Aħbarijiet | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74
Deċiżjoni politika bil-moħbi li qanqlet dubji għalxejn
Kurt Sansone
Il-mod baxx baxx kif ittieħdet id-deċiżjoni mill-Gvern biex jerġa’ jiftaħ l-applikazzjoni għal sħubija fil-programm tan-NATO Partnership for Peace (PfP) m’għenitx biex titwarrab il-biża’ li suldati Maltin jispiċċaw jintbagħtu għall-gwerra taħt il-kappa tan-NATO.
Sorsi fil-Forzi Armati li ma xtaqux ikunu identifikati sostnew ma’ din il-gazzetta li sħubija fil-PfP bl-ebda mod ma tfisser li Malta se jkollha l-obbligu li tipparteċipa jew issostni lill-membri l-oħra tal-PfP jekk jidħlu f’xi gwerra jew imorru għal missjonijiet umanitarji.
“Malta tagħżel hi x’tip ta’ programm se tidħol għalih mal-PfP. Imma din l-għażla bl-ebda mod ma tobbliga lill-pajjiż jieħu sehem f’xi missjonijiet. L-għażla jekk pajjiżna jibgħatx suldati fuq missjonijiet umanitarji tibqa’ f’idejn il-Gvern Malti,” sostnew is-sorsi.
Il-membri tal-Forzi Armati li tkellmu ma’ Illum qalu li kien ikun aħjar jekk deċiżjoni politika bħal din ittieħdet b’kunsens biex jitwarrbu d-dubji.
Huma qalu li sħubija fil-PfP se tgħin biex is-suldati jkollhom taħriġ professjonali ma’ suldati barranin f’eżerċizzji li jsiru minn żmien għall-ieħor.
Skond informazzjoni uffiċjali li ngħatat lill-media mill-Forzi Armati nhar il-Ġimgħa li għadda iswed fuq l-abjad hemm miktub li sħubija fil-PfP bl-ebda mod ma’ taffetwa n-newtralità, fl-ebda ċirkostanza Malta mhu se tkun obbligata tipparteċipa f’missjonijiet umanitarji jekk mhux b’deċiżjoni tal-Gvern Malti u jekk l-armata tipparteċipa f’missjonijiet umanitarji l-għażla tas-suldati tkun fuq bażi volontarja.
Intant, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Tonio Borg iddefenda l-mod li bih il-Gvern ħa d-deċiżjoni biex jerġa’ jiftaħ l-applikazzjoni ta’ Malta għall-PfP.
F’artiklu għal din il-gazzetta Borg sostna li l-urġenza kienet ġejja mill-fatt li fl-ewwel ġimgħa ta’ April se jitlaqqa’ s-summit tan-NATO fejn l-applikazzjoni se tkun kunsidrata.
“Ridna wkoll li l-isħubija tagħna tiġi diskussa għaliha waħedha u ma tiġix marbuta ma’ ta’ ħaddieħor,” qal Borg.
Il-ministru spjega li f’dawn l-aħħar snin Malta ħassitha żvantaġġata meta f’laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-UE pajjiżna kien imċaħħad minn dokumenti marbuta ma’ difiża għax kienu joriġinaw min-NATO. “Kien ħażin li pajjiżna jibqa’ sajjem minn ċerta informazzjoni,” sostna Borg.
Sħubija fil-PfP tfisser li pajjiżna jkollu aċċess għal informazzjoni klassifikata dwar materja ta’ sigurtà.
Iżda hu fatt ukoll li l-Gvern Amerikan għamel pressjoni fuq Malta biex tissieħeb fil-PfP għalkemm mhuwiex ċar jekk din il-pressjoni kenitx marbuta man-negozjati bejn iż-żewġ gvernijiet biex jintlaħaq ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja.
|
|
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit
Editorijal

Il Punt
Michael Briguglio

Toni Abela

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|