Aħbarijiet | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
Wara l-iskandlu tal-Mistra l-mistoqsija li tibqa’ ddur f’moħħ ħafna nies hi jekk Jeffery Pullicino Orlando għandux jirriżenja mill-Parlament. SABRINA AGIUS marret fil-kostitwenza tad-dentist biex tara x’jaħsbu dwar il-każ
Minkejja l-fatti li ħargu matul il-kampanja elettorali dwar l-applikazzjoni għall-permess biex tinbena diskoteka fil-Mistra, u l-fatt li Jeffrey Pullicino Orlando kien jaf b’kollox minkejja li qal bil-kontra, dan xorta tela’ sparat minn żewġ distretti.
F’Ħaż-Żebbuġ li jaqa’ fil-kostitwenza ta’ Pullicino Orlando r-reazzjoni ġenerali hi iddominata mis-skiet. Kif jgħid il-qawl: rajt ma rajtx, smajt ma smajtx.
Bejn ix-xita traxxax u l-omertà tan-nies xorta sibna lil min kien lest jgħid tiegħu fuq il-każ Pullicino Orlando.
“Imissu ilu li rriżenja. Imissu lanqas biss ħareġ għall-elezzjoni. Jien għalija qatt ma missu ħareġ għax ma mexiex sew. U anki din li l-Prim Ministru qabel miegħu. Pastażata mill-kbar. Jekk inhu hekk għandu jitkeċċa. Bħalissa hawn għajdut kbir fuqu u mhux fuq ix-xandir biss,” jgħidulna Mabbli Spiteri ta’ 60 sena u Michael Chirop ta’ 68 sena.
F’moħħom m’hemmx dubju li l-bikja tad-dentist qanqlet lin-nies biex jivvutawlu.
“Dak il-biki li beka taħt it-tinda ħadem,” qalilna Chircop bi tbissima.Għal John Bonello ta’ 59 sena u ħaddiem mal-Gvern, m’hemmx ħniena.
“Kellhom bżonn jarrestawh. Mela dak mhux skandlu jew? Mhux hekk... imbagħad jien ilni tliet snin nistenna biex joħroġli permess! Hekk sew allura?”
Madankollu għal Anthony Buttigieg, pensjonant ta’ 80 sena, il-każ mhuwiex daqstant ċar. Minn fuq il-bank taħt siġra fil-pjazza jgħidilna li “dan mhux każ ċar ta’ korruzzjoni.”
Iżda Buttigieg jemmen li Pullicino Orlando jmissu diġà qabad u telaq minn jeddu.
“Imissu jirriżenja llum qabel għada. Naħseb hemm ħaddieħor involut miegħu. L-ewwel ħallih joħroġ għall-elezzjoni, telgħu bis-saħħa tiegħu. Imbagħad ma jriduhx. Il-politika maħmuġa. M’hemmx xi tgħid,” jinsisti.
Iżda mhux kulħadd lest jaqta’ l-kundanna għalissa. Charlie, bejjiegħ tal-ħaxix ta’ 40 sena jgħid li Pullicino Orlando jirriżenja jekk għamel xi ħaġa ħażina.
“Jekk le m’għandux għalfejn. Għad m’hemmx provi li hu ħati. M’għandhiex tingħata l-kundanna qabel ma tinqata’ s-sentenza.”
Carmel Cuschieri, pensjonant ta’ 72 sena, jagħti l-benefiċċju tad-dubju lid-dentist.
“Hawn min jgħid li iva u hawn min jgħid le. S’issa għadu mhux ħati. ’Il quddiem il-bniedem ikun jaf. Però l-Prim Ministru s’issa qal li mhux ħati.”
Tlaqna minn Ħaż-Żebbuġ f’xita għadha traxxax. Is-skiet ta’ dawk li qalu li ma jafu b’xejn dwar il-każ Pullicino Orlando hu tqil ħafna. Forsi hi riflessjoni tal-ħasda li ħadu l-kostitwenti bil-mod kif il-Membru Parlamentari ‘tagħhom’ spiċċa jaqa’ mill-glorja. |
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Toni Abela

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|