MediaToday

Aħbarijiet | 30 ta’ Marzu 2008 Nr 74

Riżenja fil-ħabs

• Melchior Spiteri nqafel taħt sigurtà massima wara informazzjoni li kien se jaħrab
• Jirriżenja ċ-Chairman tal-Bord tal-Ħabs għax Spiteri nqafel mingħajr l-ebda provi

Julia Farrugia

Tul din l-aħħar ġimgħa Mario Felice irriżenja minn Chairman tal-Bord tal-Ħabs. Dan il-bord konsultattiv qiegħed hemm biex fost l-oħrajn jara li jkunu mħarsa d-drittijiet umani tal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Illum għandha konferma li Mario Felice tefa’ r-riżenja għax ma qabilx ma’ deċiżjoni li ttieħdet mit-tmexxija tal-ħabs li ħabta u sabta tefgħu lill-priġunier Melchior Spiteri f’Diviżjoni Sitta, f’ċella iżolata taħt sigurtà massima.
Spiteri kien trasferit f’din id-diviżjoni l-Ġimgħa 7 ta’ Marzu, ġurnata qabel l-elezzjoni. Il-priġunier issakkar fiċ-ċella u l-ordni kienet li ma kellux jitħalla joħroġ minnha.
Spiteri nqatgħulu wkoll iż-żjarat fil-ħabs u qed jitħalla jċempel biss għal 10 minuti filgħodu u 10 oħra filgħaxija. Ir-raġuni li ngħata għal dan il-kastig kienet li t-tmexxija tal-ħabs waslitilha informazzjoni li kien qed jippjana li jaħrab.
Sorsi viċin il-ħabs ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li Felice ma qabilx ma’ din id-deċiżjoni, l-aktar għaliex ma kien hemm l-ebda prova fuq din l-allegazzjoni.

Allegatament Felice argumenta li wara li sema’ l-każ ta’ Melchior Spiteri ra biċ-ċar li t-tmexxija tal-ħabs kisret ir-regolamenti. Persuni ta’ min jorbot fuqhom sostnew li jekk Melchior Spiteri ma kienx se jinħareġ minn hemm kien se jirriżenja. It-tmexxija tal-ħabs wieġbet li ma kellhiex intenzjoni li tbiddel id-deċiżjoni tagħha.
Persuni qrib Melchior Spiteri sostnew ma’ Illum li hekk kif il-priġunier fis-7 ta’ Marzu ssakkar fiċ-ċella f’Diviżjoni Sitta, talab kemm-il darba li jiltaqa’ mad-Direttur tal-Ħabs madankollu, skond Spiteri, id-Direttur irrifjuta.
Skond l-istess persuni t-Tlieta 11 ta’ Marzu, it-tmexxija tal-ħabs fetħet il-bieb taċ-ċella u ħallietu joħroġ u jitħallat ma’ priġunieri f’din id-diviżjoni ta’ sigurtà massima.
L-għada l-Erbgħa Melchior Spiteri jidher li reġa’ talab li jiltaqa’ mad-Direttur tal-ħabs. Fl-10 ta’ filgħodu Spiteri allegatament hedded lill-uffiċjali li kienu għassa u qalilhom li jekk sa nofsinhar id-Direttur mhux se jkellmu kien se jurihom min hu Melchior Spiteri.
Fuq din it-theddida ngħatat ordni biex il-priġunier jerġa’ jissakkar mill-ġdid fiċ-ċella. Kien ftit wara li Spiteri bi protesta qata’ l-polz ta’ jdejh bi ħġieġa ta’ arloġġ u kellu jiddewwa għall-feriti li ġarrab. Għal xi ħin Spiteri anke ttella’ l-Isptar Monte Carmeli.
Spiteri kien u għadu qed jipprotesta dwar il-fatt li persuna ma tistax titfgħu f’ċella f’iżolament f’sigurtà massima meta ma hemm l-ebda provi li hu kien se jaħrab. F’messaġġ li bagħat lil din il-gazzetta Spiteri qed jgħid li xi ħadd seta’ iffremjah.
Allegatament f’ħin minnhom Spiteri hedded numru ta’ uffiċjali tal-SRT u konsegwentament il-bieraħtlura Melchior Spiteri tressaq il-Qorti b’akkużi ta’ theddid fuq uffiċjali pubbliċi. Spiteri wieġeb li mhux ħati u għażel li fl-awla quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona jmexxi l-kontro eżami fuq ix-xhieda hu.
Fil-Qorti għad iridu jinstemgħu dettalji dwar theddida oħra li allegatament saret minn Spiteri fuq id-Direttur tal-ħabs.
Persuni qrib il-faċilità f’Kordin qalu lil Illum li Melchior Spiteri l-Ġimgħa 15 ta’ Marzu għamel talba oħra biex jiltaqa’ mad-Direttur. Is-Sibt id-Direttur kellmu lura bit-telefon u qallu li kien se jiltaqa’ miegħu t-Tnejn 17 ta’ Marzu fl-10 ta’ filgħodu.
Allegatament it-Tnejn, waqt li Melchior Spiteri kien fl-Uffiċċju tad-Direttur tal-ħabs Sandro Gatt, heddu fil-preżenza tal-kuntistabbli Chris Bonnici. Spiteri allegatament qal illi “li kieku kellu ħġieġa itwal, kien idaħħalhielu f’għonqu. ”
F’xi ħin wara t-tmexxija tal-ħabs irċeviet rapport li tliet persuni li ġieli xellfu difrejhom mal-Ġustizzja kienu qed iwettqu pjan biex jagħmlu xi ħaġa lid-Direttur tal-ħabs Sandro Gatt u lix-xufier tiegħu.
Sorsi qrib il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qalu lil din il-gazzetta li filmati miġbuda minn cameras tas-sigurtà tal-ħabs qabdu tliet persuni suspettużi jistennew ħdejn il-pompa tal-petrol abbandunata li hemm faċċata tal-ħabs. Dawn il-persuni huma eks priġunieri f’Kordin u wħud minnhom skontaw sentenza fuq serq u droga.
Il-pulizija intervjeniet mill-ewwel u minn tagħrif li għandha din il-gazzetta jirriżulta li fi ftit ħin il-pulizija mill-Iskwadra tal-Mobile kienu fuq il-post. Iżda t-tliet persuni li dehru fil-filmat laħqu ħarbu. Kien għalhekk li bdiet tfittxija għalihom u ftit wara nġabru għall-interrogazzjoni.
S’issa għadu mhux magħruf jekk il-Pulizija stabbilitx jekk din it-twissija kellhiex rabta diretta mal-każ ta’ Melchior Spiteri.

 

Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta


Intervista
Operazzjoni politika

Julia Farrugia tintervista lill-Professur Anthony Zammit



Il Punt
X’mar ħazin għall-AD?
Michael Briguglio


Toni Abela
Jeffrey Pullicino Orlando għandu jirriżenja?



Emmanuel Micallef
Tbaħbiħa mhux mesħa!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-bżonn ta’ riforma



X'kien Jgħid
U x’se nagħmlu bl-imqarbin?



Wenzu Mintoff

Fair play
Skond ma jgħidu, fil-gwerra l-Istorja tispiċċa dejjem tinkiteb min-naħa rebbieħa. B’hekk min ikun rebaħ dnubietu maħfura u jitgħattew kollha u min jitlef, id-dnubiet tiegħu jrid jiskorrihom sa l-inqas wieħed. Sta għalina li dan ma jkunx il-każ u l-istorja tinkiteb kif għandha tinkiteb b’mod sħiħ bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha.


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan