatt li konna għaddejin minn kampanja elettorali, li dawn jieqfu qabel u mhux wara.
Iżda mhux hekk ġara. Minflok malajr malajr reġgħet ġiet appuntata Kummissjoni oħra. Kien jidher ċar li permessi riedu jibqgħu joħorġu tant li oħroġ il-għaġeb ħafna permessi ingħataw b’aktar ħeffa u bi kwantità akbar minn dawk li normalment kienu jiġu ipproċessati qabel. Fit-tromba tal-irregolaritajiet li bdejna nisimgħu bihom, il-kriterju kien li ma jintilfux voti qabel l-elezzjoni. Tant dan huwa minnu li l-għada tar-riżultat elettorali ġew iffriżati l-permessi kollha. Min seta’ jirrikatta bil-vot marritlu s-saħħa kollha.
Minn dan kollu nisiltu bosta argumenti. L-ewwel wieħed huwa dak li malajr kemm jista’ jkun indaħħlu l-Whistle Blower’s Act. Li kieku għandna makkinarju tajjeb min kixef l-abbużi għandu ċerti garanziji li bis-sistema li għandna bhalissa żgur li daħal f’ħalq il-lupu. Mingħajr dawn ix-xorta ta’ liġijiet għandna biss garanzija li dawn l-istejjer ser inkomplu nisimgħu bihom u x’aktarx insiru nafu bihom xi ftit qabel elezzjoni meta jkun tard wisq. Iżda jiena konvint li l-PN mhu ser jagħmel xejn minn dan kollu. Mhux biss għax il-Bambin biss jaf kemm-il skandlu hemm moħbi, iżda għax illum sar partit ta’ poter. Lanqas jista’ jgħid li hu partit popolari għax ir-riżultat jixhed dan kollu.
Nirrealizza kemm l-elettorat huwa inġust. Niftakar fil-każ ta’ Alfred Portelli li kien Segretarju Parlamentari għad-Djar fl-1998. Ftit tal-ġimgħat qabel l-elezzjoni Pierre Portelli, li x’akartx issa nerġgħu nibdew narawh fuq il-PBS, kien ħareġ aħbar falza fuq Alfred Portelli dwar xi bini li kellu jinxtara mill-Awtorità tad-Djar mingħand kuntrattur partikolari.
Alfred Portelli baqa’ l-art u ma reġax ra l-Parlament aktar. Pierre Portelli mhux biss tilef il-libell talli spiċċa lanqas deher għall-kawża. Fil-każ ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, għalkemm diġa’ kien hemm provi ċari li hu kien jaf b’dak kollu li kien għaddej fuq l-art tal-Mistra, għax beka fil-pubbliku u baqa’ jgħid li hu vittma, l-elettorat ippremjah għax tela’ b’qawwa minn żewġ Distretti.
Kultant nemmen l-argument li nisma’ fil-ħwienet tat-tè: li l-Malti japprova u jrid il-korruzzjoni. Argument li b’mod aktar sottili jsemmih anke s-soċjologu Jeremy Boissevan, li f’Malta s-sens qawwi ta’ familja fejn kulħadd jaqbeż għal kulħadd u fejn kulħadd ibenġilha lil kulħadd, jasal sal-pjaċiri li l-elettorat jippretendi li jieħu bi dritt mingħand il-politikant bir-rikatt tal-vot.
Bil-wegħda li toqtol il-korruzzjoni jew li tadotta l-politika ta’ “zero tolerance” tkun qiegħed thedded il-kodiċi antik ta’ pjaċiri, għax il-pjaċir fis-sustanza tiegħu huwa att ta’ korruzzjoni bejn il-politiku u ċ-ċittadin.
Għalhekk iċ-ċittadin li jikkorrompi mhux f’pożizzjoni li jitkaża bil-politiku korrott. Jekk dan huwa minnu, allura l-MLP anke minħabba li wiegħed l-indafa tilef il-voti.
Lawrence Gonzi qatt ma ikkommetta ruħu dwar dan l-aspett, anzi kien jgħid li kif qegħdin ninsabu tajjeb u biex ifuh fl-aħħar ftit ġimgħat beda jagħmel rapporti lill-Pulizija mhux għax xtaq, iżda għax ma setax jagħmel mod ieħor minħabba l-kritika li kienet issirlu. Meta Jesmond Mugliett offra r-riżenja tiegħu b’mod l-aktar farsesk ma aċċettahiex. Iżda meta ġie biex jagħmel Kabinett lil Jesmond Mugliett ma ħatrux Ministru għax l-eżerċizzju kemm qabel u kif ukoll wara l-elezzjoni kien biss kalkolu ta’ voti.
Jekk Jeffrey Pullicino Orlando mhux qiegħed jiġi “framed up” u jalla hu biex joħroġ nadif minn din is-saga politika, jiena ngħid li lanqas biss għandu jersaq lejn il-Parlament. Ma nafx x’qiegħed jistenna biex jgħid li ser jieqaf hawn.
Kien hemm il-każ ta’ Wenzu Gatt li kellu jirriżenja mill-Parlament minħabba dak li għamel ibnu u ma għamilx hu.
Kien hemm il-każ ta’ Lino Gauci Borda li għamel id-dnub li jagħmlu ħafna peress li kellu xi investimenti li ma kienx iddikjara mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Minn dak li nafu s’issa fuq il-każ tal-Mistra, il-fatti huma ħafna aktar gravi.
Kieku għandna lil Beppe Grillo f’Malta l-Bambin biss jaf x’kien jiġri. Iżda l-Beppijiet u Peppijiet li għandna f’Malta la għandhom x’jaqsmu ma’ Grillo u fejn jaqblilhom lanqas għandhom grillu! |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Toni Abela

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|